Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1159829
F etaħ għajnejh. Id-dawl beda dieħel f 'kamartu minn ġol-apertura kbira tal-ħġieġ li kienet tagħti għal ġnien imdaqqas. Fil-bidu beda jbexxaq għajnejh għax id-dawl beda jdejqu iżda mbagħad, il-ħabbiet t'għajnejh draw il-mixgħela ta' jum sabiħ sajfi. Billi parti mit-tieqa kienet imbexxqa għall-arja, seta' jxomm ir-riħa ta' ġiżimin u rand li kienet dieħla minn barra u l-għana tal-għasafar wennsitu mhux ftit. Fil-bidu eżatt malli kien ġie f 'tiegħu, bħal donnu beda jħossu jinsa fejn kien qiegħed. Imma mbagħad beda jħoss il-liżar b'idejh, ixomm ir-riħa tfuħ tal-imħadda, iħares lejn ritratt tagħha, f 'inkwatru maġenbu u beda jiftakar. Tbissem waħdu. Kien qiegħed għand Marija, l-infermiera ħelwa tiegħu. Billi issa ma kienx għadu żgħir u kien għalaq is-sebgħin u fuqhom, ma setax jibqa' joqgħod id-dar waħdu. Kellu bżonn lil xi ħadd biex jieħu ħsiebu. U għalhekk kien qed joqgħod hawn magħha. Ma' Marija, l-infermiera l-ħelwa li kellu. Għalkemm ma setax jiftakar meta kien iltaqa' magħha għall-ewwel darba, ħarsa waħda lejn ir-ritratt tagħha ġabitu f 'tiegħu dwar kemm kienet sabiħa. U għalkemm illum għalih kien spiċċa żmien ix-xalar u l-perlini, xorta waħda kien iħoss ġibda tassew speċjali lejn Marija. Qam bilqiegħda fis-sodda u ħares lejh innifsu fil-mera, fil-ġenb, hekk kif beda jisma' l-passi resqin lejn kamartu. Għalkemm xagħru kien bjad sew, kien għadu folt u t-tikmix li kellu fuq wiċċu ħass li kien jixraqlu. Albert ma kienx raġel ikrah u hu kien jagħmel minn kollox biex iżomm ruħu attiv. Tektika żgħira mal-bieb. Tbissima unika tagħha hekk kif ħarset lejh malli fetħet u daħlet ġewwa. Riħa tfuħ. Dak is-sapun li kienet tinħasel bih kien verament jogħġbu. 'Kif qomna dalgħodu Albert?' staqsietu Marija, tnewwillu gabarrè mimli frott frisk u tazza ħalib. 'Tajjeb ruħi,' qalilha, jitbissmilha bil-qalb. Ħares lejha sew u flieha. Kemm kienet ħelwa! Għalkemm ma kinitx ħafna iżgħar minnu, Marija kienet iżżommha u wiċċha baqa' jidher qisha xi waħda għadha fuq it-tletinijiet. Kieku mhux għax kienet tħobb tħalli xagħarha jkanġi fuq il-griż, kieku ma kontx ittiha daqshekk żmien. Tikmix ma kellha xejn u jdejha kienu tad-deheb. 'Kul il-kolazzjon. Imbagħad inżel isfel ħalli naħslek,' qaltlu, tpoġġilu l-gabarrè eżatt quddiemu fuq is-sodda u tirranġalu troffa xagħar bajda li kienet niżlet quddiem għajnejh. 'X'inti sabiħa, Marija...' qalilha, jaqbad il-larinġa u jibda jqaxxarha bi ftit rogħda żgħira fuqu. 'Grazzi Albert,' weġbitu, ittaptaplu fuq spallejh. 'Inti l-isbaħ pazjent li qatt kelli!' 'Tassew?' staqsieha. 'Aqtagħli kurżità,' qalilha, jeħdilha idha f 'tiegħu. 'Inti qatt kont miżżewġa?' Għal mument, Marija ħarset f 'għajnejh, donnha ma kinitx taf x'kellha twieġbu. 