Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1176244
ta' din il-knisja. Ta' min isemmi kif kemm id-damask il-ġdid, ir-restawr tal-linef u ħafna xogħol fil-ganutell, sar minn Patri Martin Borg, Karmelitan Skalz li għalkemm mhuwiex Bormliż ilu diversi snin jaħdem f 'din il-knisja, biex flimkien ma' ħutu l-patrijiet, iżommuha fl-aqwa stat possibbli. Is-sena li għaddiet, din il- knisja kompliet tissebbaħ bi kwadru titulari ġdid li tpitter mill-artist żagħżugħ Għawdxi, Manuel Farrugia. Din il-pittura l-kbira turi l-estażi ta' Santa Tereża. Il- qaddisa hija mdawra b'għadd kbir ta' anġli, il-Madonna u San Ġużepp li tiegħu kienet devota kbira. Ftit ftit ukoll qed issir il-pittura tan-navi ta' din il- knisja antika u storika. Santa Tereża tinħareġ biss f 'anniversarji importanti Anke jekk il-vara ta' Santa Tereża hija mżejna b'kollox u l-festa tagħha tiġi ċċelebrata bl- akbar solennità, nhar il-15 ta' Ottubru ma ssirx purċissjoni. Għalkemm, kif spjegat, il- festi interni jiġu ċċelebrati kull sena, il-purċissjoni bl-istatwa ta' Santa Tereża ssir biss f 'xi anniversarju jew ċentinarju importanti, kemm tal-Qaddisa jew inkella tal-Ordni tal- Karmelitani Skalzi, magħrufa bħala t-Tereżjani. Fil-fatt, l-aħħar li saret purċissjoni bil-vara ta' Santa Tereża kien propju fl-2015. Il-vara kienet ilha 33 sena ma tinħareġ iddur it-toroq tal-Belt Cospicua. Erba' snin ilu, saret il- purċissjoni, hekk kif l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi kien qiegħed jiċċelebra l-400 sena mill-mewt ta' Santa Tereża. Ma għandniex xi ngħidu, meta ssir il-purċissjoni, il-Bormliżi jippreparaw bi ħġarhom għaliha. Tant hu hekk li fl-2015, il-vara ta' Santa Tereża ddaħħlet ukoll fis-Santwarju Kolleġġjata tal- Immakulata Kunċizzjoni. Dan apparti li l-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni sellfet lill-Patrijiet Karmelitani Skalzi diversi oġġetti sagri tal- fidda li jintramaw u jintużaw fil-festa tal-Immakulata, fosthom il-gandlieri, l-appostli u anke l-ventartal tal-fidda tal- artal maġġur. Min kienet Santa Tereża? Santa Tereża ta' Ġesù, magħrufa wkoll bħala Santa Tereża ta' Avila, twieldet fi Spanja fit-28 ta' Marzu tal- 1515. Il-familja tagħha kienet nobbli. Omm Tereża mietet meta hi kellha biss 12-il sena. Tliet snin wara, oħtha l-kbira żżewġet u missierha daħħal lil Tereża mas-sorijiet Agostinjani. Wara sena u nofs, Tereża mardet u kellha tmur lura lejn id-dar. Kien fl-1535 li ddeċidiet li tidħol soru Karmelitana. Missierha, għall- bidu, ma xtaqx, iżda għaddiet tagħha. Ftit wara l-professjoni tagħha, Tereża kienet maħkuma minn mar u anke nixfa fil-ħajja spiritwali li dwarha kitbet hi stess. Meta missierha kien marid, hi marret iddur bih. Il-mewt tiegħu wasslet għal bidla kbira ġo fiha. Marret tqerr għand il-konfessur tiegħu u dan ordnalha biex terġa' tibda titlob. Kellha madwar erbgħin sena. Tereża beda jkollha esperjenzi spiritwali profondi li nafu bihom għax kitbet dwarhom hi stess. Fost il-kotba l-aktar popolari tagħha wieħed isib 'Il-Kastell Ġewwieni' u 'Il-Mixja tal-Perfezzjoni.' Santa Tereża tibqa' magħrufa l-aktar għar-riforma fl-Ordni Karmelitan bil-għan li ġġedded l-awsterità u d-dixxiplina ta' qabel. Kien madwar is-sena 1560 li ġieha dan il-ħsieb u fl-1562, minkejja bosta taħbit u tfixkil, rat l-ewwel erba' sorijiet Karmelitani Skalzi jilbsu l-libsa l-ġdida fil-Monasteru l-ġdid ta' San Josè f 'Avila. Sitt xhur wara, hija marret tgħix ukoll f 'dan il-monasteru fejn ġiet magħżula bħala s-Superjura. Maż-żmien bdiet tiftaħ kunventi oħra mxerrda madwar Spanja. Fl-1568, bl-għajnuna ta' San Ġwann tas-Salib waqqfet l-ewwel monasteru tal-patrijiet. F'ħajjitha hija fetħet 17-il kunvent tas-sorijiet u 15 tal- patrijiet. L-aħħar vjaġġ tagħha għamlitu fl-1582. Wara li fetħet monasteru f 'Burgos hija telqet lejn Alba de Tormes. Waslet għajjiena ħafna u marida fl-20 ta' Settembru u mietet ftit tal-ġranet wara, nhar l-4 ta' Ottubru. Hija ġiet ikkanonizzata mill-Papa Girgor XV fl-1622 u fl-1970, il-Papa Pawlu VI ipproklamaha Duttur tal- Knisja, flimkien ma' Santa Katarina ta' Siena. 15 Festi Il-Ħadd 13 ta' Ottubru 2019 | illum Tereża b'kollox X'se jsir fil-jiem li ġejjin? Kif spjegat f 'dan l-artiklu, anke jekk ma ssirx festa esterna, fil-knisja l-festa ta' Santa Tereża l-festa interna tiġi ċċelebrata b'solennità kbira. Fil-fatt, tiġi ċċelebrata novena, jiġifieri disat ijiem ta' preparazzjoni għall-festa. Illejla, jiġi ċċelebrat l-aħħar jum tan-Novena, bil-quddiesa tibda fl-4:15pm. Għada, lejlet il-festa, fit-8:30am, ikun hemm quddiesa bil-kant tat-Te Deum fit-tmiem tan-Novena u filgħaxija fis-6:30pm, issir it-tranżlazzjoni solenni tar-relikwa, jitkanta l-għasar u ssir ċelebrazzjoni ewkaristika. It-Tlieta, 15 ta' Ottubru, f 'jum il-festa, fit-8:00am tiġi ċċelebrata quddiesa bis-sehem tal-Arċiprieti tal-Kottonera u r-Retturi tal-knejjes tal-Belt Valletta. Filgħaxija, fis-6:00pm, jingħad ir-rużarju u fis-6:30pm tibda l-quddiesa solenni tal- festa bil-paniġierku. Fil-jiem tal-festa, il-mużika tkun tas-surmat Carlo Diacono. Il-pitturi ġodda li qed isiru fin-navi Dettall mill-kwadru titulari mżanżan is- sena li għaddiet L-artal maġġur armat għall-festa