Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/946239
illum | Il-Ħadd 25 ta' Frar 2018 20 Rakkont I lbieraħ kienet ġurnata stramba. Mhux normali. Ma stajtx nifhem ir- raġuni għalfejn ma stajtx inqum minn ġos-sodda tiegħi. Kellu jgħini nqum sieħbi Kurt. "Toqgħodx tinkwieta, sbejjaħ..." beda jgħidli. Refagħni u niżżilni t-taraġ. Kemm hu ġentili hux! Normalment kont ninżel waħdi. Imma lbieraħ ma stajtx! Kurt fetaħ il-bieb u ħriġna t-tnejn 'il barra. Għalkemm verament ħadt gost għaliex ir-raġġi fietla tax-xemx kienu bdew iwennsuli l-pil kannella ċar li kelli fuq dahri, bdejt ninkwieta għaliex bdejt inħoss saqajja qishom jogħtru! "Agħmel xogħlok sabiħ!" beda jgħidli Kurt bi tbissima. Għalkemm bdejt inferfer denbi, ħassejt qalbi kważi tinqasam xħin rajt wiċċ Kurt qisu ferħan u mdejjaq fl-istess ħin. Kurt. Kurt kien kollox għalija. Kien ħajti. U jien kont ngħix għalih. L-ewwel darba li kont rajtu, kont irbatt qalbi miegħu mill- ewwel! U kont għidtlu, għidtlu, "Kurt, jien tiegħek għal dejjem!" F'idejh kellu borża li kien dejjem iġorr miegħu kull darba li konna noħorġu. "Inkomplu nimxu, Benny?" staqsieni, b'għajnejh kbar, kbar. Ridt inwieġbu. Ridt ngħidlu li iva, imma lbieraħ kienet ġurnata stramba. Donnu s-saħħa kollha li kelli, kienet qiegħda tħallini bilmod. Morna nimxu. It-triq tas-soltu. Minjaf kemm-il darba konna tlajna dik l-għolja fi żmienna! Iżda donnha t-telgħa dehret aktar kerha mis-soltu. Aktar twila. Aktar kiefra. Saqajja bdew jgħejjew. Ħarsa waħda. Ħarsa waħda tajtu. U hu... Hu fehemni. Ħassejt lil Kurt imellisli l-pil. U naf, naf li għajnejja xegħlu. Ħassejtni ferħan, hekk kif dejjem kont inħossni! Ħallejtu jerfagħni u bdejt nilgħaqlu wiċċu kif dejjem kont nagħmel. Smajtu jidħaq. Imma d-daħqa tiegħu llum kienet kemxejn differenti. Kien qisu xi ftit imdejjaq. Imma jiena ma stajtx nifhem għalfejn. Is-soltu kien iħallini niġri ftit fil-ġnien, iżda llum reġa' poġġieni fis-sodda tiegħi. Rajt wiċċu inkwetat, hekk kif mar fil-kċina u ġab dak il-bott li kellu kelb fuqu. Il-bott favorit tiegħi, li malli jiftħu tgħidx kemm kienet toħroġ riħa tfuħ! Iżda le, ma ħarġitx riħa tfuħ minnu. Anzi bejnietna, donnu narah biss kien qed idejjaqni. Għalkemm Kurt poġġieh fi plattina nadifa, maġenb buqar ilma frisk maġenb is-sodda tiegħi, ħarist in-naħa l-oħra għax ridtu jinduna li ma kellix ġuħ. U kien dak il-ħin, dak il-ħin, li bdejt inħoss il-bard. "Trid kutra?" staqsieni, għajnejh ileqqu bid-dmugħ. Tgħid għalfejn kien beda jibki? Tgħidx kemm ħassejtni ħażin! Verament kienet tinqasam qalbi, kull darba li kont narah imdejjaq. Iżda dak il-ħin... Dak il-ħin kien imdejjaq iżjed mis-soltu! Rajtu sejjer iġibli kutra żgħira, b'rasu baxxuta lejn l-art, ħsejjes ta' qsim il-qalb ħerġin minn fommu. U malli ħassejt il-kutra fuq dahri, ħassejt il-wens... ħassejt wens kbir, speċjalment xħin Kurt beda