Illum previous editions

Illum September 9 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1024343

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

I llum qed isir elezzjoni l-Isvezja u hu previst illi kemm is-Soċjal- Demokratiċi li huma fil-gvern kif ukoll l-oppożizzjoni taċ-Ċentru Lemin ser inaqqsu mill- voti tagħhom u ser isibuha diffiċli biex jiffurmaw gvern. Ir-rebbieħa ta' din l-elezzjoni huma mistennija li jkunu partit tal-lemin estrem b'għeruq neo-nażisti, id-Demokratiċi Żvediżi li huma mistennija jżidu l-vot tagħhom minn 13% għal 20%. Li partit tal-lemin estrem jagħmel daqshekk suċċess f 'pajjiż li għal snin twal kien iddominat mis- Soċjal-Demokratiċi, li hu tant sinjur u li waqqaf stat assistenzjali tassew effiċjenti mill- benniena sal-qabar tassew fiha x'tixtarr. Aktar u aktar meta dan il-partit tad- Demokratiċi Żvediżi hu pro-Russu f 'pajjiż li għandu biża' enormi tal-ġar kbir tiegħu. Din l-elezzjoni ser tkun prekursur ta' test elettorali ferm aktar insidjuż is-sena d-dieħla, dik tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. F'din l-elezzjoni hu mistenni wkoll illi l-gruppi tradizzjonali tal-Populari u Soċjal-Demokratiċi ser inaqqsu s-siġġijiet tagħhom u ma jibqgħux igawdu l-maġġoranza illi s'issa kellhom u li tippermettilhom illi jiddominaw dan il- Parlament. Hemm min qed jistenna illi l-partiti tal-lemin estrem iżidu xi sebgħin siġġu minkejja illi ser jitilfu minn ħdanhom l-UKIP. Dawn il-partiti, jew tal-anqas xi wħud minnhom, qed jiġu kkoordinati mill- eks stratega ta' Trump. Steve Bannon. Bannon ser iwaqqaf fundazzjoni illi sejħilha "The Movement" sabiex tikkordina l-ħidma tal-partiti tal-lemin estrem u populisti u tagħtihom pariri u appoġġ elettorali. Mhux magħruf min ser jiffinanzja lil Bannon u l-fundazzjoni tiegħu u hu tassew stramb kif Bannon dawwar l-attenzjoni tiegħu għall-Ewropa mill-Amerika. Jidher illi jrid iwaqqaf Internazzjonali tal-Lemin Estrem magħmula minn partiti pro-Russi bħalma hija l-Lega ta' Salvini li din il-ġimgħa ddikjara illi l-partit tiegħu ser jaderixxi f 'dan il-proġett. Tajjeb illi nsaqsu għala l-partiti tradizzjonali kemm dawk soċjal demokratiċi kif ukoll taċ-ċentru-lemin qed ibattu fl-appoġġ tista' tgħid kullimkien fl-Ewropa mentri l-partiti tal-lemin estrem qed dejjem iżiduh. Dan anke f 'pajjiżi bħall-Ġermanja u l-Iżvezja li huma sinjuri, fejn in-nies għandhom opportunitajiet ta' xogħol, il-qagħad huwa baxxa u l-livell tal-għixien hu tassew għoli. Id-Demokratiċi Żvediżi jridu ukoll illi l-Iżvezja toħroġ mill l-Unjoni Ewropea bħalma huma bosta mill-partiti tal-lemin estrem u populisti fl-Ewropa. L-ironija hi illi partiti bħall-UKIP u l-Front Nationale ta' Marine LePen ingħataw viżibilità u ħadu finanzjament bis-siġġijiet li rebħu fil-Parlament Ewropew illi servewhom tajjeb sabiex jippromovu l-aġenda nazzjonali tagħhom. M'hemmx dubju illi dawn il-partiti tal-lemin estrem qed ikabru l-popolarità tagħhom billi jisfruttaw l-biża' illi qed tinħoloq bil-mewġ ta' immigrazzjoni lejn l-Ewropa, speċjalment wara l-esodu tal-2015 fis-Sirja. In-narrattiva xenofoba ta' dawn il-partiti hija tassew impressjonanti bi stejjer kontinwi fuq il- media soċjali li