Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/919367
Il-Ħadd 24 ta' Diċembru 2017 | illum 17 17 Opinjoni N har it-Tnejn il- Parlament beda d-diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tal- leġiżlazzjoni tad-dimanju pubbliku u b'mod partikolari dwar rapport li ħejjiet l-Awtorità tal-Ippjanar fuq is-siti nominati. Ir-rapport jirreferi għal 24 sit nominat prinċipalment mill-għaqdiet ambjentali: 16-il sit kienu nominati minn Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), seba' siti minn Friends of the Earth u sit wieħed mill-Ministru għall- Ambjent Josè Herrera. Id-diskussjoni għadha fl- istadji inizzjali u s'issa kienet limitata għal spjegazzjoni tal- liġi li l-Parlament approva lejn nofs l-2016. Moħbi mill-attenzjoni pubblika hemm il-ħtieġa urġenti li tkun implimentata d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu. Din id-Direttiva kellha tkun addottata sa tmiem l-2014. Permezz tal- Avviż Legali 341 tal-2016 Malta nnominat lill-Awtorità tal-Ippjanar bħala l-awtorità kompetenti li ser tieħu ħsieb dak li għandu x'jaqsam mal- ippjanar tal-ispazju marittimu fil-gżejjer Maltin. Wara li staqsejt inġibdet l-atttenzjoni tiegħi li l-Pjan dwar l-Ispazju Marittimu għal Malta diġà jifforma parti mill- Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (Strategic Plan for the Environment and Development - SPED). Ngħid il-verità ma kontx irrealizzajt dan. Ħsibt li kien hemm xi paġni f 'dak id-dokument li kienu qabżuli u allura mort infittex mill-ġdid u sibt sezzjoni intitolata Coastal Zone and Marine Area u taħtha tliet oġġettivi għall-ħarsien tal- kosta. Dawn l-oġġettivi jistgħu, u nittama li jkunu, żviluppati fi strateġija dettaljata dwar l-Ispazju Marittimu Malti. Waqt li Malta jidher li llimitat ruħha għal tliet oġġettivi xotti, pajjiżi oħra għamlu ħidma kbira biex jippreparaw il-pjani tagħhom dwar l-Ispazju Marittimu. L-Irlanda, pereżempju, ippubblikat dokument ta' 88 paġna intitolat Harnessing our Ocean Wealth. An Integrated Marine Plan for Ireland. Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit ippubblika dokument ta' 55 paġna intitolat UK Marine Policy Statement. Dawn iż-żewġ dokumenti jidħlu fid-dettall dwar l-Ippjanar għall-Ispazju Marittimu meħtieġ fl-Irlanda u r-Renju Unit. Bla dubju dawn id-dokumenti jeħtieġ li jkunu supplimentati bi pjani ħafna iktar dettaljati. Id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea fil-fatt tistabilixxi s-sena 2021 bħala d-data sa meta għandhom ikunu ffinalizzati l-Pjani għall- Ispazju Marittimu. Malta hi gżira mdawra bil-baħar Mediterran. Fatt li għandu jkun rifless f 'politika marittima serja u aġġornata. Sfortunatament dan mhux il-każ għax jidher li għalina f 'Malta t-tliet oġġettivi dwar il-kosta fil-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) huma biżżejjed. Id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Ippjanar tal- Ispazju Marittimu bla dubju hi intenzjonata biex iċċaqlaqna ħalli nimlew it-toqob fil- politika tagħna. L-ekonomija l-blu, jiġifieri l-ħidma ekonomika li tiddependi fuq l-użu tar-riżorsi marittimi, teħtieġ attenzjoni ħafna iktar dettaljata. Il-Gvernijiet Maltin, wieħed wara l-ieħor, għamlu ħerba fuq l-art u ħsara bla qies fiż-żoni naturali. F'xi każi l-ħsara li saret ftit tista' tiġi rimedjata. L-ilma tal-pjan hu l-eżempju ewlieni. L-ippjanar b'attenzjoni tal- Ispazju Marittimu jista' jkun ta' għajnuna biex din l-imġiba żbaljata tal-Gvernijiet ma tkunx esportata lil hinn mill-kosta ħalli wara li ħarbatna l-art ma nħarbtux il-baħar ukoll. Snin ilu kien pass għaqli li kienet indirizzata l-kwalità tal-ilma baħar bl-introduzzjoni tal-impjanti għat-tisfija tad- drenaġġ. Għad baqa' xi jsir biex l-ilma msoffi, flok jintrema, jibda jintuża. Kontinwament għadna niffaċċjaw it-tniġġiż mill-gaġeġ tal-ħut li għandna fl-ibħra u li qed ikollhom impatti kemm fuq iż-żoni residenzjali kif ukoll fuq il- faċilitajiet turistiċi. Imbagħad hemm ukoll is-sajd, it-tibdil fil-klima, l-bijodiversità, is- sigurtà marittima, il-fdalijiet arkeologiċi fil-baħar kif ukoll il-ħmar il-lejl li nassoċjaw mar-riklamazzjoni tal-baħar. Pjan għall-Ispazji marittimi fil-gżejjer Maltin irid jindirizza dawn l-oqsma u bosta oħra b'mod integrat. Il-gżejjer Maltin fihom 316 kilometru kwadrat. L-ibħra Maltin sa 25 mil nawtiku mill-kosta fihom medda ferm ikbar b'kejl ta' 11,480 kilometru kwadrat filwaqt li l-blata kontinentali taħt il-ġurisdizzjoni Maltija fiha 75,779 kilometru kwadrat. Din hi l-isfida li għandna quddiemna biex inħarsu l-ibħra tagħna. Ħmar il-lejl: l-ippjanar għall-kosta u r-riżorsi marittimi Moħbi mill-attenzjoni pubblika hemm il-ħtieġa urġenti li tkun implimentata d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu. Din id-Direttiva kellha tkun addottata sa tmiem l-2014. Id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu bla dubju hi intenzjonata biex iċċaqlaqna ħalli nimlew it-toqob fil-politika tagħna. L-ekonomija l-blu, jiġifieri l-ħidma ekonomika li tiddependi fuq l-użu tar-riżorsi marittimi, teħtieġ attenzjoni ħafna iktar dettaljata CARMEL CACOPARDO carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt • http://carmelcacopardo.wordpress.com