Illum previous editions

illum 19 August 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1016516

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

illum | Il-Ħadd 19 ta' Awwissu 2018 I l-ħajja politika normalment tbatti ftit sew fix-xhur tas-sajf. Dan mhux f 'Malta biss għax xi kultant xi ħadd bħali li għandu aptit li diffiċli xxebbgħu għall-aħbarijiet barranin jispiċċa fjakk għall- aħħar. Imma hawn Malta mhux l-ewwel darba illi tiġri xi ħaġa illi żżomm il-ħajja politika aġitata anke fix-xhur l-aktar sħan. Ovvjament il-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal- inkjesta Egrant immexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja fit-22 ta' Lulju 2018 ma setgħetx tgħaddi mingħajr ma tqanqal reazzjonijiet sostanzjali fis-soċjetà kif ukoll fil-kampi politiċi rispettivi. L-allegazzjonijiet illi saru fil-blog ta' Daphne Caruana Galizia kienu illi teżisti "Declaration of Trust" fil-Bank Pilatus illi torbot l-kumpanija Egrant ma' Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru. Allegazzjoni oħra li saret fl- istess blog kienet illi minn kont ta' kumpanija tad-Dubai, Al Żahra, li hi tat-tifla tal-mexxej dittatorjali tal-Ażerbajġan, ġew trasferiti flejjes kbar, inkluż ħlas wieħed ta' aktar minn miljun dollaru, lill-kont li Egrant kellha f 'bank id-Dubaj. Il-Maġistrat Bugeja sema' 477 xhud u qabbad diversi esperti lokali u barranin sabiex jgħinuh, kif ukoll bagħat ittri rogatorji f 'diversi pajjiżi ħalli jagħmel mistoqsijiet u jitlob informazzjoni. Waħda mill- ittri rogatorji ntbagħtet il- Panama fejn xehdet il-persuna li allegatament iffirmat id- Declaration of Trust, Jaqueline Alexander. Xehdu wkoll persuni oħra bħal Juergen Mossack, l-avukat Panamiż, bin uffiċjal tal-SS li kien sab kenn il-Panama wara l-gwerra, li waqqaf id-ditta legali MossackFonseca. Din id-ditta kienet l-oġġett ta' waħda mill- akbar hacks jew leaks diġitali fl-istorja li minnha tnisslu l-Panama Papers. Il-Maġistrat Bugeja, ta' professjonist veru li hu, kien ferm metodiku fil-ħidma tiegħu. Fil-konklużjonijiet tiegħu prattikament stabilixxa illi l-allegazzjonijiet kollha li saru ma kinux minnhom. Stabilixxa illi Jaqueline Alexander ċaħdet illi ffirmat id-Declaration of Trust inkwistjoni u illi fi kwalunkwe każ, il-firma fuq l-istess dikjarazzjoni rriżultat falza. Stabilixxa wkoll illi kien hemm diverġenzi serji bejn ix-xhieda tal-whistleblower Russa, Maria Efimova u Daphne Caruana Galizia. L-istampa li toħroġ mill-qari tal-konklużjonijiet tal-inkjesta hi illi Efimova hi xhud qajla attendibbli għax jew ikkontradixxiet ruħha fil-kors tal-erba' stanzi illi xehdet quddiem il-Maġistrat Bugeja jew dak li qalet ma ġiex ikkorroborat minn xhieda oħra. Il-Maġistrat Bugeja jissuġġerixxi wkoll fil-konklużjonijiet tiegħu illi Efimova seta' kellha motiv talli għamlet l-allegazzjonijiet illi għamlet. Hawnhekk tajjeb illi wieħed isemmi x'inhu l-iskop ta' inkjesta maġisterjali. L-iskop ta' inkjesta magħrufa bħala in genere hu illi tippreserva l-evidenza dwar reat prospettat u tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Avukat Ġenerali x'passi kriminali għandhom jittieħdu. Inkjesta mhix it-tmiem tal- proċess ġudizzjarju imma l-bidu tiegħu. Fl-inkjesta jridu jinġabru l-provi illi mbagħad jintużaw fil-kumpilazzjoni tal-provi. Dejjem jekk jirriżulta illi hemm il-possibilità illi twettaq reat u hemm persuna jew aktar li lilu ġew imputati dawn ir-reati. Jista' jkollok inkjesta illi ma tikkonkludix illi twettaq reat jew anke jekk twettaq, ma jkunx magħruf minn seta' wettqu. F'dan il-każ partikolari, l-maġistrat inkwirenti ċertament ma stabilixxiex illi Egrant hija tas-sinjura Muscat. Madankollu, l-anqas stabilixxa ta' min effettivament kienet: