Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/946239
Aħbarijiet 8 illum | Il-Ħadd 25 ta' Frar 2018 17-il għaqda jipproponu taxxa fuq proprjetà vojta li tista' tinkera ...qed jipproponu wkoll li b'kuntratt ġdid is-sid jkun jista' jgħolli biss b'10% mill-aħħar kirja tal-kuntratt l-antik KOALIZZJONI magħmula minn 17-il organizzazzjoni li jaħdmu f 'setturi differenti lbieraħ varaw dokument b'diversi proposti li jitrattaw il-kwistjoni tal-kirjiet privati. Fost il-proposti li qed iressqu dawn l-għaqdiet hemm waħda li tistipola illi meta sid jerġa' jagħmel kuntratt tal-kera ma jkunux jistgħu jżidu l-kirja b'aktar minn 10% mill-valur tal-kirja. Il-grupp ta' għaqdiet sostna li hekk kif kuntratt jiskadi, is-sid ikun jista' jagħmel kuntratt ġdid mal-istess inkwilin jew ma' ieħor ġdid. Fi kwalunkwe każ, il-prezz stabbilit f 'dan il-kuntratt il-ġdid ma jistax ikun ogħla minn 10% tal-valur tal-aħħar kera ta' xahar li tkun ġiet imħallsa fil-kuntratt ta' qabel. Apparti il-limitu ta' 10%, il-prezz stabbilit f 'kuntratt ġdid, ikomplu jgħidu dawn l-għadiet, ma jistax ikun ta' aktar minn 25% ta' dak li kien ħames snin qabel. Dan ifisser illi b'dak li qed jipproponu dawn is-17-il għaqda jekk (għall-eżempju) l-aħħar kirja kienet ta' €100, il-kirja bil-kuntratt il-ġdid ma tistax tkun ogħla minn €110. Jekk sa ħames snin ilu (għall- eżempju) il-kirja kienet ta' €100, issa s-sid ma jistax jitlob għal aktar minn €125 fix-xahar. Il-koalizzjoni qed titlob ukoll tkun introdotta sistema ta' tassazzjoni li tħajjar kirjiet fit-tul permezz ta' rati ta' taxxi aktar baxxi għal kirjiet fit-tul, il-ħolqien ta' reġistru tal-istat tal-propjetajiet li hemm fis-suq tal-kera kif ukoll it-twaqqif ta' entità pubblika responsabbli mir-regolamentazzjoni tal- kera. Is-17-il għaqda qed jitolbu li jkun imniedi Indiċi tal-Prezzijiet tal-kirjiet fejn jitniżżel il-valur tal-proprjetà ta' 1) inħawi differenti u 2) tipi differenti ta' proprjetà skont il-qies u l-kwalità. Is-sidien ikunu jridu jniżżlu d-dettalji tal-proprjetà tagħhom f 'dan ir-reġistru tal-istat. Il-koalizzjoni qed titlob li jintemmu kuntratti fuq linji simili għal dawk li jinsabu fil- liġi tal-impjiegi, il-provediment ta' regoli ċari dwar flus depożitati, ħlas ta' kontijiet tad- dawl u l-ilma u dwar iż-żamma tal-propjetà, il-protezzjoni ta' persuni li qegħdin fi ftehim ta' kera eżistenti u r-regolamentar ta' aġenziji, u l-għarfien legali ta' Unjon tal-Inkwilini. Apparti minn hekk l-istess koalizzjoni qed tipproponi taxxa fuq proprjetà vojta li tista' tinkera. Dawn l-għaqdiet ifakkru kif Malta m'għandha kważi l-ebda forma ta' regolamentazzjoni fejn jidħol is-suq tal-kera u għalhekk dan is-suq illum jimxi fuq il-liġi tal-ġungla. "Dan qed iwassal biex ħafna inkwilini jgħixu ħajja prekarja għax is-saqaf li għandhom fuq rashom huwa temporanju ħafna, u għalhekk qegħdin f 'sitwazzjoni fejn dawk li jgħixu f 'post mikri ma jħossux li d-dar li joqogħdu fiha hija darhom. Hemm ħtieġa urġenti ta' regoli fis-suq tal-kera sabiex ikun hawn iktar ġustizzja soċjali u tinħoloq ċerta stabbilità. Għalhekk aħna kuntenti li s-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jaħdem fuq White Paper dwar ir-regolamentazzjoni ta' dan is-settur, li se tiġi ppubblikata fi żmien qasir. Aħna biħsiebna nagħtu l-kontribut tagħna fil-proċess ta' konsultazzjoni." Dawn l-għaqdiet qed iressqu l-proposta għal regolamentazzjoni fis-suq tal-kera: Moviment Graffitti, Alleanza Kontra il-Faqar, Forum Komunità Bormliża, Malta Tenant Support, Malta Humanists Association, The Millennium Chapel, Żminijietna – Voice of the Left, Aditus Foundation, Malta Gay Rights Movement, The Critical Institute, Spark 15, Mid-Dlam għad-Dawl, Women's Rights Foundation, African Media Association Malta, Koperattiva Kummerċ Ġust, Integra Foundation u Third World Group Malta. Ara paġni 12 u 13