Illum previous editions

ILLUM 1 December 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1188978

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 31

19 editorjal Kif l-istorja għad tiġġudikahom... D in il-ġimgħa kienet waħda sewda għal pajjiżna, sewda għall-poplu tagħna, ġimgħa sewda għall-klassi politi- ka u b'mod speċjali, ġimgħa sewda għall-Partit Laburista u l-Gvern ta' Joseph Muscat. Ma ndurux mal-lewża. Qegħdin fil-kriżi politika li qegħdin fiha għal raġuni waħda. Għax Muscat m'aġġixxiex lura fl-2016 meta ħarġu dettalji dwar żewġ kumpaniji f 'ġurisdizzjoni maħmuġa, sigrieta u fejn tant dittaturi u persuni b'dellijiet tqal ħaslu flushom. Minn dak il-mument, eżatt, Joseph Muscat kellu jġiegħel lil dawn it-tnejn iwarrbu sakemm inaddfu isimhom. Din m'għamilhiex. U din seta' m'għamilhiex għal diversi possibilitajiet. Jew Muscat kien imdaħħal f 'din il-kwistjoni kollha tal-Panama, jew tmejlu bih Keith Schembri u Konrad Mizzi u daħħluh f 'din il-gażiba huma jew inkella jinsab irrikatat minn dawn. Agħar minn hekk wieħed jeħtieġ jistaqsi; kif Muscat ma neħħihomx wara li ħarġu l-fatti tal-kumpaniji nfushom? Kif ma neħħihomx wara li ma ddikjarax tali kumpaniji? Kif ma neħħihomx wara li sirna nafu b'rapporti tal-FIAU li jgħidu li setgħu kienu parteċpi f 'attivitajiet ta' ħasil ta' flus? Kif ma neħħihomx meta emails bl-aktar mod ċar kienu qed jgħidu li minn 17 Black se jgħaddu flus għall-kumpaniji tagħhom fil- Panama? Kif ma neħħihomx meta minn email jirriżulta li eluf kienu se jidħlu fil-kumpaniji tagħhom minn ativitajiet ta' skart? U fl-aħħar mill-aħħar kif ma neħħihomx meta Fenech, sid ta' 17 Black, kien arrestat il-ġimgħa l-oħra? Il-gazzetta ILLUM kienet ilha tgħid li din il-kontroversja se tibqa' tqum, darba wara oħra u mhi se tmut qatt jekk ma joqtolhiex il-Gvern, qabel toqtol lilu. Din kienet u għadha xibka ta' rgħiba, ingann, gideb u illegalità u kull biċċa ġdida li nkixfet kienet agħar minn ta' qabilha, għamlet aktar ħsara lill-pajjiż, iktar ħsara lill-Partit Laburista u għamlet il-pożizzjoni ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi inqas tenibbli. Din il-ġimgħa kellna prattikament l-akbar kollass politiku li fl-aħħar snin. Ta' Gvern li għad għandu biss sitt snin ħajja. X'ħasra li wasal sa hawn! Meta Muscat tela' b'tant għajta u fervur għall-bidla! Meta kellu maġġoranza komda tant u biżżejjed biex jagħmel il-bidliet meħtieġa, ineħħi n-nies li kellu bżonn ineħħi! X'ħasra! Wara li saru dawk il- bidliet kollha, fil-qasam tad-drittijiet ċivili, wara dawk il-miżuri kollha pożittivi li saru Baġit wara ieħor, wara l-ġid li nħoloq. Il-kollass li qed naraw mhuwiex tal-Partit Laburista, kieku kien hekk sejrin għal elezzjoni ġenerali. Il-kollass huwa tal-istaġun politiku ġdid li kien wiegħed Muscat. B'dak li ġara, minkejja t-tajjeb kollu, minflok staġun politiku ġdid kellna staġun li qabad l-iżbalji u l-oxxenitajiet li saru minn Gvern Nazzjonalista, għamilhom tiegħu u użahom bħala skuża biex jagħmel agħar. Ninsabu qrib il-preċipizju grazzi biss għal deċiżjoni li baqgħet ma saritx. Miriam Dalli qalet li hija mweġġa' u traduta. Nassigurawha li mhux waħedha qed tħossha hekk. Qed iħossuhom hekk eluf u eluf ta' nies uħud Nazzjonalisti u ħafna Laburisti li fdaw lil dan il-pajjiż lil dawk li ħasbu illi pajjiżna negozju! Dan se jitfakkar bħala l-aktar mument iswed ta' pajjiżna fl-aħħar 30 sena u min kellu sebgħu fit-torta, speċjalment dawk li fetħu kumpanija fil-Panama, għad irid jitħammeġ ismu bil-linka tal-mistħija mal- ġenerazzjonijiet li ġejjin, fuq il-kotba tal-istorja. illum • IL-ĦADD 1 TA' DIĊEMBRU 2019 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Editur: Albert Gauci Cunningham

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 1 December 2019