Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/823776
4 illum | Il-Ħadd 14 ta' Mejju 2017 Elezzjoni2017 2017 Dawk li għandhom ħafna x'jitilfu Għal ħafna nies elezzjoni hija elezzjoni, tiġi u tmur... għal uħud l-elezzjoni se tiddetermina l-futur tagħhom Albert Gauci Cunningham IT3 ta' Ġunju issa huwa eqreb milli qatt kien. Tliett iĦdud u kollox ikun għadda. Il-bnadar u l-imkatar merfugħin, il-ħornijiet mormijin, id-diskussjonijiet ibattu aktar u l-kmamar tal-aħbarijiet jibdew jieħdu xi ftit tan-nifs. Il-ħajja tkompli qisu qatt ma kien xejn. Għan-nies komuni fit-triq. Għal numru ta' politiċi, eks politiċi u personaġġi fix-xena politika din l-elezzjoni u allura t-3 ta' Ġunju li ġej se tkun kruċjali ħafna, għax għandhom ħafna x'jitilfu jew inkella ħafna x'jirbħu. Imma min għandu x'jitlef? U x'għandu x'jitlef? L-ILLUM tat ħarsa ħafifa lejn dawk in-nies li għandhom x'jirbħu u x'jitilfu u li għalihom it-3 ta' Ġunju taf tkun ġurnata deċiżiva għall-futur politiku tagħhom, għall-karriera li għandhom jew inkella għas-saħħa u l-influwenza li għandhom bħalissa fil-qasam illi jispeċjalizzaw fih. Konrad: Jekk il-PL jitlef ħafna swaba' se jippuntaw lejh Waqt il-kampanja elettorali ta' bħalissa wieħed seta' jinnota l-preżenza u l-parteċipazzjoni tal- eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Minkejja li taħt it-tmexxija tiegħu tad-Dipartiment tal-Artijiet saret dik li tista' tkun meqjusa bħala l-imbruljunata ta' Gaffarena, Falzon għax irreżenja, ħa resposnsabilità tal-għemil ta' dawk li responsabbli tagħhom kien hu. Illum Falzon ftit li xejn jinsab taħt kritika, minħabba li kien ħallas il-prezz tal-att partikolari, anke jekk filfatt hu qatt ma kien implikat direttament. Konrad Mizzi dan m'għamlux. U dan kien żball fatali, min-naħa tiegħu u min-naħa tal-PM Joseph Muscat. Minkejja li sa qabel bdiet il-kampanja elettorali Mizzi kien irrappurtat illi kien fuq quddiem fid-distrett, telfa għall-Partit Laburista nhar it-3 ta' Ġunju tkun politikament aktar fatali għal Mizzi mill- allegazzjonijiet infushom. F'każ li l-PL jitlef, ħafna se jippuntaw subgħajhom lejn Konrad Mizzi u se jitfgħu parti tajba mill- ħtija fuqu. Iffaċċjat bir-rabja u forsi saħansitra ribelljoni minn ġewwa Konrad Mizzi, jista' jkollu ftit għażla ħlief li jirrinunzja l-pożizzjoni ta' Deputat (jekk elett) u jitlaq mix-xena. Minkejja li kwalitajiet tajbin, speċjalment maniġerjali, Mizzi għandu, jista' jkun illi jekk il-Partit Laburista jirbaħ Muscat ma jerġax jagħmlu Ministru. Jekk filfatt jagħmlu Ministru, Muscat ikun reġa' ta lill- avversarji tiegħu raġuni biżżejjed biex jikkritikawh. Konrad Mizzi għandu x'jitlef dejjem. Imma jekk il-PL imur lura fl- oppożizzjoni se jkun qed jitlef kollox. Jekk il-PL jitlef, Muscat ikun ta l-akbar rebħa u l-akbar telfa lill-PL Jekk il-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni ta' tliet ġimgħat oħra, Joseph Muscat jitniżżel bħala l-Mexxej li ta l-akbar rebħa lill-partit politiku, biex erba' snin wara wasslu għall-akbar telfa. Anke b'vot wieħed biss minn taħt il-PN, Muscat ikun tilef il-vantaġġ kbir ta' 36,000 vot li rebaħ bih fl-2013. It-3 ta' Ġunju taf tkun waħda mill- aktar ġranet umiljanti għal Joseph Muscat u għall-Partit