Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1039274
Sports 27 Il-Ħadd 14 ta' Ottubru 2018 | illum Claire Agius Ordway u l-imħabba lejn l-isport minn Cristian Antony Muscat CLAIRE Agius Ordway hija personalita' li m'għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni. Narawha ta' spiss fuq is-settijiet tal-televiżjoni tippreżenta jew inkella tkun mistiedna f 'xi programm. Persuna li għandha determinazzjoni liema bħalha, li ma taqtha qalbha qatt u li lesta tilħaq objettivi ġodda. Claire illum għandha 43 sena u miżżewġa lil Robert filwaqt li hija omm ta' tlett itfal Matthew, Lyla u Jack. Għandha għal qalbha t-trobbija tat-tfal iżda fuq kollox l-isport u l-ħajja attiva. Fil-verita' hi tammetti li sakemm kellha l-iżgħar tifel tagħha għaxar snin ilu, ma kinitx tqis ruħha bħala persuna sportivaa anzi l-kontra. Iżda bdiet tiskopri kemm huwa mportanti l-isport fil-ħajja tal-bniedem u kemm dixxiplina sportiva tgħinek mhux biss fiżikament iżda anke mentalment u soċjalment. Claire ma tantx tħobb l-għażż u wisq anqas nies li jġibu kull skuża possibbli biex ma jagħmlux sport. Fl-istess ħin hi tobgħod titlef għalkemm minn telfa kapaċi titgħallem x'seta' mar ħażin waqt avveniment sportiv partikolari. Illum il-ġurnata Claire Agius Ordway qed tiskopri metodi ġodda sabiex iżżomm ruħha b'saħħitha u tipprattika l-isport. Riċentement hija fetħet il-blog personali www. claireagiusordway.com sabiex taqsam mas-segwaċi tagħha l-avventuri sportivi u anke xi modi ġodda kif tista' żżomm il-figura tiegħek pulita. Kif stqarret hi stess, f 'dan il-blog hi tixtieq tqajjem kuxjenza dwar il-ħajja attiva kif ukoll tara li ħaddieħor jibda dan il-proċess tant importanti. F'dan il-blog wieħed jista' jsib bosta sezzjonijiet fejn fost l-oħrajn hemm informazzjoni dwar din il-personalita', ix-xogħol li tagħmel iżda fuq kollox diversi eżerċizzji fiżiċi li jgħinu ħafna lil ġisimna. F'wieħed mill-blogs li tellgħet riċentement hi qasmet l-esperjenza tagħha meta ġiet biex tibda tipprattika l-fitness. Hi tgħid li l-ewwel ostaklu prinċipali hu li tilbes il-ħwejjeġ sportivi, titlaq mixja jew inkella tinkiteb ma' xi gym jew klassi. Iżda hi tistqarr li wara l-ewwel ġranet tibda tħoss id- differenza u tkun kburi bik innifsek. Żball li forsi nagħmlu hu li għall- bidu nkunu ħerqana biex inkomplu u nkunu rridu nżidu d-doża tal- eżerċizzji f 'daqqa. U hemm fejn jibda l-inkwiet għax xi drabi jkollna objettivi li diffiċli nżommuhom. Il-parir li tagħti Claire hu li m'għandnix inpoġġu ħafna pressjoni fina nfusna u nżidu l-intensita' ta' xi ħaġa iktar u iktar jekk ma jkollniex gwida li jgħinna. Dan il-fattur jista' jaqtagħlna qalbna u malajr nispiċċaw nieqfu. Għalhekk għandek tieħu kollox pass pass u tipprova tilħaq għanijiet possibli. Fuq kollox trid tpoġġi l-eżerċizzju bħala parti mill-istil ta' ħajja tiegħek, isir parti mir-rutina u bil-mod il-mod tibda tara r-riżultati. Claire tgħid li meta int tiġi biex tipprattika l-fitness, wara ftit ġimgħat tibda tħossok kuntent b'dak li għamilt u awtomatikament iżżid il-kunfidenza fik innifsek. Għal bidu jista' jkun li jkollok xi uġigħ 'l hemm u 'l hawn iżda dan huwa normali għax int qed tagħmel xi ħaġa ġdida u ġismek għad irid jidra dan kollu. Claire tkompli ssostni li huwa mportanti li aħna nfittxu persuni li jimmotivawk u li għandhom l-istess ħsibijiet bħal tiegħek u mhux nies li jaqtgħulek qalbek u jħassrulek dak li int tant tixtieq tagħmel. B'hekk għandna naċċettaw ir-realta' li jkollna madwarna nies ġenwini li lesti jaqsmu u jagħtu sapport lil din il- ħajja sportiva tiegħek. F'dan il-vjaġġ li Agius Ordway qiegħda tagħmel hi qed tesperimenta b'diversi sports u dixxiplini partikolari - minn sessjonijiet tal-fitness għal mixjiet twal. Fl-istess ħin hi daħlet għal sfida ferm interessanti li qed tmexxiha mhux biss fuq dan il-blog iżda wkoll fuq il-profil tagħha fuq Facebook. Din l-isfida hi msejħa Challenge Your Limits fejn hi qed tmexxi din l-inizjattiva bil- messaġġ tagħha li huwa ċar daqs il-kristall. Qatt m'għandna ngħidu ma nistgħux nagħmluha iżda kif nistgħu nagħmluha u nirnexxu. Fl-aħħar blog li xeħtet, Claire ltaqgħet ma' Denise Cuschieri li tmexxi sessjonijiet imsejħa Insanity Love. F'din is-sessjoni kollox sar barra u fiha kien hemm diversi eżerċizzji ta' ċerta intensita' li mbagħad jiġu akkumpanjati ma' mumenti ta' pawża sabiex il-ġisem jerġa' jirkupra. Kien hemm ħafna enfażi fuq il-veloċita', is-saħħa, l-istabbilta', kemm tkun ħafif fil-movimenti tiegħek kif ukoll il-kordinazzjoni ta' ġismek. Żjara oħra saret fi Steel Extreme Fitness fil-Mosta fejn is-sid Matt flimkien mal-għalliem Scott imexxu eżerċizzji xi ftit intensi li madankollu jipproduċu riżultati mmedjati. Claire kellha wkoll żjarat f 'diversi faċilitajiet sportivi fejn iltaqgħet ukoll ma' Stevie Camilleri, plejer tal-waterpolo li jilgħab barra minn xtutna u li jifforma parti mit-tim nazzjoali Malti mmexxi minn Karl Izzo. Fil-blog tagħha hi qalet li tgħallmet ħafna affarijiet dwar din id-dixxiplina apparti li hemm element qawwi ta' determinazzjoni speċjalment għax din il-logħba fl- ilma mhux daqshekk faċli. Fl-aħħarnett f 'dan il-blog Claire tistieden lin-nies sabiex jipparteċipaw fid-diversi sessjonijiet li qed tagħmel ma' kowċis personali jew inkella klassijiet madwar Malta u Għawdex. L-għan tagħha dejjem jibqa' wieħed. Dak li tara aktar nies jitħajjru jaqbdu attivita' sportiva. ...tniedi blogg biex tinkoraġġixxi lil oħrajn