'Le,' qaltlu. 'Le.' U xenglet rasha. 'Naf li forsi din tinstema' xi ftit stramba...imma,' beda jgħidilha. 'Naf li għada jista' qatt ma jasal, Marija. U jien...' 'Int? Xiex?' 'Iżżewwiġni, għażiża Marija...' qalilha. 'Naf li m'għadniex żgħar. Naf. Imma qabel inħalli din id-dinja, irrid inkun ir-raġel tiegħek.' Marija tbissmitlu. Għal mument ma weġbitux. Albert beda jħoss ir-rogħda tieħu kontroll ta' ġismu kollu. Dan x'kien għamel? Issa jekk tgħidlu le? U dak il-ħin, donna l-kamra xegħlet b'aktar dawl. Marija għamlitlu iva b'rasha! 'Iva? Vera? Tassew?' staqsieha aġitat. 'Tridni inti wkoll?' 'Iva. Ilni ħafna nixtieq...' weġbitu, leħinha kemxejn baxx. 'Marija,' għafsilha idha bejn idejh. 'Irrid niżżewġek illum. Illum stess. Għada qatt ma jasal!' kien dejjem sejjer. 'Niżżewġu llum,' qaltlu. 'Għal daqshekk? Issa nċempel lil Father Timmy u ngħidlu jiġi s'hawn.' 'Kemm tagħmilni kuntent kieku! Inkun l-aktar raġel ferħan tad-dinja!' qalilha bid- dmugħ f 'għajnejh. Ma tantx dam jiekol il- kolazzjon, tant kemm kien ferħan. Albert sab libsa skura fil- gwardarobba, ħareġ fil-ġnien u poġġa fjura safra fuq in- naħa ta' sidru għax il-kulur isfar kien jogħġbu. Mar fejn is-seftura li kellha Marija u ordnalha taħmi xi ftit pasti u kejk imdaqqas. Avolja kien jieħu kull xorta ta' pirmli, illum kienet ġurnata speċjali u ried li jkollhom kejk tajjeb għal din l-okkażjoni. Marija marret f 'kamritha, irranġat xagħarha u ħejjiet libsa. U f 'kemm ilna ngħidu, kollox kien ippreparat fil- ġnien. Mejda mdaqqsa b'kejk sabiħ fin-nofs, żewġ ċrieket li kienet ġabet Marija, wieħed jieħu r-ritratti bi tbissima fuq xufftejh u l-qassis hemm maġenbu lest biex iżewwiġhom! Fl-aħħar kien ser jaqta' xewqtu! U xħin raha ġejja lejh, bil-fjuri f 'idejha f 'bukkett magħmul għall-okkażjoni mill-ġnien tagħha stess, fejn kien hemm diversi fjuri kkuluriti, libsa kaffelatte twila sal-art, xagħarha griż mgħolli 'l fuq, irtukkjata b'mod perfett, ma setax ma joħroġlux dmugħ! Kemm kien ferħan! Kien ser itir bil-ferħ! 'Iva!' wieġeb lill-qassis qabel kien qal il-kliem tar-rabta taż- żwieġ. 'Iva, iva u iva!' 'Tajjeb Albert! Donnok ma flaħtx tistenna!' qallu l-qassis, jiggustahom. Tar-ritratti kien qed jitbissem, jifraħ magħhom u kull tant ħin, jaħsadhom bil-ħoss tal-kamera. Beda jgħannaq lil Albert u Marija. Imbagħad wara ċ-ċerimonja qasmu l-kejk u daqu ftit mill-pasti li kienet ħmiet is-seftura ta' Marija, li kienet ħarġet hawn barra tiċċelebra magħhom f 'dan il-ġnien imdaqqas. Wara kien żifen żifna magħha u qagħdu mgħannqin għal xi ħin taħt is-siġar. 'Inħobbok Marija,' qalilha. 'Grazzi talli għamiltni l-iżjed raġel ferħan tad-dinja.' 'Naf li tħobbni,' qaltlu. 'Anke jien ħafna.' 