Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1256420
24 ambjent IL-ĦADD 7 TA' ĠUNJU 2020 • illum L-Awtorità tal-Ippjanar iżżid l-istatus tal-protezzjoni ta' Villa Frere Il-propjetà storika unika ta' Villa Frere u l-biċċa l-kbira taż- żona tal-ġnien tagħha ngħataw l-ogħla livell ta' protezzjoni wara deċiżjoni meħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar b'konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal- Patrimonju Kulturali. Is-Sur Martin Saliba, Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, qal li "għalkemm ħafna minn din il- propjetà, li hija waħda mill-aqwa eżempji ta' arkitettura Brittanika Neoklassika tas-seklu tmintax f 'Malta, diġà kienet protetta bħala bini ta' Grad 2 għal bosta snin, ħassejna li Villa Frere jistħoqqilha l-ogħla livell ta' protezzjoni. Ir- rikkezza fil-wirt ta' din il-propjetà mhix marbuta biss mal-arkitettura tal-villa u l-ġonna mtarrġa tagħha, iżda wkoll mal-esperjenza soċjali u kulturali li din il-propjetà kienet esposta għaliha." Il-Perit Edward Said, il-fundatur tal-organizzazzjoni mhux governattiva Friends of Villa Frere qal li "ninsabu sodisfatti ħafna li l-Awtorità tal-Ippjanar aġġornat il- livell ta' protezzjoni ta' Villa Frere. Dan iserrħilna rasna li x-xogħol eċċellenti u b'tant dedikazzjoni li ħafna voluntiera għamlu, biex jikkonservaw bir-reqqa t-tessut eżistenti tal-propjetà matul dawn l-aħħar seba' snin u jagħmluha aċċessibbli għall-pubbliku, ma jkunx sewa għalxejn. Il-Villa u l-ġonna uniċi tagħha huma distinti u magħrufa internazzjonalment. Il-propjetà għandha disinn ippjanat bir-reqqa iżda organiku, iddefinit mill-pajsaġġ tal- għoljiet tal-Pietà aktar milli bbażat fuq formalità u simetrija li ġeneralment jikkaratterizzaw il-ġonna Maltin. Flimkien ma' Heritage Malta se nkomplu naħdmu biex nippreservaw din il-propjetà għall-ġenerazzjonijiet futuri." Mibnija matul is-seklu tmintax, il-Villa saret ir-residenza ta' Sir John Hookham Frere, diplomatiku Ingliż ta' reputazzjoni konsiderevoli. Wara l-mewt ta' martu, Frere bena ġonna mtarrġa u estiżi fuq in-naħa ta' wara tal-propjetà li qabel kienet art xagħri. Il-ġnien kien mibni permezz ta' skavar u kostruzzjoni ta' terrazzini, kif ukoll tlettax-il bir ġew imħaffra biex jiġi msaqqi il-ġnien. Il-ġnien kien imżejjen b'numru ta' strutturi bl-istil Ingliż tradizzjonali u jinkludi numru ta' karatteristiċi arkitettoniċi rari, l-aktar importanti huma l-exedra mibnija fl-ogħla livell tal-ġnien u msejħa tempietto, belvedere u blind arcade. Dawn il-ġonna botaniċi għandhom ukoll żewġ strutturi rurali, ġibjuni fit-tond, passaġġi mgħottija, turġien u għadajjar. Fis-snin tletin, xi wħud minn dawn il-ġonna ttieħdu għall-bini tal-Isptar San Luqa u fis-snin sebgħin u tmenin parti oħra ġiet żviluppata għal skola tal-istat. Huwa dokumentat li Sir John Hookham Frere kien ħabib ta' Mikiel Anton Vassalli, meqjus li kien wieħed mill-missirijiet tal- ilsien Malti. Vassalli, flimkien ma' mistednin distinti oħra, kien viżitatur regolari ta' dawn il-ġonna. Hookham Frere miet fir-residenza tiegħu u ndifen fiċ-Ċimiterju tal- Bastjun tal-Imsida li jinsab f 'vista diretta minn Villa Frere. Biex tara lista tal-bini u l-proprjetajiet skedati kollha f 'Malta u Għawdex tista' żżur www.pa.org.mt Propjetà Neoklassika unika ġiet skedata bħala Grad 1 Ritratt: Brendan Buttigieg Ritratt: M. Bonello