Illum previous editions

ILLUM 29 December 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1196487

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

20 opinjoni Meta l-fqar iħallsu z-zalza tal-korruzzjoni Dun Anġ Seychell Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta' Dar Nazareth G ħandi diversi kotba li fihom jinsabu l-omeliji tal-Papa Franġisku li jagħmel kuljum filgħodu. F'din l-okkażjoni tal-Milied deherli li tkun ħaġa addattata għal żminijietna nġib dak li qal il-Papa Franġisku fis-16 ta' Ġunju 2014 meta semma l-martri tal-korruzzjoni politika, tal-korruzzjoni ekonomika u tal-korru- zzjoni ekkleżjastika. Dakinhar l-ewwel qari fakkar l-istorja ta' Nabòt ta' Iżrael, li ma riedx iċedi lir-re l-għalqa tiegħu tad-dwieli, wirt ta' missieru u minħabba f 'hekk imxewwex mir-reġina Gezabel safa mħaġġar. Ir- re Akab beda billi lil Nabòt għamillu proposta onesta: jixtriha jew jibdilha ma' għalqa oħra. Meta Nabòt ma riedx jaċċetta l-offerta, Akab għamel il- geddum u hawn daħlet Gezabel, ivvintat gidba fuq Nabel b'xhieda foloz biex ir-re jkun jista' jieħu pussess tal-għalqa wara li r-reġina organizzat il-qtil ta' Nabòt. Storja tirrepeti ruħha U l-Papa għamel twissija: Din l-istorja tirrepeti ruħha bla heda f 'diversi persuni li għandhom is-setgħa, setgħa materjali jew setgħa politika jew setgħa spiritwali: "imma dan hu dnub: id- dnub tal-korruzzjoni. U kif persuna ssir korrotta?" "Issir korrotta fit-triq tas- sigurtà tagħha nfisha. L-ewwel jiġi l-ġid materjali, il-flus, imbagħad is-setgħa, il-frugħa, il-kburija u kollox, anke l-qtil." "Fil-gazzetti – osserva l-Papa – ħafna drabi naqraw: Tressaq il-Qorti t-tali politiku li stagħna misterjożament. Tressaq il-Qorti kap ta' azjenda li sfrutta lill-ħaddiema tiegħu. Jinstema' wkoll il-każ ta' xi prelat li sar wisq sinjur u ttraskura d-dmir pastorali tiegħu biex jagħti każ tas-setgħa. Hawn korrotti politiċi, korrotti industrijali u korrotti ekkleżjastici. U minn dawn hawn kullimkien għax il-korruzzjoni hija d-dnub li tolqot persuni li jkollhom awtorità fuq l-oħrajn, tista' tkun ekonomika, politika jew ekkleżjastika. Ilkoll inkunu ttentati bil-korruzzjoni. Huwa dnub li ma tridx tmur 'il bogħod biex tagħmlu. Min iħallas il-prezz Imma l-Papa Franġisku għamel mistoqsija: "Min iħallas il-prezz tal- korruzzjoni? Żgur li mhux min jixtri lil dak li jkun. Fir-realtà l-korruzzjoni jbatiha l-fqir. Fil każ tar-re Akab batiha Nabòt il-fqir li ried iżomm il-wirt ta' missieru, fidil lejn il-valuri tiegħu." Jekk nitkellmu dwar il-korrotti politiċi jew il-korrotti ekonomiċi, min imur ħażin bil-korruzzjoni tagħhom? Imorru ħażin l-isptarijiet mingħajr mediċini, il-morda li ma jingħatawx kura, it-tfal mingħajr edukazzjoni. Dawn huma n-Nabòt moderni li jħallsu l-korruzzjoni tal- kbarat. U min iħallas il-korruzzjoni tal- prelat? Iħallsu t-tfal li anqas jafu jroddu salib, li ma jitgħallmux il-katakeżi, li mhumiex ikkurati. Iħallu l-morda li ħadd ma jżurhom u jħallsu l-ħabsin li ma jingħatawx attenzjoni spiritwali. Dejjem dawk li jħallsu l-korruzzjoni huma l-fqar: il-fqar materjali u l-fqar spiritwali. Fostkom ma għandux ikun hekk "Imma fosthom ma għandux ikun hekk" qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu meta ħeġġeġ lil min għandu s-setgħa biex isir "qaddej". U l-Papa Franġisku fakkar li "l-unika triq biex toħroġ mill- korruzzjoni, l-unika triq biex tirbaħ it-tentazzjoni, id-dnub tal-korruzzjoni huwa l-qadi. Għax il-korruzzjoni ġejja mill-kburija, mis-suppervja u l-qadi jumiljak: hi sewwasew l-imħabba umli biex tgħin lill-oħrajn." U l-isqof ta' Ruma apprezza s-siwi tax-xhieda ta' Nabòt, li "ma riedx ibigħ il-wirt ta' missirijietu, tal-antenati tiegħu, il-valuri". Dix-xhieda tfisser ħafna għax sikwit jiġri li meta jkun hemm il- korruzzjoni anke l-fqir jissogra li jitlef il- valuri, għax jiddaħħlu drawwiet u liġijiet li jmorru kontra l-valuri li nirċievu mill- antenati tagħna. Il-Papa Franġisku temm l-omelija billi stieden lill-ġemgħa biex titlob għal tant "martri tal-korruzzjoni" ħalli l-Mulej iqarribna lejhom u jagħti lil dawn il-fqar "il-qawwa biex jissoktaw il-mixi tagħhom fix-xhieda li jagħtu." (Il-ġrajja ta' Nabòt u Gezabel kif ukoll ir-re Akab tinsab fl-ewwel ktieb tas- Slaten, kap 21.) IL-ĦADD 29 TA' DIĊEMBRU 2019 • illum L-ewwel jiġi l-ġid materjali, il-flus, imbagħad is-setgħa, il-frugħa, il- kburija u kollox, anke l-qtil

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 December 2019