ħafna drabi jirriżulta li huma foloz jew esaġerati. Fil-gwerra kulturali qalila li għaddejja bħalissa, il-media soċjali qed jipprovdu pjattaforma kbira għall-fanatiċi tal- lemin li għandhom ħeġġa kbira sabiex ixerrdu l-messaġġ qarrieqi tagħhom. Biżżejjed wieħed jara kif il-kundanna għall-ħabs tal-fanatiku tal-lemin, Tommy Robinson, li Steve Bannon faħħru bħala "Ingliż ta' vera", ġiet rakkontata fuq il-media soċjali bħala persekuzzjoni ta' ġellied għal-libertà tal-espressjoni. Dan minkejja illi Robinson f 'ċirkostanzi normali messu hu skwalifikat mill-ħajja pubblika peress li nstab ħati ta' frodi u f 'żewġ okkażżjonijiet kiser ordnijiet tal-qorti. Karatteristika tal- propagandisti tal-lemin estrem, anke dawk fostna li jippopulaw il-media soċjali, hi illi għalihom il-fatti ma jiswew xejn. Tgħidilhom x'tgħidilhom fuq Tommy Robinson ma jaħalli l-ebda effett fuqhom: l-importanti għalihom hu li espona pubblikament misilmin li kienu għaddejjin ġuri akkużati b'pedofilija. Ma jimpurtahomx illi bl-azzjoni tiegħu setgħa xolja l-ġuri li kien ilu għaddej bosta ġimgħat. U li kiser l-ordni tal-qorti b'dak li għamel. Imma ma rridux nattribwixxu s-suċċess tal-lemin estrem biss għall-manipulazzjoni bil-għaqal tal-media soċjali u l-propagazzjoni ta' sentimenti xenofobi. Ċertament tilgħab parti mportanti imma mhix ir-raġuni waħdenija. Essenzjalment, is-suċċess ta' kwalunkwe sistema politika tistrieħ fuq is- suċċess ekonomiku tagħha: jekk hix qiegħda tpoġġi fuq il-mejda taċ-ċittadin il-ħobż u z-zalzett. Wieħed faċli jirribatti dan l-argument billi jgħid imma allura kif anke f 'pajjiżi b'qagħda ekonomika mill-aqwa bħall-Ġermanja u l-Iżvezja, il-populisti ukoll qed javvanzaw. Naħseb illi xi ħaġa illi qed titfa' ħafna fuq il- ħatab tal-populisti hu l-inugwaljanza ekonomika illi tidher illi dejjem qed tiżdied fid-dinja. Sakemm in-nies setgħu jaspiraw illi bil-ħidma tagħhom ser itejbu ħajjiethom u dik ta' wliedhom, ser ikunu sodisfatti bis-sistema politika li jgħixu fiha. Jekk imma jibdew jirrealizzaw illi sejrin lura flok ġejjin 'il quddiem, l-affarijiet jinbidlu. U faċilment jibilgħu l-propaganda qarrieqa ta' dawk illi kif iddeskrivihom ferm tajjeb il-Kummissarju Irlandiż Phil Hogan din il-ġimgħa ma joffru l-ebda soluzzjoni għall-problemi tal-ġurnata imma jikkonvinċu lill-mases illi jekk tkisser l-istatus quo, il-qagħda tagħhom ser titjieb. Bażikament, kif kien il-vot dwar il-Brexit li aktar milli kien vot kontra Brussell kien vot kontra Westminster. Din il-ġimgħa ser niċċelebraw l-għaxar anniversarju mill-falliment ta' Lehman Brothers, avveniment epokali illi temm ħabta u sabta snin twal ta' prosperità ekonomika fid-dinja tal- punent. Il-kriżi finanzjarja li segwiet dan il-falliment ta lok għall-kriżi ekonomika tassew severa illi qatt ma konna rajna bħalha mis- snin tletin. Bil-mod il-mod, bl-intervent tal-gvernijiet u tal-banek ċentrali, l-ekonomiji tad-dinja bdew jistejqru. Imma għalkemm l-emerġenza għaddiet, xorta bosta huma dawk li mhumiex komdi. Jidher pereżempju illi ħaddiema fir-Renju Unit u l-Italja qed jaqilgħu f 'termini reali anqas milli kienu jaqilgħu għaxar snin ilu; dawk Amerikani qed jaqilgħu xi 5% aktar mentri