Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1024343
K ultant l-affarijiet ma jiġrux kif inkunu ppjanajnihom. Kultant il-ħajja stramba wisq. Dakinhar kienet ġurnata sħuna f 'nofs Lulju. Sħana żejda. Tidlik kullimkien. Riħ isfel. Għaraq u ħsejjes ta' żnażan. Kont għadni ġej mill-bank. Lanqas ridt nemmen xortija. Biex inkun għidt kollox, jiena kont wieħed minn dawk il-persuni li qatt ma kont irbaħt xejn f 'ħajti. U lanqas kont nixtri biljetti ta' lotteriji għax kont naf li kien kollu ta' xejn. Imma oħti, oħti mod ieħor. Dik erħilha tmur kull tombla li kienet tiġi organizzata f 'kull raħal, kienet tħobb tmur tilgħab flusha fil-każinò u ġejja u sejra mingħand tal-lottu. Għalkemm kienet tonfoq nofs ġidha f 'biljetti ta' dawn ix-xorta, oħti kienet twieldet taħt sħaba sewda oħra, bħal dik tiegħi. U qatt ma kienet rebħet xejn. Iżda ħadd ma kien ifehemha! U mnalla! Kien jum għeluq snini u hi kienet xtratli biljett tal-lottu. "Dan ir-rigal tiegħi għalik," kienet qaltli. U biex inkun sinċier, kont kważi ħadtha biċ-ċajt. Imma baqgħet serja. "Nawguralek li tirbaħ," kienet kompliet. U jien kont ħarist lejn in- numri, kemxejn xettiku u tfajtu fuq plattina bl-addoċċ li kien hemm f 'nofs il-mejda tas-salott. U għal ftit kont insejtu. Imma ġara li dakinhar, dakinhar li kont għand sieħbi qegħdin nieħdu birra flimkien, bit-televixin mixgħul fil-ġenb tal-kamra, ħadd minna ma jagħti kasu, rajt il-famuża lotterija li kienet iffisat fuqha oħti. In-numri li bdew telgħin kienu pjuttost familjari. Imma lanqas kont ċert jekk kinux huma, hekk kif bdejt nara l-blalen telgħin u jħabbru li kien hemm rebbieħ. Tant kemm ma tajtx kas, komplejt nixrob ftit ieħor għand sieħbi u mort id- dar bil-mod. Kien diġà dalam sew. U malli wasalt id-dar, qabditni kurżità u ċċekkjajt in-numri. Tbellaht. Bqajt iċċassat. Qalbi bdiet tħabbat qisha mutur tal-ħart li kellu bżonn iż-żejt! Il-biljett tiegħi kien ir-rebbieħ! Kont irbaħt somma mhux ħażin! Ifhem, ma kontx sirt miljunarju. Imma kont irbaħt ftit eluf! Mhux aħjar mix-xejn jew? Ċempilt malajr lil oħti u rringrazzjajtha mill-qalb. Issa x'kont ser nagħmel bihom? Nixtri dar aħjar minn din li kienu ħallewli l-ġenituri? Nixtri karozza ġdida? Gwardarobba ħwejjeġ? Indur id-dinja? Ifhem, jiena qatt ma kien naqasni xejn. Kont tifel waħdi, u ta' tletin sena kelli diġà dar tiegħi, karozza mhux ħażin, ħwejjeġ kemm irrid u xogħol tajjeb. Jew... Jew forsi stajt nagħmel xi karità bihom? Jew inqassamhom. U dakinhar kont għadni b'din id-dilemma f 'moħħi, hekk kif kont ġej mill-bank u kienu tawni rendikont li fuq ismi kelli somma sabiħa ta' għaxart elef ewro, tondi, tondi. U dakinhar rajtu l-ewwel darba. Kien qiegħed fit-triq ma' mara fuq il-bankina. U qalbi ngħafset. Ki enet ix-xemx tiżreġ u sħana kbira. Kont għaddej insaffar u nkanta waħdi, seren għall- aħħar. U waqaft nimxi. Waqaft biex narah sew. Kemm kellu... sitt snin? Mhux iktar żgur. Imma kien irqiq. Kien maħmuġ. Kienu jidhru għajjenin. U minn ħwejjiġhom imtertqa kienu jidhru fqar ħafna. U kienu għaddejjin jimxu bil-mod. Għalkemm kien jidher debboli ħafna u għajnejh fil- ħofra, tbissimli bil-qalb u qalbi nġibdet lejh. Kellu xi stikka ma' subgħajh u kien qed imissha b'idu l-oħra. Min jaf minn xiex kienu għaddew? U dak il-ħin, ersaqt lejhom u mort inkellimhom. "X'jismek?" staqsejtu. Għajnejh kienu kbar u kulur il-baħar sajfi Mediterran. "Jess," qalli. U sirt naf li ma kellhomx flus għax missierhom kien telaqhom u fi ftit kliem, l-omm stednitni mmur fil-kerrejja tagħhom ħalli tagħmilli belgħa te. U jiena mort. Mort għax kont ħadt grazzja miegħu. Kien jidher tifel li bata ħafna għal sninu, innoċenti u li għadda minn ħafna. Ma kontx naf għala u kif, imma f 'dak il-mument preċiż, kont naf x'kelli naqbad nagħmel. U hekk għamilt. Kont għidtilhom li kelli mmur nagħmel qadja, u tlaqt b'ġirja lejn il-bank, ġbidtilhom