'Dnub li mara bħalek kienet għadha qatt ma żżewġet...' qalilha b'leħen ġentili, għajnejh jidħqulha. 'Il-ħajja kultant ma tkunx kif irriduha aħna, Albert. Imma jkollna nikkuntentaw bis- sitwazzjoni li nkunu fiha. Ma jkunx hemm għażla oħra. U nkunu grati ta' kollox.' Marru id f 'id fil-kamra tagħha fis-sular ta' fuq u bil- galbu għamilha tiegħu. Wara ftit ħin, Marija qamet bilqiegħda fis-sodda. 'Albert, naf li tixtieq li nibqa' hawn miegħek, imma ser ikolli noħroġ ftit għax għandi appuntament illum. Ma ndumx ma nerġa' niġi lura,' qaltlu. 'U iva, ma jimpurtax. Jien ma rridx intellfek tafx!' qalilha bi tbissima. 'Hawn ser nibqa'.' Ħallieha titlaq 'il barra, libes ħwejġu u ħareġ fis-salott, jipprova jfittex xi ktieb tajjeb ħalli jgħaddi ftit ħin jaqra. Fis-salott kien hemm diversi kotba minn fejn wieħed seta' jagħżel. Qabad ktieb minnhom, ħarġu minn fuq l-ixkaffa u mar bih f 'kamartu. Poġġa bilqiegħda quddiem l-apertura kbira u fetaħ il- ktieb fl-ewwel paġni. Qalbu għamlet tikk. Minn ġol-ktieb waqa' ritratt. Ritratt abjad u iswed. Ritratt li ħasdu mhux ftit! Ritratt ta' Marija. Liebsa libsa tat-tieġ. Meta kienet għadha ħafna iżgħar! Bla ma ried, beda jġelben id- dmugħ minn ġo għajnejh. Kienet gidbitlu! Marija kienet gidbitlu! Għal mument, ħares lejn ir-ritratt tagħha u ħassu mnikket. Għaliex ma kinitx qaltlu l-verità? Kienet ingannatu! Imbagħad daħħal ir-ritratt lura fil-ktieb donnu jistmerru, niżel lura fis-salott, il-ħajra li jaqra kienet telqitu għalkollox, poġġa l-ktieb f 'postu u mar jistennieha f 'soddtu, iħossu kemm kemm għajjien. Marija daħlet f 'kamartu xi sigħat wara, bil-basket għadu f 'idejha. Magħha kien hemm dak li kien għamel nofs ta' nhar jeħdilhom ir-ritratti. 'Ma...' qalilha, iħares lejn Albert rieqed fis-sodda bilqiegħda. 'Raqad.' 'Iva,' weġbitu Marija, b'għajnejha jleqqu. Marret ħdejn Albert, neħħietlu l-imħadda minn wara dahru, niżżlitu sew f 'soddtu u għattietu b'tant imħabba. 'Tgħid għada jerġa' jipproponilek il-papà?' staqsieha dak, iħares lejn missieru bid-dmugħ f 'għajnejh. 'Kull filgħodu...kull filgħodu ibni...' 'U inti terġa' tiżżewġu kuljum!' 'Nieħu gost Kain. Kull darba li pproponieli, dejjem iva għedtlu. U hekk ser nibqa' nagħmel!' qaltlu Marija bid- dmugħ f 'għajnejha, tħares lejn ir-raġel tagħha rieqed raqda trankwilla ġo soddtu, jonħor bil-mod. 'Mur għidlu li suppost ilkom miżżewġin ħamsin sena!' weġibha binha, jaqbadha lambranzetta u joħorġu barra mill-kamra flimkien. 'Xejn ma jiftakar ibni... xejn. Għalih, għada qatt ma jasal. U lanqas ilbieraħ. Imma kull darba li jipproponili, ninduna li kieku kellu jerġa' jiltaqa' miegħi għall-ewwel darba, kieku jerġa' jħobbni...u nħossni tajba.' illum | Il-Ħadd 25 ta' Awwissu 2019 Rakkont 20 Sharon Calleja Għada qatt ma jasal