jħokkli wara widnejja! Bla ma rrid, eżatt malli jogħrokli dik il-parti fina, kienet tiċċaqlaq saqajja mingħajr ma ninduna! Kont nagħlaq għajnejja u nieħu gost! Iżda llum, sieqi donnha ċċaqalqet bilmod aktar mis- soltu. Donnha kienet xi ftit għajjiena bħall-kumplament ta' ġismi kollu. Għalaqt għajnejja u erġajt irqadt. Sadanittant kont naf li Kurt kien qed iċempel lil xi ħadd bil-mowbajl. Smajt leħnu fil- viċin, imbagħad fid-distanza. Ħassejtni trankwill. Rilassat. U għajjien ħafna. Ħallejt in-ngħas jieħu kontroll ta' ġismi kollu. Imbagħad stenbaħt għax smajt taħbita ħafifa mal-bieb ta' barra. Is-soltu kont inqum ninbaħ, nifraħ u nħossni mħasseb għal min seta kien hemm hemm barra, kollox fl-istess ħin. Iżda llum bilkemm flaħt niċċaqlaq. Ftaħt għajnejja u ħarist lejn Kurt. U hu ħares lejja. Ma kienx hemm bżonn kliem. Jien u Kurt konna niftehmu b'ħarsa biss. Jien u Kurt. Kurt kien l-iżjed persuna li jiena kont inħobb. U jiena kont ngħix għalih. F'mument wieħed smajt il-bieb jinfetaħ u jingħalaq u daħlet Patty. Patty kienet ħabiba ta' Kurt, u jiena tgħidx kemm kont inħobbha! Mhux daqs Kurt tafx! Ejja nagħmluha ċara din! Imma kienet waħda mill-iżjed bnedmin favoriti tiegħi. Patty ġiet ħdejja u ħassejt denbi jiċċaqlaq bil-ferħ. Ma kienx ikolli kontroll fuqu. Kien jiċċaqlaq waħdu. Ippruvajt inqum ftit minn taħt il-kutra u donnu beda jirnexxili. Ridtha tarani sabiħ. Ridtha tifraħ biha. U refagħtni. Kemm ħadt gost! Bejnietna, għalkemm lil Kurt kont inħobbu aktar, Patty aktar kellha idejha delikati u ma kinitx goffa bħalu. Imma eżatt malli refagħtni u bdiet tħares lejha, b'dawk l-għajnejn ċari tagħha, rajt demgħa nieżla minn ma' wiċċha u bdiet tagħfasni magħha iżjed milli suppost. "Iva," qalet lil Kurt. Iżda jiena ma kont qed nifhem xejn. Reġgħu poġġewni fis-sodda tiegħi u bdew iċemplu lil iżjed persuna li kont nibża' minnu! Nisma' ismu biss, ukoll jibdew jirtogħdu saqajja! Dottor Mugliett! It-tabib tal-annimali. Kont nibża' minnu. Kull darba li ltqajt miegħu, dejjem kien iweġġagħni. Kurt kien iwennisni wara, xħin immorru d-dar, iżda dan ir-raġel kattiv kellu bagalja sewda u minnha kienu joħorġu ħafna affarijiet ileqqu. U kienu jniggżu wkoll! U meta konna mmorru d-dar tiegħu, li Kurt kien isejħilha 'Il-Klinika', kien ikun hemm iżjed anninamli, li kollha kemm huma kienu jkunu mwerwrin bħali. U dik ir-riħa, dik ir-riħa qawwija ta' mediċinali kienet iddejjaqni, biex ma nsemmix il- bjuda li kien hemm kullimkien; mal-art, mal-ħajt u fuq l-imwejjed.... Ajma, ara, lanqas niftakar ma rrid! Issa bdejt nisma' lil Kurt u lil Patty ikellmuh fuq il-mobajl u bdew jgħidulu biex jiġi sad-dar! Tgħid għax ma kontx qed inqum sew? Tgħid minħabba fija? Għamilt l-almu tiegħi u qomt mis-sodda. Bdejt nimxi kif nista' u ndur 'l hemm u 'l hawn ħalli nurihom li aħjar jgħidulu ma jiġi xejn lil dak l-għafrid! Iżda xi nofs