Illum previous editions

illum 8 July 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1002134

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 08 ta' Lulju 2018 I l-bieb tal-garaxx infetaħ waħdu. Marlon, b'qalbu tħabbat qisha mutur tal-ħart fil-qafas ta' sidru, dawwar ħarstu minn naħa għal oħra tat- triq pjuttost mudlama. L-uniku dawl li kien hemm faċċata tat-triq kienet lampa twila, oranġjo, kemxejn għajjiena u mitluqa. Mill-bqija kien hemm kważi abbiss totali. Id-djar tal- viċinanzi bilkemm kienu jidhru. Wara x-xita li kienet għadha kif għamlet u li donnha kienet għadha mdendla b'ħajta, ħlief il-ħoss tar-riħ ivenven, kollox kien baħħ. U imnalla...hekk beda jaħseb. B'idejh jirtogħdu, daħħal il- vettura fil-garaxx u beda jitlob li sakemm jingħalaq il-bieb tal-garaxx, ma jgħaddi l-ebda proxmu. U hekk, eżatt malli l-aħħar żaqżiqa tal-bieb immarkat li l-bieb kien ingħalaq, tifsira ta' firda bejn id-dinja t'hemm barra u dik t'hawn ġew, Marlon għalaq għajnejh, u b'idejh għadhom imqabbdin mal- istering tal-karozza ħa nifs twil. Lanqas ried jemmen dak li kien għadu kemm ġara. Għal mument ħassu bbalzmat ġol-karozza, il-ħsejjes tal-ġrajja li kien għadu kemm esperjenza, għadhom jiżfnu fil-ferneżija ta' moħħu. Il-ħsejjes, dak li kien ra, dak li kien ħass... Kien imwerwer. Ried joħroġ jara l-ħsara li kien ġara lill-vettura. Ried jara kemm kien għamel spejjeż. Iżda għal mument ma kellux moħħ. Hu qatt ma kien kiser il-liġi. Qatt ma kien ħarab mill-verità. Iżda r-riħa tal-alkoħol kienet għadha friska, ħierġa minn kull toqba ta' rasu; imnieħru, ħalqu... u għal mument kien ċert li anke minn widnejh kienet ħierġa. Kieku waqaf... Kieku ġew il-pulizija... Kieku... Kien ikun fl-inkwiet. Inkwiet kbir. Imma x'seta' jagħmel? Dak il-ħin moħħu lanqas biss kien ħadem sew. Moħħu hekk tah li jagħmel. Isuq 'il bogħod mix- xena kemm jista' jkun. Ried jibki. Ried jaqbad jolfoq. Tgħid kien qatlu? Tgħid kien miet? Il-ħoss tal-brejk tar-rota, miżgħud ma' dak tax-xita u sajjetti, il-ħoss tal-brejk tiegħu, l-għajnejn ta' dak l-individwu li kienu waqfu għal kwart ta' sekonda waħda jleqqu fid- dawl donnu qattus imxarrab u muġugħ, sekonda waħda u mhux aktar. Iħarsu lejh. Jafu. Jafu li kienu ser jesperjenzaw l-uġigħ. Il-biża'. Iżda hu ma kienx rah sew. Ma setax jarah sew. Kienet ix-xita. Kien id-dlam. Kien il-maltemp. U hu... Hu kien xurban. L-impatt. Il-ħoss tal-ħadid tar-rota jaħbat mal-karozza tiegħu. Il-ħoss tal-għadam ifaqqa' mal-faċċata tal-karozza, il-fanal tal-karozza jinkiser, il-leħen maħnuq tal-individwu, il-laħam jinfaqa', il-... Xengel rasu u ħareġ iħaffef minn ġol-karozza. Il-ħsejjes. Ix-xena. Kienu ser jibqgħu jiġru warajh għal għomru. Qabel qatt ma kien jixrob. Imma kemm kienet ilha li telqitu... kien tħarbat xi ftit. Imma mhux bilfors? Jekk kienet telqitu għal wieħed iżgħar, isbaħ? Jekk hu kien għadu... kien għadu jħobbha. Ħareġ minn ġol-garaxx bil- kwiet, saqajh kważi jogħtru bil-qatgħa li kellu fuqu, wara li kien iċċekkja li l-garaxx kien issiġillat. Hekk ma jsibuhx. Forsi ma jindunawx. Ifhem, waqt l-impatt, kien jaf li warajh ma kien hemm ħadd, kienet triq kwieta, ma kien hemm ħadd aktar ħlief hu u l-ieħor. Il-vittma. U x'aktarx... Il-ħsieb biss kien qed ikexkxu. X'aktarx qatlu. Daħal id-dar, jagħlaq il-bieb li kien jinfed dirett bejn il-garaxx u d-dar. Bla ma qagħad jaħsibha, mar iħaffef lejn il-bank tal-kċina u sab flixkun ilma nofsu mimli. Żgur kien ħallieh hemm Stephen! Fetħu u b'idejh għadhom jirtogħod, beda jixrob ħalli jxarrab in-nixfa li kellu. Hekk, forsi jħossu ftit aħjar. Ix-xita. Reġgħet bdiet. Il-ħoss tat-taqtir ifferoċjat fuq is-saqaf taż-żingu li kellu fil-bitħa beda jdejqu. U t-tektik