Illum previous editions

ILLUM 14 October 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1039274

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 31

9 Aħbarijiet Il-Ħadd 14 ta' Ottubru 2018 | illum warajha, l-inkjesti u l-'mafkar ' 'L-inkjesta kienet tkun konklussiva li kieku sirna nafu ta' min hi Egrant' Il-fatt li sena wara l-assassinju, il-mandant għadu mhux magħruf, taħseb li huwa frott nuqqas ta' rieda, nuqqas ta' effiċjenza fis-sistema jew inkella frott il- kumplessità tal-każ? Bla dubju ir-raġuni hi li m'hemmx interess li l-każ jissolva għax hemm animożità kbira fil-konfront ta' Daphne u dak li tirrappreżenta. L-investigazzjoni mill-ewwel ġiet imtebbgħa bl-involviment ta' Assistent Kummissarju li hu miżżewweġ Ministru filwaqt li politiċi prominenti bħal Chris Cardona, li dwarhom ħarġet evidenza, lanqas biss ġew interrogati. Terġa', ma' kull ċans, il-Gvern wera disprezz xokkanti lejn il-memorja tal-vittma, tal- familja tagħha u ta' kull min irid li naslu għall-verità u għall-ġustizzja. Reponsabbli għal dan kollu huwa l-Prim Ministru. X'taħseb li huwa l-akbar wirt li ħalliet warajha Daphne Caruana Galizia? Taħseb li l-impatt tagħha fuq il-ġurnaliżmu ta' pajjiżna kien tajjeb jew ħażin? L-aqwa wirt ta' Daphne huma t-tfal tagħha li bħalha għandhom is-saħħa u d-determinazzjoni li jiġġieldu għall-verità u għall- ġustizzja. Il-fatt li għaddejjin proċeduri kriminali u anke għaddejja inkjesta maġisterjali, taħseb li huwa biżżejjed? Hemm bżonn inkjesta pubblika u indipendenti mill-awtoritajiet Maltin kif qed titlob il-familja Caruana Galizia? Iva, bla dubju. Hemm bżonn inkjesta indipendenti għax il-Gvern stess huwa taħt suspett minn ħafna filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti mhux qed jiċċaqalqu għax huma pupazzi f 'idejh. Allura l-Gvern m'għandux kredibilità li jmexxiha hu. Taħseb li l-konklużjonijiet tal- inkjesta Egrant tappnu x-xogħol ta' Caruana Galizia u r-reputazzjoni tagħha bħala ġurnalista investigattiva? Assolutament le. Ġurnalist mhuwiex u m'għandux ikun mistenni jagħmel xogħol investigattiv ta' Pulizija. Dak li ħarġet Daphne fuq il-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi li fihom kellhom idaħħlu $150,000 fix-xahar ġie kkonfermat u kien aktar minn biżżejjed biex jagħti kredibilità kbira dak li qalet dwar Egrant, għax kien eżatt dak li kulħadd kien qed jissusspetta. Jekk u kemm kellhiex raġun għad irridu naraw għax s'issa il-Prim Mnistru ppubblika biss dak li jaqbillu. U anki f 'dak li ppubblika, ma jingħadx li mhix tiegħu iżda li ma nstabux provi li hi tiegħu. L-inkjesta kienet tkun tassew konklussiva li kieku sirna nafu ta' min hi Egrant. Fid-dawl tal-kwistjoni dwar il- fjuri u x-xemgħat li qed jitpoġġew u jitneħħew minn quddiem il-Qorti, taħseb li għandu jkun hemm mafkar fiss għal Daphne Caruana Galizia? Fejn taħseb li għandu jsir? B'mod spontanju n-nies ħassew li għandhom jesprimu s-sogħba u l-għadab tagħhom quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir għax jinsab quddiem il-qrati fejn suppost issir il-ġustizzja u għaliex il-monument ifakkarna li anki llum qed ngħixu assedju. Assedju kontra l-aktar valuri importanti għalina, bħall-verità, il-ġustizzja, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali. Huwa ta' għajb