Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1016516
11 Aħbarijiet Il-Ħadd 19 ta' Awwissu 2018 | illum mill-agħar sal-aqwa żmien (2) Muscat għamel suċċess għax wettaq, kien iktar 'laxk' u ġietu tajba fl- istess ħin. 'Wettaq' għaliex nieda diversi miżuri li jivvantaġġjaw in-negozji, fosthom negozji żgħar u tal-familja. Kien iktar 'laxk', fis-sens li biddel l-attitudni strinġenti (anke jekk xi minn daqqiet ġusta u ġustifikata) li kien qed jadotta Gvern Nazzjonalista, fosthom fil-kwistjonijiet ta' mwejjed u siġġijiet ta' ċerti stabbilimenti. Jinħass li l-awtoritajiet issa jifhmu aktar u huma inqas ħorox, li huwa tajjeb għan-negozju imma mhux neċessarjament tajjeb għal nies oħrajn. Imma fuq kollox Muscat ġietu tajba wkoll, fis-sens illi l-miżuri li qed jieħu qed jeħodhom fi żmien meta l-ekonomija fl-Ewropa qed tikber u meta l-ekonomija Maltija qed tiġri. Dawn il-fatturi kollha fissru illi f 'dawn l-10 snin il-Partit Laburista kiel minn wieħed mill-aktar setturi kruċjali għall-PN, dak is-settur li fl-2003 kien wara Eddie Fenech Adami jappoġġja sħubija ta' Malta mal-Unjoni Ewropea; in- negozji. Rebranding: Dehra Fl-aħħar 10 snin il-Partit Laburista għamel tibdiliet, illi permezz tagħhom qed jipproġetta dehra ġdida. Inqas aħmar fl-arma u iktar abjad, inqas daqq tal-innu tal-Partit Laburista u żgħażagħ, skjerati lebsin pulit wara Joseph Muscat. Għalkemm kożmetiċi, dawn il-bidliet kienu importanti biex il-partit jirrealizza l-ambizzjonijiet tiegħu f 'perjodu meta d-dehra hija importanti ħafna. Minn serial looser... għal rebbieħ Mhux għax kien hemm wisq dubju li l-Partit Laburista kien se jirbaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2013, imma ftit ħasbu li d-distakk se jkun daqstant kbir. L-aħbar bdiet tiġri li l-Partit Laburista rebaħ b'aktar minn 30,000 vot u minn hemm bdew ċelebrazzjonijiet kbar madwar il-pajjiż kollu, imma speċjalment il-Ħamrun u l-Belt Valletta. Id-distakk ta' 36,000 vot maġġoranza, sa dakinhar storiku, kien ilu jakkumula mill-2004 minn meta (kif għidna l-Ħadd li għadda) kien beda jdur ir-riħ favur il-Partit Laburista. Bidu tajjeb... sakemm tfaqqa' Panama L-ewwel ftit xhur ta' Gvern Laburista, bi ftit li xejn oppożizzjoni kienu pożittivi u kien hawn sentiment ta' soljev fost ħafna (mhux Laburisti) illi l-Partit Laburista tela' fil-Gvern u kollox baqa' miexi tajjeb, anzi kien qed jaqbad rittmu mgħaġġel. Naturalment l-għan ta' din l-analiżi mhix li nħarsu lejn kulma ġara f 'dawn is-sitt snin ta' Gvern Laburista. Huwa ċar iżda illi minkejja l-każ tal-Cafe Premiere u minkejja l-każ tax-xufier tal-eks Ministru Emmanuel Mallia, l-ebda kwistjoni daqs dik tal-Panama ma heddet daqstant l-eġemonija Laburista li kien bena Muscat. Il-kwistjoni tal-Panama, kienet u għadha l-akbar u l-itqal mażra li tista' f 'mument mhux mistenni tniżżel lil Muscat u l-Partit Laburista, anke jekk bħalissa dan jidher kważi impossibbli. L-istorja kollha kienet iddur ma' serje ta' fatti flimkien ma' konġettura jew fatti li ma kinux ippruvati. L-aktar persuna qirb Muscat u Ministru f 'Kastilja jiftħu kumpaniji fil-Panama. Flus fil-kont tal-Ministru Konrad Mizzi qatt ma daħlu u l-kumpanija kienet xolta. Fil-kumpanija ta' Keith Schembri daħlu flus, fosthom allegatament mingħand Adrian Hillman. L-eks Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN kien allega (u hemm inkjesta Maġisterjali) li l-flus li daħlu mill-kont ta' Brian Tonna għal dak ta' Schembri kienu ġejjin minn kummissjonijiet mill-bejgħ tal-passaporti, xi ħaġa li ċaħdu u liema flus iddeskrivew bħala self. Imbagħad kien hemm Egrant Inc, li s-sid tagħha kien u s'issa għadu misteru, għalkemm nafu li direttament ta' Michelle Muscat jew tal-familja Muscat qatt ma kienet. Dan il-każ qajjem pandemonju politiku u fetaħ il-bibien tad-dubju bi strateġija politika tal- PN mirquma eżatt biex tkompli tqajjem id-dubji fuq l-intenzjoni wara dawn il-kumpaniji u ta' min kienet Egrant. Għal mumenti l-biża' kienet illi dan il-każ jista' jkun għall-Partit Laburista dak li kien għall-eks