mat-twieqi u l-ħġieġ tal-bibien iżjed u iżjed. Ix-xita. Kienet ser tibqa' tfakkru. Tgħid kieku waqaf kien isalva? Imma kieku, kieku kien ikollu jibqa' miegħu u kienu jiġu l-pulizija u kienu jindunaw li kien xurban! "Ieqaf!" għajjat waħdu, lilu nnifsu. Inħasad. Inħasad b'leħnu stess. U ma riedx iqajmu. Ma riedx iqajjem lil Stephen. Jekk isibuh? Jekk jiġu l-pulizija? Mar iħaffef lejn il-kamra tal- banju, neża' l-ħwejjeġ u daħal fil-banju. L-ilma fietel iġelben minn fuq rasu lejn wiċċu, nieżel inaddaflu l-pori ta' kullimkien, beda jħossu qed iwennsu. Tgħid jindunaw? Tgħid kien miet? U kien propju dak il-ħin. Inħasad. Ħoss ta' karozza tieqaf quddiem id-dar. Tgħid min kien ġie? Tgħid...tgħid kienu ndunaw b'dak li kien għamel? Tgħid? Ħass ġismu jitkexkex, hekk kif qabad xugaman li kien mitluq mal-art, intmesaħ nofsu, libes ħwejjeġ nodfa u beda jħares lejn ir-riflessjoni tiegħu fuq il-mera. Għajnejh kienu mdawwrin bi ċrieki suwed. U dak il-ħin, ħass is-suf ta' ġismu kollu jqumlu xewk, xewk. Taħbita mal-bieb. Min kien ġie? Għal mument ħares lejn it-tieqa ċkejkna li kienet tagħti għal barra minn ġol-kamra tal-banju. Tgħid jaħrab minn hemm? Imma kienu jsibuh! Fejn kien se jmur? U Stephen? Iħallih waħdu? Mar bilmod lejn il-bieb ta' barra. Taħbita oħra. B'għajnejh imberrqin xiber 'il barra minn moħħu, ittawwal bil-mod minn wara l-purtiera tat-tieqa biswit il-bieb u rahom. Żewġ pulizija. Wieħed twil u ieħor imbaċċaċ u qasir. Jistennew. Jistennew propju lilu. Marlon għamel idejh ma' wiċċu u beda' jolfoq qisu tarbija. Ħass ġismu maqtugħ, bla saħħa u dak il-ħin kieku kont taqtagħlu rasu lanqas biss kienet toħroġlu taqtira waħda demm. Taħbita oħra. "Sur Scicluna?" sema' leħen ta' pulizija minnhom jgħajjatlu minn wara l-bieb. Mesaħ id-dmugħ. Kieku ratu martu dak il-ħin, kienet tkun sodisfatta żgur. Dik l-imġiddma kienet telqitu għal ieħor! Ipprova joqgħod dritt kif seta' ħalli jidher kompost. Hekk jew hekk żgur ma kellhomx provi. Forsi... min jaf, forsi kien irrappurtah xi ħadd? Jew il-vittma stess ma kienx miet? U kien fetaħ ħalqu? U forsi, min jaf, forsi? Imma kellu jiftaħ. Ma setax joqgħod jinħeba wara subgħajh. La kienu ġew... Għamel ftit kuraġġ. Qalbu ħassha ħierġa minn sidru. "Il-lejl it-tajjeb, sinjur Scicluna," qallu l-pulizija t-twil, hekk malli Marlon dawwar il-pum, fetaħ il-bieb u sabhom quddiem wiċċu. "X'għandkom bżonn?" staqsiehom, leħnu maħnuq kważi għal kollox. Dak il-ħin ħass gelgul ilma nieżel minn ma' dahru u ma kienx jaf kienx għaraq jew ilma mill-banju li kien ħa. Il-pulizija ma tbissmulux. Kienu jafu, beda jaħseb. Kienu jafu! "Kien hemm aċċident," qallu l-pulizija. Demmu niżel f 'saqajh. Kienu sabuh. Iva, kienu sabuh. "Eħe?" staqsiehom, jipprova jżomm wiċċ innoċenti kif seta'. "Iva," qallu l-ieħor. Resaq eqreb lejh u qabdu minn spalltu. Marlon inħasad. X'kien ġej? X'kienu ser jagħmlulu? "Sur Scicluna, ma nafx kif ser naqbad ngħidlek, imma..." Marlon fetaħ għajnejh beraħ. Kien qed jistenna. Jistenna l-mument tal-akkuża. "Ibnek Stephen kien involut f 'aċċident ikrah bir-rota tiegħu. Milli jidher tgħajritu karozza u baqgħet sejra. Jiddispjaċina, sur Scicluna imma ibnek miet fil-post." "X'intom tgħidu? Din xi ċajta?" "Mhix ċajta sur Scicluna." "Imma ibni, suppost... suppost...dak rieqed! F'kamartu!" beda jhewden Marlon. Telaq jiġri lejn il-kamra t'ibnu. Fetaħ il-bieb. Kamra vojta. "Jaħasra kieku s-sewwieq ma' baqax sejjer, it-tifel kien isalva," qallu l-pulizija l-ieħor hekk kif daħal fil-kamra warajh ħalli ma jħalluhx waħdu f 'mument hekk iebes. L-impatt. Ir-rota. It-tifel. Stephen. 20 Opinjoni Sharon Calleja L-impatt

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 8 July 2018