jekk verament baqgħetx tal-awditur Brian Tonna jew le. Jista' jkun li tali kompitu verament ma kienx jaqa' fil-mansjonijiet tiegħu. Imma nimmaġina illi jekk wara ġbir daqshekk komprensiv ta' xhieda kien jirriżulta ta' min verament kienet Egrant, kieku l-Maġistrat Bugeja kien isemmiha fil-konklużjonijiet tiegħu bħala l-prova aħħarija illi din il-kumpanija verament ma kinetx ta' Michelle Muscat. Madankollu, dan ma sarx u l-inkjesta baqgħet ma tat il- prova definittiva. Wieħed għandu riservi oħra dwar ċertu aspetti tal- inkjesta. Wieħed kien jistenna illi ġaladarba ħareġ kuntrast daqshekk qawwi bejn ix-xhieda ta' Maria Efimova u Daphne Caruana Galizia, il-maġistrat inkwirenti kien jirranġa sabiex isir konfront bejniethom. Ħasra li tali konfront ma sarx - u issa ovvjament ma jistax isir - għax kieku l-affarijiet forsi kienu jiċċaraw aktar. Punt ieħor ta' tħassib hu illi l-maġistrat inkwirenti qagħad fuq l-assigurazzjoni li tawh "esperti dwar is-software Bankarju Oracle Flexcube Universal Banking System li ħadmu fuq is-software bankarju tal-Bank Pilatus u kkonfermaw l-integrità tal-programm Oracle Flexcube użat mill-Bank Pilatus fl-operazzjonijiet tiegħu sa mill- ewwel jum tal-operazzjonijiet tiegħu" (p.1408). Min huma dawn l-esperti u xi indaġini wettqu mhuwiex magħruf imma wieħed isibha diffiċli illi jeskludu b'mod assolut u kategoriku kwalunkwe forma ta' manipulazzjoni tad-data fis-sistema informatika tal-bank inkwistjoni. Element ieħor ta' inċertezza hu l-fatt illi l-espert li qabbad il-maġistrat inkwirenti sabiex jeżamina l-firma ta' Jacqueline Alexander ġiet deskritta bħala "Forensic Digital Analyst Elisabeth Briggs ta' Key Forensic Services ta' Coventry fl- Ingilterra, Renju Unit li analizzat il-kopji tad-declarations of trust esibiti fl-atti ta' din l-inkjesta... u li wara li qablithom mal- firem oriġinali u awtentiċi ta' Jaqueline Alexander sabet li dawn ma kinux jaqblu mal- firem ta' Jaqueline Alexander. (pp. 1408-9). Wieħed ma jifhimx għala tqabbdet 'forensic digital analyst' sabiex tagħmel dan l-eżami kruċjali u mhux espert tal-kalligrafija. Skont id-definizzjoni li sibt "Digital forensic analysts examine computers and other digital devices, such as mobile phones and cameras, for evidence of crime. They provide support to civil and criminal investigations and intelligence agencies." Din hi dixxiplina totalment differenti minn eżami tal- kalligrafija. Ta' min jinnota wkoll illi Key Forensic Services falliet f 'Jannar li għadda u ġiet salvata billi l-pulizija Ingliża ppumpjawlha miljuni illi ma xtaqux illi x-xogħol illi kellhom fuq elfejn każ jisfalhom suf. Element ieħor ta' tħassib hu illi fil-waqt illi l-maġistrat inkwirenti żamm ruħu ffukat fuq l-inkjesta, ma jidhirx illi eżamina trejjaq alternattivi kif kwalunkwe maġistrat inkwirenti għandu jagħmel sabiex jipprova jasal għall-ipotesi ta' reat. Ġie rrappurtat illi Jaqueline Alexander kienet direttriċi fi 17,500 kumpanija. Kif jista' jkun illi din kienet tiffirma d-dikjarazzjonijiet kollha ta' dawn il-kumpaniji? Hu minnu illi kif qal il-maġistrat inkwirenti "mitt suspett ma jagħmlux prova", imma b'daqshekk f 'dan l-istadju, wieħed m'għandhux jiskonta s-suspetti kollha għaliex xogħol il-maġistrat inkwirenti mhuwiex illi jistabilixxi jekk persuna hijiex ħatja jew le imma jekk jeżistux elementi sabiex jinbdew proċeduri kriminali jew le. Għaldaqstant fl-opinjoni umli tiegħi kien meħtieġ illi l-maġistrat inkwirenti jistabilixxi jekk din Jaqueline Alexander kinetx iffirmat l-inkartament kollu relatat ma' Egrant jew le bħala l-unika direttriċi tagħha. Għax jekk jirriżulta illi kien hemm inkartament ieħor ta' din il-kumpanija illi suppost kien iffirmat minn din Jaqueline Alexander