President Amerikan Nixon, Watergate. Kienet bdiet dieħla l-biża' li seta' kien hemm intenzjonijiet ħżiena... sakemm faqqgħet l-allegazzjoni Egrant. Minkejja li l-2008-2018 kienu 10 snin pożittivi ħafna għal-Labour ma jfissrix li ma tterraqx toroq koroh, u din kienet waħda minnhom. L-allegazzjoni li Egrant hija ta' Michelle Muscat u li minnha għaddew $1 miljun mit-tifla tal-Mexxej tal-Ażerbajġan kienet l-aktar storja dannuża għall-Partit Laburista. Minkejja dan u minkejja d-dubju tqil fuq ras il-Labour Muscat f 'Ġunju 2017 rebaħ elezzjoni sena qabel iż-żmien b'distakk ta' 35,250 vot. Dan kien, jew għallinqas fil-fehma ta' din il-gazzetta, l-ogħla mument tal-Partit Laburista. Minkejja li r-rebħa kienet bħal dik tal-2013, moralment kienet rebħa kbira għal partit attakkat u akkużat illi fforma l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta' pajjiżna u ffaċċjat b'mistoqsijiet dwar kontijiet fil-Panama u diversi proġetti bħal dak tal- Powerstation u l-kuntratt mal- Vitals Global Healthcare. Mill-ogħla punt għall- akbar rebħa... Jekk l-1998 kienet l-agħar sena għall- Partit Laburista, l-2017 kienet l-aqwa. B'rebħa daqstant kbira, minkejja kollox, il-Partit Laburista rnexxielu jdawwar l-affarijiet ta' taħt fuq u minn tellief spiċċa partit b'saħħtu, diffiċli li tkissru. Mill-2017 sa issa ġraw ħafna affarijiet, forsi l-agħar kien il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, avversarju qalil tal-Partit Laburista għal dawn l-aħħar 20 sena. Kien mument iswed għall-pajjiż, anke jekk Caruana Galizia kellha ħafna għedewwa, mhux l-inqas fil-Partit Laburista li tant kienet tikkritika imma wkoll fil-Partit Nazzjonalista. Minkejja dan, il- benefiċċju tad-dubju ngħata lill-Prim Ministru Joseph Muscat, kif kien ilu jingħata fis-snin ta' qabel kważi fuq kull kwistjoni u minkejja implikazzjonijiet serji li l-qtil ta' Caruana Galizia kien ikkumissjonat minn xi ħadd qrib il-Gvern, il- poplu fil-maġġoranza kbira (skont l-aħħar sondaġġi) ma jemmnux li dan huwa l-każ. Qabel ma jkun solvut dan il-każ, fis-sens ta' min kien imqabbad joqtol lil Caruana Galizia dan l-omiċidju jibqa' bħal giljottina fuq ras il-Partit Laburista. Ġimagħtejn ilu ħarġu l-konklużjonijiet tal-inkjesta 'Egrant'. Konklużjonijiet illi jiskolpixxu lil Michelle Muscat mill-allegazzjoni dwar din il-kumpanija. Politikament, dan kien l-iktar punt għoli tal-Partit Laburista u ta' mexxej tiegħu mill-1998. Dan minħabba li rriżulta li Egrant Inc. qatt ma kellha kontijiet fil-Bank Pilatus u allura l-allegat ammont ta' flus li għaddew fiha mill-Ażerbajġan s'issa ma jidhirx li jistgħu qatt għaddew. Dan apparti li l-Maġistrat Aaron Bugeja ma sab ebda forma ta' rabta bejn Egrant Inc u Michelle Muscat għajr għal 'Declaration of Trust' b'firem foloz. ...imma ħadd ma jaf x'se jiġri fil-kapitlu li jmiss B'hekk il-Partit Laburista se jkun qed jispiċċa dawn l-20 sena fl-ogħla punt tiegħu, fl-iktar pożizzjoni politika għolja numerikament u anke moralment. Numerikament juruh is-sondaġġi u grazzi għall- qasma li hemm fil-Partit Nazzjonalista. Moralment, il-Partit Laburista jħoss li ngħata raġun fuq kwistjoni li fuqha ffaċċja kritika ħarxa u li anke setgħet telfitu elezzjoni. B'hekk l-għan ta' din l-analiżi u ħarsa lura lejn dawn l-aħħar 20 sena tiġi fi tmiemha. Fiha rajna l-qiegħ tat-telf u l-quċċati tar-rebħ u kif kontijiet fil-Panama setgħu kissru lil-Labour, imma minflok saħħewh. Imma kif jgħidu jekk ġimgħa hija twila fil-politika, mil-lum sa Mejju 2019 huwa eternità. Kollox jindika li l-Labour se jibqa' minn fuq u jgawdi mir-rebħiet numeriċi u morali. Imma dan jiddependi minn bosta affarijiet, primarjament 1) Ir-riżultati ta' inkjesti li jistgħu jippuntaw swaba' lejn wieħed miż-żewġ persuni qirb ħafna ta' Muscat, li hu dejjem irrifjuta li jwarrab 2) L-eżitu tal-proċeduri fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u fl-aħħar u mhux l-inqas 3) fuq il-preżunzjoni, skont il- previżjonijiet, li l-ekonomija tibqa' għaddejja bejn wieħed u ieħor kif inhi llum. 20 sena oħra, nerġgħu nitkellmu....