Illum previous editions

ILLUM 25 August 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1159829

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 31

F tit tal-jiem ilu tħabbar li l-privatizzazzjoni tal-korsa taż- żwiemel tal-Marsa għaddiet b'mod unanimu mill- Parlament. Dan il-proċess beda aktar minn erba' snin ilu b'Request for Proposals maħruġ mill- Privatisation Unit. Niftakar li kien hemm sottomissjoni waħda minn konsorzju msejjaħ Marsa Race Track Limited (MRTL) u s-Segretarjat Parlamentari għall-isport kien insista li d-diskussjonijiet mal-konsorzju jibdew minnufih. Dak iż-żmien ħadd ma kien jaf eżatt kif ħa jiżvolġi dan il-vjaġġ u fejn se jwassal, però kulħadd xammar il-kmiem u bdew in-negozjati mal-MRTL. Il-proċess tmexxa mill- Privatisation Unit u fih kienu involuti diversi partijiet inkluż il-konsorzju nnifsu, il-Malta Racing Club, il-Malta Polo Association u s-Segretarjat Parlamentari għall-isport. Kulħadd kien konxju li t-tiġrijiet taż-żwiemel u anke l-logħob tal-polo, kellhom tradizzjoni li tmur lura ħafna żmien. Il-Malta Racing Club ġie mwaqqaf fl-1868, aktar minn mija u ħamsin sena ilu. Għaldaqstant kien imperattiv li dan il-wirt tradizzjonali jiġi rikonoxxut u mħares u sa mill- bidu l-objettiv prinċipali allura kien, li l-isport tat-tiġrijiet taż- żwiemel u l-polo jiġu msaħħa biex jimxu 'l quddiem. Il-pjanijiet li ssottometta l-konsorzju mill-ewwel kienu juru li dawn kienu qed jippjanaw investiment kbir fil-korsa tal-Marsa u li t-trakka kif konna nafuha s'issa kienet sa titjieb bil-kbir. Il-konsorzju kien qed jipproponi li l-korsa tat-tiġrijiet taż-żwiemel kellha tittawwal mit-tul preżenti tagħha, jiġifieri minn dak ta' 1,000 metru għal 1,300 metru, biex it-tiġrijiet, kemm tat-trott kif ukoll tal- galopp, isiru b'mod aħjar. Il-pitch tal-polo kien propost li jsir wieħed tal-ħaxix u kien hemm proposti wkoll dwar kif sa jsir il-bini tal-korsa mill- ġdid, il-bini tal-grand stand, numru sostanzjali ta' stalel, ċentru għall-benesseri taż- żwiemel, laboratorju għad-dope testing, flimkien ma' numru ta' elementi kummerċjali oħra li jinkludu ħwienet, ristoranti u anke uffiċini. Kien identifikat ukoll u propost sit għall-parkeġġ fejn bħalissa hemm il-venda tal- karozzi tal-linja. Il-pjanijiet għal dan is-sit kienu li s-sular t'isfel ikollu għoli doppju biex jibqa' jakkomoda l-użu preżenti ta' bus terminus u fuqu jinbnew tliet sulari oħra ta' parkeġġ għall-użu ta' karozzi privati. M'għandniex xi ngħidu, kien hemm diskussjonijiet fit-tul fuq dawn il-pjanijiet li fl-aħħar wasslu għall-iffirmar ta' memorandum ta' qbil bejn il-Gvern u l-MRTL f 'Marzu tal-2017. F'Ġunju tal-istess sena, saret elezzjoni ġenerali li warajha, id-dekasteru tal-isport mar għand Clifton Grima li nħatar Segretarju Parlamentari ġdid responsabbli mill-isport. Ix-xogħol kompla immedjatament u b'ritmu mgħaġġel. Beda jidher ċar ukoll li jekk jiġi approvat dan il-proġett, l-irwol tal-Malta Racing Club kellu jinbidel. Bħalissa l-Malta Racing Club għandu rwol doppju, dak bħala l-entità li torganizza t-tiġrijiet taż-żwiemel hawn Malta kif ukoll dak ta' regolatur tal-istess attività. Dan irid jinbidel hekk kif l-operat tal-korsa jgħaddi għand l-operatur il-ġdid. Beda jidher b'mod aktar ċar kif il-Malta Racing Club ried jgħaddi minn proċess ta' trasformazzjoni biex l-operat tat-tiġrijiet, inkluż