Laburista. Bħal kull Mexxej ieħor li tilef elezzjoni Muscat ikollu swaba' ppuntati lejh. Muscat jista' jkun li jkollu ħafna iktar swaba' min-normal, għax ikun hemm min iwaħħal fih talli ma ħax azzjoni deċiżiva fil-konfront ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri. Naturalment dak kollu se jorbot mal-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li Egrant hija ta' Michelle Muscat. Jekk l-allegazzjonijiet ta' Daphne Caruana Galizia jirriżultaw fil-pożittiv, Muscat ikollu jiffaċċja wieħed mill-aktar tluq inglorjuż li qatt esperjenza politiku Malti. Jekk l-allegazzjonijiet jirriżultaw li huma mibnijin fuq ir-ramel u li m'hemm ebda sustanza jew ebda indikatur li jitfa' lil Michelle Muscat bħala sid ta' Egrant u riċevitur ta' madwar $1 miljun mill-Ażerbaijan, Muscat ikun qed iħares lejn elezzjoni li se ssaħħaħlu jdejh b'mod qawwi ħafna. Jekk ir-riżultati tal-inkjesta ma jkunux pubbliċi sa qabel il-ġurnata tal-elezzjoni it-3 ta' Ġunju taf tħalli lil Muscat imdendel, bil-giljottina mdendla fuq rasu. Fil-każ illi l-allegazzjoni ma tirriżultax bħala vera, kif qed jaħlef u jisħaq Muscat, ikun tajjeb għalih anke jekk ma jiggwadanja xejn elettoralment. Jekk jirriżulta li vera wara l-elezzjoni, il-giljottina fuq rasu tkun akbar u eqlel. Muscat għandu ħafna x'jitlef jekk il-PL ma jġibx maġġoranza komda fl- elezzjoni ġenerali. Jista' jsir l-ewwel kap tal-PN li qatt ma jkun sar PM Telfa għal-Labour wara r-rebħa tal- 2013 taf tkun ta' theżżiża akbar milli telfa għall-PN. Imma telfa għall-PN, speċjalment jekk tkun telfa b'distakk ta' aktar minn 15,000-20,000 tista' tkun daqqa ta' ħarta kbira għal Simon Busuttil. Minkejja li jista' jgħid illi naqqas id-distakk bin-nofs, dan mhux se jkun biżżejjed biex jaqta' l-aptit li issa jinħass sew fost il-partitarji Nazzjonalisti illi l-partit jista' jerġa' jkun fil-Gvern, ħafna qabel ma ppretendew. Jekk il-PN jitlef b'marġini kbar is-swaba' se jippuntaw lejn Busuttil, il-kampanja elettorali tal-PN li s'issa hija pjuttost fqira, l-għażla ta'ċerta kandidati, il-lingwaġġ u linja ta' ħsieb prattikament estrema li qed jieħdu ċerti elementi fil-partit, id-dipendenza kważi assoluta tal-PN fuq il-blogg ta' Daphne Caruana Galizia u Busuttil innifsu. Minkejja li l-partit qed jilħaq aktar setturi ta' votanti, ħafna għadhom ma jarawx lil Busuttil bħala persuna li tista' tkun PM. Naturalment, jekk Simon Busuttil jirnexxielu jirbaħ ikun għamel rebħa kbira ħafna, għax ikun dawwar distakk enormi kontrih f 'wieħed favurih, anke jekk żgħir. Busuttil għandu l-lussu li anke rebħa b'1,000 vot tkun biżżejjed, għax tkun meqjusa bħala rebħa kbira xorta. Imma, anke hawn jekk mill- inkjesta jirriżulta li l-allegazzjonijiet fil-konfront ta' Michelle Muscat mhumiex minnhom u r-riżultat ta' din l-inkjesta se joħroġ wara elezzjoni li jirbaħha l-PN, Busuttil se jibda t-terminu tiegħu ta' PM taħt id-dell ta' gidba. Mhux eżattament bidu promettenti għal PM ġdid. Naturalment hemm l-element tal- posterità. Jekk Busuttil ma jirbaħx u jitneħħa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista, ikun l-ewwel Kap tal-PN fl-istorja politika riċenti li qatt ma jkun sar Prim Ministru. Mhux eżattament xi ħaġa li Busutttil irid imwaħħla m' ismu.