siegħa wara, hekk kif konna t-tlieta li aħna fuq is-sufan, nifirħu b'xulxin smajt karozza tasal, u ndunajt. Indunajt li Dottor Mugliett kien wara l-bieb! Kont diġà bdejt inxomm ir- riħa qawwija ta' annimali oħra li kellu fuqu! Kurt beda jagħmilli mossa biex immur fis-sodda tiegħi, u jien smajt minnu. U daħal. Daħal Dottor Mugliett, għamilli viżta bħalma kien qed jagħmilli ta' spiss u rajtu jċekċek snienu ma' xulxin u jieħu nifsijiet strambi. "Ma tantx fadallu. Il-kanċer kielu minn ġewwa..." kien qed jgħidilhom. Imma kanċer x'kien eżatt? Kelli xi mostru minn ġewwa? Forsi daħal ma' dak il-laħam tajjeb li kien jagħtini Kurt? U le... Kurt kien iħobbni... kien jieħu ħsieb jagħtini kollox tajjeb u bnin. Mela x'kien qed jiekolni minn ġewwa? Bdejt nibża'... Bdejt nibża' ħafna... Iżda malli telaq it-tabib, Kurt u Patty reġgħu refgħuni u żammewni ħdejhom. Kemm kont ferħan! Kemm kont inħobbhom! "Jien tiegħek għal dejjem," bdejt ngħid lil Kurt. U naf... Naf li kien jifhimni. Iżda dak il-lejl kien iebes iżjed mis-soltu. Ħassejt il-bard u bdejt nitriegħed. U ġrat xi ħaġa li qatt ma kienet ġrat qabel. Il-lajs kemm fraħt! Kurt ħallieni norqod fis-sodda tiegħu! Kemm kont ferħan! Il-bniedem li jiena kont ngħix għalih, kien qed iżommni miegħu għas-sħana u ħassejtni protett u ferħan! Kollox kien perfett! Beda jisbaħ. Rajt id-dawl tax- xemx dieħel minn ġol-purtieri tal-kamra tas-sodda u bdejt nistenna lil Kurt iqum ħalli joħroġni barra, inxomm ir-riħa friska tal-ħaxix u l-ħamrija friska ta' sbieħ il-jum. Iżda dakinhar, Kurt ma ħariġnix. Rajtu jħares lejja b'għajnejh ileqqu, iżommni aktar qrib tiegħu. "Aħfirli, Benny... ma nistax inħallik tbati," qalli. Ma stajtx nifhem għalfejn kien qalli hekk, iżda wara ftit erġajt rajt lil Patty dieħla mill-bieb u anke lil Dottor Mugliett, b'dik il-misħuta bagalja sewda! Ħarist lejn Kurt u rajtu jibki. "Għalfejn qed tibki, għażiż ħabib tiegħi?" staqsejtu. Iżda donnu llum ma kienx qed jifhimni. Dottor Mugliett ħareġ xi ħaġa tleqq minn ġol-bagalja, ħassejt tingiża żgħira fuq koxxti u dak il-ħin donnu kollox inbidel. Ħassejt sieqi tfieq, donnha reġgħet ġiet tajba, ħassejt l-uġigħ li kelli f 'żaqqi jitlaq kollu, ħassejt il-muskoli ta' ġismi kollha jieħdu s-saħħa! "Kurt," bdejt ngħidlu. Kont naf li għalkemm ma stajtx nitbissem bħall-umani, kelli għajnejja jleqqu bil-ferħ. "Jien tiegħek għal dejjem." Qomt bilwieqfa, eżatt malli t-tabib xengel rasu u telaq 'il barra. Kurt u Patty kienu t-tnejn li huma qegħdin jibku. Ma stajtx nifhem għalfejn kienu qegħdin jibku. Donnhom kellhom xi ħaġa f 'idejhom. Qisu kellhom kelb ċkejken ieħor, eżatt bħali! "Tibqax imdejjaq Kurt! Hawn jien għalik!" bdejt ngħidlu, hekk kif smajtu jolfoq u jbennen dak il-ġisem bla ħajja li kellu f 'idu. "Jien qatt mhu ser nitilqek! Jien tiegħek għal dejjem!" U hu jaf." Jien tiegħek għal dejjem Sharon Calleja