il-manutenzjoni tal-korsa, jgħaddu għand l-operatur il-ġdid u l-klabb jinbidel f 'awtorità li tissorvellja t-tiġrijiet taż-żwiemel fil-perspettiva regolatorja tagħhom. Dan l-irwol il-ġdid kellu jinkludi fost l-oħrajn, is- salvagwardja assoluta tal-integrità f 'dan l-isport, il-liċenzjar kollu relatat mat- tiġrijiet taż-żwiemel inkluż dak tal-korsa nnifisha, regolamenti u dixxiplina u l-benesseri tal- annimali. Matul dan il-proċess, il-Malta Racing Club qatt ma nesa li s-sinsla ta' dan l-isport huma s-sidien taż-żwiemel. Kieku ma kienx għall- investiment li dawn in-nies jagħmlu fiż-żwiemel u fil-kura tagħhom, kieku żgur li dan l-isport ma jkunx jista' jiġi pprattikat. Għaldaqstant, il-klabb insista biex jiġi stabbilit ukoll livell minimu ta' kemm se jogħlew il- premjijiet preżenti għat-tiġrijiet taż-żwiemel, kemm b'mod immedjat kif ukoll b'mod annwali sussegwentament. Il-membri tal-Malta Racing Club u d-diriġenti tiegħu żgur jafu sew kemm hu diffiċli għall-entitajiet sportivi ta' ċertu dimensjoni biex sena wara l-oħra jiffinanzjaw l-operat tagħhom. Jafu wkoll li mingħajr investiment kbir minn barra l-klabb, qatt ma kien sa jkun possibbli li jogħlew il-premjijiet, la li l-korsa ssir tal-aqwa livell u ferm anqas li l-kumpless ekwestriju kollu tal-Marsa jiġi rriġenerat bil-mod propost. Naħseb li m'għandu jkun hemm l-ebda dubju li l-livell ta' investiment li qed jintrabat li jagħmel l-MRTL fil-Marsa, jiġifieri dak ta' mhux anqas minn €24 miljun fil-faċilitajiet sportivi biss, huwa kisba bla preċedent kemm għal dan l-isport kif ukoll għall-isport kollu f 'pajjiżna. Huwa maqbul ukoll li l-proġett kollu jrid jitlesta f 'massimu ta' erba' snin. Il- grandstand se titlesta fi żmien 18-il xahar u l-korsa nnifisha f 'mhux aktar minn sitt xhur minn meta jibda x-xogħol. Dan qed isir biex l-inkonvenjent li inevitabbilment jinħoloq minn proġett ta' dan il-kobor jinżamm għal minimu assolut. Wieħed ma jridx jinsa lanqas li l-MRTL qed jintrabtu wkoll li l-programm tax-xogħlijiet m'għandu bl-ebda mod itellef il-programm tat-tiġrijiet taż- żwiemel. Nemmen bis-sħiħ li dan l-investiment għandu jġib miegħu qabża ta' kwalità enormi minn dak li hemm fil-korsa tal-Marsa llum għal dak li sa jkun hemm meta dan il-proġett jitwettaq. Nemmen ukoll li kull min hu involut fl-isport ekwestriju huwa konxju minn dan u allura għandu jkun hemm sforz kollettiv biex flimkien naraw dan il-proġett jirnexxi. Naħseb ma jkunx xieraq li nagħlaq mingħajr ma nirringrazzja lill-entitajiet u lill-individwi kollha għall- kontribuzzjoni tagħhom tul dawn l-aħħar snin biex dan il-proċess wasal sa fejn wasal illum. Għal dan naħseb li jistħoqqlu ringrazzjament speċjali l-Onorevoli Segretarju Parlamentari Clifton Grima li għandi ngħid ħadem ħafna u kien strumentali biex intlaħaq dan il-ftehim. Issa li l-Parlament approva dan il-proġett b'mod unanimu, inħarsu 'l quddiem biex naraw it-trasformazzjoni tal-korsa tal- Marsa u l-madwar issir realtà. Edwin Borg huwa ċ-Chairman tal-Malta Racing Club 17 illum | Il-Ħadd 25 ta' Awwissu 2019 Opinjoni Inħarsu 'l quddiem biex naraw it-trasformazzjoni tal-korsa Nemmen bis-sħiħ li dan l-investiment għandu jġib miegħu qabża ta' kwalità enormi minn dak li hemm l-korsa tal- Marsa llum EDWIN BORG Tiġrija fil-korsa tal-Marsa

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 25 August 2019