imma ma kienx verament minnha ffirmat, allura l-affarijiet jieħdu xejra ferm differenti u wieħed jista' jasal għal konklużjonijiet differenti. Quddiem dan kollu, wieħed qajla jista' jgħid illi d-dubji kollha li ilhom jeżistu dwar Egrant tneħħew għalkollox. Wieħed bilfors irid ifakkar illi kif jirriżulta minn email li ħarġet fil-Panama Papers, fil- waqt illi Karl Cini ta' NexiaBT ma kellux problema illi jindika f 'din l-email illi l-proprjetarji taż-żewġ kumpaniji illi twaqqfu flimkien ma' Egrant kienu Konrad Mizzi u Keith Schembri, ried jiżvela l-proprjetarju ta' Egrant biss permezz ta' Skype għax kien persuna importanti ħafna. Ma tantx treġġi l-ispjegazzjoni illi l-maġistrat inkwirenti aċċetta illi l-Ultimate Beneficial Owner ta' Egrant kien Brian Tonna ta' NexiaBT għax kieku żgur illi Karl Cini ma kien ikollu l-ebda diffikultà jinkludi ismu fl-istess email. Quddiem dawn ir-riservi kollha, dak li ġara wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru f 'Kastilja l-Ħadd filgħodu kien tassew straordinarju. F'temp ta' ftit aktar minn siegħa wara illi Muscat talab ir-riżenja ta' Simon Busuttil, il-kap tal- Partit Nazzjonalista, Adrian Delia bagħat għall-predeċessur tiegħu, neħħielu l-inkarigu tiegħu bħala kelliem għall-bon governanza u talbu jissospendi ruħu mill-grupp parlamentari Nazzjonalista. Żgur li Delia ma kellux ħin biżżejjed biex jaqra l-konklużjonijiet tal-maġistrat għax jien domt fuq tliet sigħat naqrahom u wieħed qajla jista' jifforma stampa sħiħa qabel ma jara l-atti tal-inkjesta kollha u jara x'ser joħoġ mill-proċeduri kriminali illi jidher illi ser jiġu istitwiti. Ħafna huma tal-fehma illi l-azzjoni ta' Delia kienet mgħaġġla wisq. L-ottika tagħha ċertament ma kienet xejn sabiħa : wieħed ma jissagrifikax kif ġieb u laħaq l-ebda esponenti ta' partit, aħseb u ara eks kap fuq platt għax hekk talab il-kap tal-partit oppost. Kieku ried Delia seta' jneħħilu l-whip lil Busuttil imma minflok prova jsostni l-pożizzjoni tiegħu bl-appoġġ tal-Kunsill Amministrattiv illi ġie rinfaċċjat b'fatt kompjut. Wara reżistenza għal din il-mossa fi ħdan il-Grupp Parlamentari u mhux biss, kollox baqa' kif kien għalkemm ċertament illi l-atmosfera fi ħdan il-Partit Nazzjonalista mhijiex mill-aktar amikevoli. Delia kellu opportunità unika li jgħaqqad il-partit warajh fil- konfront tal-avversarju politiku tiegħu imma minflok għażel triq oħra li tista' tkun fatali għalih u għall-aspirazzjonijiet tiegħu. Ħareġ minn din l-istorja mdgħajjef u b'awtorità mnaqqsa, kap ta' partit maqsum u qajla kompetittiv. Il-Partit Laburista, mill-banda l-oħra, u l-mexxej tiegħu, Joseph Muscat, huma fis-seba' sema u qajla jista' jkollhom ċirkostanzi politiċi aħjar. Madankollu, jagħmlu sew iżommu saqajhom mal-art għax min jitla' fl-għoli jieħu tisbita kbira. Fuq kollox il-Partit Laburista jrid jirreżisti t-tentazzjonijiet awtoritarji li jidhru għadhom ma nqerdux għalkollox minn żmien l-era Mintoffjana. Jekk jirxuxtaw dawn it-tendenzi ripressivi, ikunu qed jagħtu rigal politiku lin-Nazzjonalisti illi bħalissa huma stenduti fuq ir-ring imma ma jridux wisq biex jerġgħu jiġu fuq saqajhom u jfajru xi daqqa jew tnejn, speċjalment jekk tinbidel il-qagħda ekonomika... ellisjoseph@gmail.com 18 Opinjoni Sajf imqanqal JOE ELLIS Il-Partit Laburista, mill-banda l-oħra, u l-mexxej tiegħu, Joseph Muscat, huma fis-seba' sema u qajla jista' jkollhom ċirkostanzi politiċi aħjar. Madankollu, jagħmlu sew iżommu saqajhom mal- art għax min jitla' fl-għoli jieħu tisbita kbira. Fuq kollox il-Partit Laburista jrid jirreżisti t-tentazzjonijiet awtoritarji li jidhru għadhom ma nqerdux għalkollox minn żmien l-era Mintoffjana

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 19 August 2018