għaxart elef ewro, u mort niġri nagħtihomlom. U huma ma riduhomx. Jess beda jibki. U ommu wkoll. U dak li ħassejt f 'qalbi, dak li ħassejt ma ninsieh qatt. U wara ħafna snin, bqajt niftakar. Niftakar f 'dawk l-għajnejn kbar Mediterranji, mimlija emozzjonijiet. Mimlija ħajja. U ħassejt li kont għamilt xi ħaġa vera sabiħa. Is-snin igerrbu, ma jistennew lil ħadd. Il-ħajja hija biss ħolma. Dik kienet ġrajja minn ħajti. Fil-passat. U llum, illum li ninsab hawn, illum li naf li wasalt f 'xifer il-ħajja, illum niftakar fiha, f 'dik il-ġrajja, hekk kif kont qiegħed inħares 'il barra mit-tieqa tal-kamra tal- isptar fejn ninsab. Ħarist lura lejha nnifsi. Illum kien inbidel kollox. Idejja kienu tkemmxu xi ftit biż-żmien, kont għalaqt sittin sena u kelli kundizzjoni rari li qabel ma kien qalli biha t-tabib, lanqas biss kont naf li teżisti. Imma kont bqajt inħossni tajjeb li almenu minn dik is- somma flus li darba f 'ħajti kont qlajt, kont għint lil xi ħadd. Dak li nieħdu magħna. It- tajjeb li nkunu għamilna. Dakinhar stess filgħodu tgħidx kemm kont bkejt. Kont bkejt għax kienu tawni l-aħbar. Aħbar kerha. "Sur Cassar," kien qalli l-professur. "Int għandek bżonn operazzjoni delikata ħafna. Inkella, nibża' li ma fadallekx aktar minn ġimagħtejn ħajja." "X'għandi bżonn?" kont staqsejtu, b'nifsi maqtugħ. "Għandek bżonn trapjant li jiswa ħafna flus." "U xi kemm flus bejn wieħed u ieħor?" kont staqsejtu dik l-għodwa stess. Il-flus li kelli meta kont iżgħar kont infaqthom, imma dejjem kelli biżżejjed biex ngħaddi. Forsi kelli għal din ukoll. "Tletin elf ewro biex tagħmel l-operazzjoni. U għoxrin elf oħra għall-kura," kien qalli b'wiċċ serju, serju żżejjed. Mela kont naf, kont naf li ma kellix ċans nagħmilha. U kont ser immut. Kont ser immut għax ma kellix dawk l-ammonti esaġerati li kien semmieli t-tabib. Tqallibt fis-sodda u bdejt nibki. Ma stajtx nemmen dak li kien hemm lest għalija. Smajt il-bieb tal-kamra jinfetaħ u jingħalaq u l-passi tat-tabib jitbiegħdu fil-kuritur. Ma kienx hemm tama għalija! Ħassejt qalbi tinqasam! U rqadt. U domt rieqed. Domt rieqed iżjed milli suppost. Iżjed milli kont naf. U xħin stenbaħt, ħassejtni kemxejn stordut. Kien hemm infermiera ħelwa qiegħda tħares lejha, liebsa ġagaga bajda. "Sur Cassar, kif inti?" qaltli. "Jaqaw diġà qiegħed il- ġenna?" staqsejtha. Imma bilkemm stajt niċċaqlaq. Kont muġugħ ħafna. "Dottor Pillard, jidher li ġie f 'tiegħu," bdiet tgħid, hekk kif ħarset lejn persuna oħra li kien hemm fil-kamra. "X'ġara?" staqsejthom. "Qed immut?" "U xi tmut!" qaltli l-infermiera. U dak il-ħin, bdejt nara ftit aħjar. Ħarist lejn l-infermiera u lejn it-tabib li kien hemm ħdejha. "Imma jekk ma nagħmilx l-operazzjoni, immut," għidtilhom. "Imma inti diġà għamiltha l-operazzjoni!" stagħġbet l-infermiera. "Kif jista' jkun?" staqsejthom, u oħroġ il-għaġeb bdejt immiss sidri u ndunajt li kont imdawwar b'garża kbira, issikkata miegħi. "Iva, l-operazzjoni diġà saret, Sur Cassar," qalli l-professur. Illum rajtu l-ewwel darba. U ħarist lejh. "Imma kelli bżonn xi ħamsin elf..." bdejt ingedwed waħdi. Il-professur niżel bilqiegħda ħdejja u ħares f 'għajnejja. Qalbi għamlet tikk. Dawk... Dawk l-għajnejn. Kienu familjari... "L-operazzjoni tiegħek, għamilthielek jien b'xejn," qalli l-professur. Kien jidher serju. Ma kienx qed jideb. "U għalfejn?" ħtaftu, bid- dmugħ iġelben minn ma' għajnejja, jaħraqli l-ġilda ta' wiċċi bl-emozzjonijiet. "Għax jiena mort l-iskola u lħaqt professur bis-saħħa ta' raġel li kien għadu kemm rebaħ il-lotterija u qasamha miegħi u m'ommi," qalli. U rajt dawk l-għajnejn kbar kulur il-Mediterran iħarsu lejja. "U dak ir-raġel huwa inti, Sur Cassar. Edwin." U malli qal ismi, għaraftu. Tgħannaqna u bkejna flimkien. "Grazzi Jess," għidtlu u għafastlu jdejh. illum | Il-Ħadd 09 ta' Settembru 2018 20 Opinjoni Sharon Calleja Jess