Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1002134
3 Il-Ħadd 08 ta' Lulju 2018 | illum Aħbarijiet Minn Yendrick Cioffi MALTA hija t-tielet l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li fit-toroq tagħha għandha jduru vetturi li għandhom 20 sena jew aktar. Skont stħarriġ li l-Eurostat għamel fl-2016, 23% tal- vetturi tal-passiġġiera f 'Malta għandhom aktar minn 20 sena. Dan ifisser li jekk sa sentejn ilu f 'Malta kien hawn 282,921 vettura tal-passiġġiera, madwar 65,000 minnhom kienu antiki mhux ħażin. L-uniku żewġ pajjiżi li għandhom ammont akbar ta' karozzi antiki minn Malta huma l-Polonja u l-Estonja. Karozzi antiki jfissru wkoll karozzi li jniġġsu. Bil-għan li jtaffi minn din il-problema, fl-aħħar snin, il-Gvern kien nieda skema għal dawk kollha li jagħżlu li jiskrapjaw il-vettura tagħhom biex jixtru vettura hybrid, jiġifieri vettura li tiddependi inqas fuq il-fjuwils u aktar fuq l-elettriku. Karozzi hybrid... Mexjin imma għadna lura ħafna Sal-2016, Malta kienet għadha ftit lura mhux ħażin, tant li skont l-istess stħarriġ, Malta kellha fost l-inqas żidied ta' vetturi li jaħdmu b'enerġija alternattiva meta wieħed iqabbel iċ-ċifri ta' bejn l-2014 u l-2016. L-istħarriġ wera kif jekk fl-2016 ħarġu fit-toroq Maltin 16,712-il karozza, 87 biss kienu jaħdmu b'enerġija alternattiva. Madanakollu, jidher li fl-aħħar snin il-vetturi hybrid bdew jiżdiedu, tant li skont informazzjoni li kienet ingħatat fil-Parlament mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg, f 'sena waħda biss, jiġifieri bejn l-2016 u l-2017, il-karozzi hybrid żdiedu bi kważi 400. Iżda l-ammont għadu wieħed żgħir. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal- Istatistika, fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena, il-vetturi fit-toroq Maltin kienu jammontaw għal 375,041, li minnhom 0.5% biss jew 1,426 vettura, kienu hybrid. Skont il-Eurostat, Malta hija wkoll it-tielet l-aktar pajjiż, wara l-Irlanda u l-Estonja li kellha vetturi ġodda jaħdmu bil-petrol. Fil- fatt 67% tal-vetturi, li ħarġu fit-toroq Maltin fl-2016, kienu jaħdmu bil-petrol. Minkejja d-dipendenza tal-Maltin fuq il-karozzi li jaħdmu bil-petrol jew id-diesel u anke minkejja li l-pompi tal-petrol baqgħu jfaqqsu qishom flieles, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar konsultazzjoni wiesgħa bil-għan li Malta tasal biex telimina għalkollox il-bejgħ ta' karozzi li jaħdmu bi fjuwil konvenzjonali. 615-il karozza għal kull 1,000 persuna It-traffiku jibqa' wieħed mill-akbar sfidi li għandu l-pajjiż u aktar ma tikber il- popolazzjoni aktar se tiżdied din il-pressjoni fuq it-toroq Maltin. Skont il-Eurostat, Malta hija t-tielet l-aktar pajjiż fl- Unjoni Ewropea li għandha karozzi għal kull 1,000 persuna. Fil-fatt, għal kull 1,000 Malti jew Maltija hawn 615-il vettura. Qabilna hemm biss il-Lussemburgu u l-Italja. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kien ippubblika stħarriġ li fih wera kif fl-ewwel tliet xhur ta' din is- sena, il-vetturi f 'Malta kienu qed jiżdiedu b'medja ta' 33 waħda kuljum. ...Malta għandha fost l-ogħla rata ta' karozzi tal-passiġġieri antiki fl -Unjoni Ewropea u dan meta l-vetturi hybrid jammontaw biss għal 0.5% tal-vetturi fi t-toroq Maltin Karozza minn kull erbgħa għandha 20 sena jew aktar