Illum previous editions

illum 25 February 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/946239

Contents of this Issue

Navigation

Page 2 of 31

3 Il-Ħadd 25 ta' Frar 2018| illum Aħbarijiet RIĊERKA li qed jagħmlu voluntiera u esperti ta' Wirt iż-Żejtun, f 'żona mhux żviluppata f 'Bulebel, jista' jkun li twassal biex jinstabu fdalijiet ta' knisja Medjevali li ilhom moħbija mill-għajn għal mijiet ta' snin. X'aktarx li l-fdalijiet ta' din il-knisja, jinsabu fl-istess żona li fl-aħħar ġimgħat kienet fiċ-ċentru tal-attenzjoni wara li fuqha hemm propost li jinbnew fabbriki, bħala parti mill-estensjoni taż-żona industrijali ta' Bulebel. Kienet il-gazzetta ILLUM li niżlet iż-Żejtun u ltaqgħet ma' għadd ta' bdiewa li kienu rċevew ittra biex jagħmlu spazju għall- fabbriki. Skont informazzjoni ppubblikata fuq is-sit ta' Wirt iż-Żejtun, din il-knisja tissemma f 'dokumenti storiċi li jmorru lura għas-sekli 16 u 17 u spezzjoni li saret dan l-aħħar jista' jkun li tefgħet aktar dawl fuq il-possibbilità ta' din l-iskoperta. Dokument, dwar iż-żjara pastorali ta' Monsinjur Pietro Duzina fl-1575, jirreferi għal knisja fil-kampanja li kienet iddedikata lil San Leonardu u mibnija fuq medda art li kienet proprjetà tal-Gran Mastru. Mons Duzina kien talab lill-Gran Mastru biex jieħu ħsieb din il-kappella li ma kellha l-ebda bieb, altar, rettur, dekorazzjoni jew xi forma ta' dħul. F'dokumenti oħra dwar il-vista pastorali tal-Isqof Baldassare Cagliares fl-1627, hemm referenza għall- fatt li din l-knisja kienet abbandunata u magħluqa fl-1615. Dan id-dokument jgħid li l-knisja kienet tinsab fiż-żona magħrufa bħala "Tal- Qassasa ta' Buleben." Dokumenti oħra dwar vista pastorali li saret fl-1600, isemmu lil ċertu Ġanni Sammut li kien jieħu ħsieb din il-kappella. Il-kappella kienet tniżżlet bħala waħda mill- kappelli rurali li jaqgħu taħt il-parroċċa taż-Żejtun. L-istess manuskritti jgħidu wkoll li quddiem din il- kappella kien hemm ċimiterju u kien hemm devozzjoni qawwija minn dawk li xi darba jew oħra esperjenzaw xi forma ta' skjavitù. San Leonardu huwa l-patrun tal-iskjavi. Wara li żewġ pubblikazzjoni, miktuba minn Kenneth Cassar u l-Professur Monsinjur Vincent Borg, tefgħu d-dawl fuq dawn id-dokumenti, il- voluntiera ta' Wirt iż-Żejtun ikkonsultaw mapep antiki ta' dan iż-żona. Fil-fatt, f 'mappa tas-seklu 17, tidher kappella ddedikata lil San Leonardu fiż-żona bejn Ħaż-Żabbar, Ħal Tarxien u ż-Żejtun. Minkejja dan ma kien hemm l-ebda referenza għaż-żona "Tal-Qassasa." F'mapep aktar riċenti, hemm referenza għal żona magħrufa bħala "It-Taqsis." Din iż- żona għadha sal-lum mhux żviluppata u hija kkaraterizzata minn għelieqi u rziezet fi Triq il-Merħla. Din iż-żona tinsab ftit passi 'l bogħod minn kumpless rurali li kien iffinanzjat mill-Gran Mastru Perellos u li kien skopert ftit tal-jiem ilu. Il-voluntiera u l-esperti jispjegaw li x'aktarx, dawn iż-żewġ ismijiet, "Tal-Qassasa" u "It-Taqsis," jirreferu għall- istess żona, ġaladarba l-ismijiet għandhom l-istess għerq. Qassasa huwa nom li jirreferi għall-persuni li jaqtgħu jew iqasqsu filwaqt li Taqsis huwa nom li jirreferi għall-azzjoni nnifisha. Il-voluntiera spjegaw li lil hinn minn ħajt fi Triq il-Merħla, fiż-żona mniżżla It-Taqsis, ġo għalqa privata, hemm struttura li l-arkitettura tixbah ħafna dik ta' kappella rurali. Għalkemm il-binja tidher antika, hija żgħira wisq biex setgħet tintuża bħala knisja. Il-voluntiera u l-esperti spezzjonaw iż-żona ta' madwar l-istruttura għal xi fdalijiet u ġabru bċejjeċ tal- fuħħar li nstabu madwarha. Uħud minn dawn imorru lura għal żmien il-Kavallieri filwaqt li oħrajn huma aktar moderni. Wirt iż-Żejtun qed tisħaq li f 'din iż-żona għandhom isiru aktar riċerki u studji arkeoloġiċi għax jista' jkun li din il-knisja tinsab lesta biex tkun skoperta mill-ġdid. Ħmistax ilu, il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet mal-President ta' Wirt iż- Żejtun, Ruben Abela, li kien insista li jekk isir l-iżvilupp propost f 'din iż-żona, se jkun hemm telf agrikolu, storiku u bijoloġiku. Kemm il-Partit Nazzjonalista u anke l-Partit Demokratiku kienu talbu lill-Gvern biex ibiddel id-deċiżjoni tiegħu dwar din l-art. lI-Partit Laburista kien akkuża lill-kelliem tal- Oppożizzjoni għall-Ambjent, Jason Azzopardi, li meta kien Ministru kien għadda din il- medda art lil Malta Industrial Parks. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru kien indika li l-Gvern se jipprova jsib bilanċ f 'din il-kwistjoni billi tinstab art alternattiva għal dik li mmarkata għall-iżvilupp. ycioffi@mediatoday.com.mt Yendrick Cio Wirt iż-Żejtun tgħid li f 'Bulebel jista' jkun hemm fdalijiet ta' knisja Medjevali

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 25 February 2018