Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1170306
Sports 28 MALCOLM Manara - fost l-aqwa plejers li pproduċa l-waterpolo lokali f 'dawn l-aħħar snin u li matul l-istaġun li għadda kien xprun ewlieni biex Wied il-Għajn kisbu double storiku fl-Ewwel Diviżjoni Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo? L-imħabba lejn dan l-isport tant sabiħ bdiet sa minn età żgħira. Ma niftakarx mument f 'ħajti fejn ma kontx involut fl-isport. Peress li kemm missieri kif ukoll ħija kienu jilagħbu, kont inkun ħafna l-pixxina nara s-sessjonijiet tat- taħriġ u l-logħob fejn kienu jkunu involuti. Dan kollu xprunani sabiex nibda l-waterpolo. Anke l-fatt li kont inqatta' ħafna ħin kuljum fil-pitch ta' Tas- Sliema ma' sħabi għeni sabiex tkompli tikber fija din ix-xewqa. Hemmhekk bnejt memorji kbar grazzi għall-waterpolo. Kemm għenek missierek Marco biex bħalu sirt plejer tal- waterpolo? Missieri kien il-bniedem li għeni nibda karriera fil- waterpolo. Għalija kien wieħed mill-aħjar plejers fil-waterpolo u għalhekk kemm jien kif ukoll ħija konna noħolmu li nilħqu l-livell tiegħu. Qatt ma konna sfurzati nitħarrġu fil-waterpolo iżda hu kien jinkoraġġina sabiex nieħdu l-lezzjonijiet tal-għawm sa minn età żgħira. Eventwalment konna mmorru nitħarrġu fin- nursery ta' Sliema ASC. Missieri kien jgħinna sabiex jgħallimna t-teknika permezz ta' taħriġ u tana l-għajnuna sabiex naffaċċjaw dan l-isport b'ċertu dixxiplina. Peress li hu kien plejer tajjeb tal- waterpolo, ma kinitx ħaġa faċli li tilħaq il-livell tiegħu. Madankollu hu qatt ma tefgħalna pressjoni u dejjem tana kuraġġ fuq ċerti deċiżjonijiet li ridna nagħmlu. Mingħajru ħajjitna ma kinitx tkun dak li hi llum. U kemm għenek ukoll il-kowċ Sergio Afric? Inqis lil Sergio bħala ikona għall-komunità tal-waterpolo lokali. Fil-fatt huwa wieħed mill- iktar persuni rispettati fost dawk midħla tal-pixxina nazzjonali anke minħabba l-unuri li rebaħ u l-attitudni professjonali li jħaddan. Afric għallimna ħafna sa minn meta konna għadna tfal u għadu s'issa jagħtina taħriġ tajjeb li jgħinna nkomplu ntejbu l-ħiliet tagħna. X'tikkummenta fuq dan ir-rebħ tal-Kampjonat? Bħala rebħ tal-kampjonat ma setax ikun isbaħ minħabba li aħna ġejna kontra timijiet li kellhom ħafna baġit kbir u ġejna fil-finali kontra tim li għandu diversi plejers li faċilment jistgħu jilagħbu mal-aqwa timijiet fil- Premier. Li wrejna b'din ir-rebħa hi li mhix kwistjoni ta' kemm taf bħala individwu imma kemm tista' tibqa' magħqud bħala tim. Kif qal diġà l-kowċ tagħna Dorian Pisani f 'diversi intervisti, aħna konna l-uniku tim fiż-żewġ kampjonati li kulħadd jidħol f 'kull logħba u jagħmel il-parti tiegħu u dik il-ħaġa m'hemmx isbaħ minnha għax it-tim kollu jibqa' magħqud. X'inhuma l-ħsibijiet tiegħek fuq il-kowċ Dorian Pisani? Irrid nagħti ħafna u ħafna mertu lill-kowċ Dorian għax tista' tgħid li mix-xejn ġab tim li rebaħ id- double u fl-istess ħin għallimna mhux biss kif inkunu plejers aħjar imma wkoll għallimna kif inkunu nies aħjar. X'tikkummenta fuq l-infrastruttura li fiha titħarrġu u tilagħbu f 'Malta? Dejjem hemm lok ta' titjib. Barra minn xtutna plejers tal- waterpolo għandhom ix-xorti li jitħarrġu f 'pixxina indoor. Il-fatt li hawn Malta t-timijiet kollha ta' kull età jitħarrġu fl-istess pixxina li jkollha biss ħames ħinijiet disponibbli hi ferm diffiċli. Kif wieħed jista' jinnota kieku jkun hemm ir-riżorsi neċessarji kieku jkollna aktar kwalità ta' plejers għax jiżdied il-ħin tat-taħriġ. Il-pixxina nazzjonali għaddiet minn ħafna manutenzjoni għalkemm naħseb li s'issa hija ferm sodisfaċenti. X'sagrifiċċji jinvolvi li tkun plejer tal-waterpolo? Biex jirnexxilek tikseb dak li tixtieq fil-waterpolo trid tagħmel sigħat twal ta' taħriġ, ikollok dieta partikolari u tqum kmieni filgħodu sabiex tmur il-gym u jkollok dik il-forma fiżika li biha tkun tista' tikkompeti f 'livelli għoljin. Kif jirnexxilek tlaħħaq mal- istudju u mal-waterpolo? Biex inkun onest miegħek mhux faċli tagħmel dan. Kien hemm mumenti fejn kelli naqbeż is-sessjonijiet tat-taħriġ biex inkun nista' nlesti l-istudji tiegħi. Madankollu jien nemmen li kollox għandu jkun f 'ħinu u f 'waqtu kif ukoll li tqassam il-ħin tiegħek mill-aħjar li tista'. Qbilt mas-sistema tal-play-offs? Naħseb li dan il-format jagħmel il-kampjonat ferm aktar eċitanti. Rajna kif is-sena l-oħra San Ġiljan u Birżebbuġa rebħu l-gruppi rispettivi tagħhom għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu Neptunes u Marsaxlokk li ħadu l-kampjonat. M'hemmx dubju li int qed tħabbat il-bieb tat-tim nazzjonali tal-waterpolo mmexxi mid-duo Karl Izzo u Anthony 'Panelli' Farrugia. Kemm tixtieq li tissejjaħ mat-tim nazzjonali? Ikun unur kbir li kieku kelli nilgħab għal darb'oħra mat-tim nazzjonali wara li għamilt dan fil-kategorija taż-żgħażagħ. Nittama li xi darba jerġa' jkolli dik l-opportunità. Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo. Naħseb li l-aqwa messaġġ li nista' ngħaddi hu li kull opportunità li bniedem jista' jiġih jaħtafha. Fuq kollox importanti li tieħu pjaċir tilgħab il-logħba. illum Il-Ħadd 22 ta' Settembru 2019 'Mhix kwistjoni ta' kemm taf bħala individwu imma kemm tista' tibqa' magħqud bħala tim' minn Cristian Antony Muscat Kun unur kbir li kieku kelli nilgħab għal darb'oħra mat-tim nazzjonali wara li għamilt dan fil-kategorija taż-żgħażagħ. Nittama li xi darba jerġa' jkolli dik l-opportunità Malcolm Manara