l-Franċiżi u l-Ġermaniżi qed jaqilgħu aktar minn 10% aktar f 'termini reali milli kienu jaqilgħu għaxar snin ilu. Hu nkwetanti meta tisma' illi bosta minn dawk li qed jużaw il-food banks l-Ingilterra għandhom impjieg. Meta wieħed mhux kapaċi jgħix bil-frott tal-ħidma tiegħu, juri illi hemm xi ħaġa tassew ħażina fis-sistema ekonomika. L-inugwaljanza ekonomika toħroġ ċar f 'bosta modi: kull sena f 'Jannar,meta f 'Davos isir il-Forum Ekonomiku Dinji, l-Oxfam tgħidilna kemm għandhom flus l-aktar nies sinjuri tad-dinja. Fl-2016, it-62 l-aktar nies sinjuri tad-dinja kellhom flus daqs in-nofs l-aktar fqir tal-populazzjoni tad-dinja. Din is-sena dan in-numru nieżel għal 42: tliet tużżani u nofs ta' individwi għandhom flus daqs tliet biljun u nofs ta' bnedmin! Din il-ġimgħa kummissjoni li tinkludi l-kap tal-Anglikani, Justin Welby, is-segretarja ġenerali tat-TUC, Frances O'Grady imma anke bosta esponenti mill-qasam finanzjarju u kummerċjali ħarġu b'rapport li ġie kkummissjonat mill-Institute for Public Policy Research. Dan ir-rapport isejjaħ għal tibdil radikali fil-mod kif titmexxa l-ekonomija tar-Renju Unit. Skont dan l-Istitut, ir-Renju Unit hu l-ħames pajjiż Ewropej bl-aktar inugwaljanza. Aktar minn wieħed minn ħamsa mill-populazzjoni għandha dħul anqas mil- linja tal-faqar meta wieħed jikkunsidra l-ispejjeż tal- akkomodazzjoni. U dana minkejja illi l-qagħad hu baxx ħafna. Kważi wieħed minn kull tlett itfal jgħixu fil-faqar u l-użu tal-food banks qed dejjem jiżdied. L-għoxrin fil-mija tal- populazzjoni l-aktar sinjura għandha dħul sitt darbiet aktar mill-20% l-anqas sinjuri. Imbagħad 10% tal- populazzjoni għandha 44% tal-ġid kollu, ħames darbiet aktar milli għandha nofs il- popolazzjoni l-aktar fqira. Fost il-proposti ta' din l-Kummissjoni hemm riformi fiskali: it-tendenza matul l-aħħar snin frott in- neoliberaliżmu illi titnaqqas it-taxxa fuq min jaqla' l-aktar qed dejjem iżżid l-inugwaljanza u tkompli żżid l-insodisfazzjon fost il- kategoriji l-aktar baxxi tas- soċjetà. Verament wieħed ma jridx ineħħi l-inċentiv lil min jaħdem l-aktar imma ma jistax ikollna soċjetà fejn il-piż fiskali jaqa' l-aktar fuq min jifilħu l-anqas. Jekk din it-tendenza mhix ser tiġi korretta, is-soċjetajiet ser ikomplu jiġu distabilizzati b'ilħna populisti illi minkejja illi ma jipprovdux is-soluzzjonijiet jisfruttaw l-iskuntentizza tal-poplu. Għaldaqstant, jagħmel ħafna sens illi s-sistema fiskali tinbidel sabiex issir aktar enfasi fuq il-ġid li wieħed għandu milli fuq id-dħul tiegħu. B'hekk, ħadd ma jkollu disinċentiv biex ma jaħdimx imma jekk għandu l-ġid, irid jagħtu sehmu għall-ħtiġijiet ta' min hu anqas ixxurtjat minnu. L-inugwaljanza hi l-akbar għadu tad-demokrazija u wasal iż-żmien illi naffaċjawha qabel ma l-affarijiet imorru għall- agħar. illum | Il-Ħadd 09 ta' Settembru 2018 18 Opinjoni L-inugwaljanza ekonomika tidher illi dejjem qed tiżdied fid-dinja. Sakemm in-nies setgħu jaspiraw illi bil-ħidma tagħhom ser itejbu ħajjiethom u dik ta' wliedhom, ser ikunu sodisfatti bis-sistema politika li jgħixu fiha. JOE ELLIS L-inugwaljanza: l-akbar għadu tad-demokrazija

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum September 9 2018