għall-Gvern li kontinwament jipprova jgħaffeġ din il-espressjoni. "Il-qrusa fit-togħma ġurnalistika tagħha għadha tinħass u se tibqa'' Il-fatt li sena wara l-assassinju, il-mandant għadu mhux magħruf, taħseb li huwa frott nuqqas ta' rieda, nuqqas ta' effiċjenza fis-sistema jew inkella frott il-kumplessità tal-każ? Il-mandant għadu mhux magħruf frott il-kumplessità tal-każ. J'Alla jsir magħruf għax b'hekk jingħalaq il-kapitlu u tkun saret ġustizzja ma' kulħadd. Imma diffiċli ferm, jekk mhux impossibbli, li nsiru nafu min hu għax jiddependi kważi assolutament minn dawk li allegatament wettqu l-qtil. F'każi bħal dawn l-akkużati jagħżlu s-silenzju u l-omertà u allura t-truf ma jinħallux malajr! X'taħseb li huwa l-akbar wirt li ħalliet warajha Daphne Caruana Galizia? Taħseb li l-impatt tagħha fuq il- ġurnaliżmu ta' pajjiżna kien tajjeb jew ħażin? Għandi ħsibijiet imħallta dwar dan. Minn banda nara kemm huwa meħtieġ li jkollna ġurnalisti investigattivi li jkollhom il-libertà u l-protezzjoni kollha li jirrappurtaw dwar każi serji li jinvolvu l-awtoritajiet, nies fil-poter, nies fin-negozju u stejjer b'rivelazzjonijiet li jistgħu jkexkxu. Imma dan iridu jagħmluh fuq fatti li jirriżultawlhom u b'responsabiltà. Huwa kundannabbli min juża l-ġurnaliżmu biex joħloq stejjer fittizji, aħbarijiet foloz, qlajjiet sensazzjonali u rapporti ntiżi li joħolqu l-mibgħeda, il-mistħija jew l-umiljazzjoni lejn min ikun imsemmi. Il-kitba ta' Caruana Galizia kellha taħlita ta' dawn l-elementi. L-impatt li ħalliet kien wieħed li ġab jew qanqal il-firda fost soċjetà diġà polarizzata. Kellha aġenda li tispikka: kulma hu, jew hemm xamma jew konnessjoni mal-Labour huwa xitan, ħażin u moqżież. B'hekk tilfet il-kredibiltà ta' ġurnalista serja li ma tħares lejn wicc ħadd! Kif ħareġ biċ-ċar mill-każ li rrappurtat dwar l-Egrant. Jekk dan il-wirt jew l-impatt fuq il-ġurnaliżmu hux tajjeb jew ħażin għad trid tgħidulna l-istorja, imma l-qrusa fit-togħma ġurnalistika tagħha għadha tinħass u se tibqa'. Il-fatt li għaddejjin proċeduri kriminali u anke għaddejja inkjesta maġisterjali, taħseb li huwa biżżejjed? Hemm bżonn inkjesta pubblika u indipendenti mill-awtoritajiet Maltin kif qed titlob il-familja Caruana Galizia? Jien nitlaq mill-premessa li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, inkluż il-Qorti, qed jiffunzjonaw u huma b'saħħithom. Allura ma narax il-bżonn ta' inkjesti pubbliċi u indipendenti oħrajn. Kieku kellu jsir dan inkunu qed nimminaw l-istess istituzzjonijiet u nippreġudikaw il-kors tal-ġustizzja, apparti l-konsegwenzi koroh li jinqalgħu fir-rigward tas-saltna tad-dritt u d-demokrazija f 'pajjiżna. Jidher li l-familja Caruana Galizia tilfet l-fiduċja kollha fl-istituzzjonijiet ta' pajjiżna u għalhekk qed tirreaġixxi b'dan il-mod. Iżda l-poplu qed jistaqsi 'xi tridu eżatt il-familja Caruana Galizia? Li ssir ġustizzja, billi jinstab min qatel u min fassal il-pjan tal-qtil? Jew li jikkrolla l-Gvern u l-istituzzjonijiet ta' pajjizna?' Taħseb li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant tappnu x-xogħol ta' Caruana Galizia u r-reputazzjoni tagħha bħala ġurnalista investigattiva? Fil-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant instab li kien hemm dokumenti fittizji b'firem foloz. Kien hemm xhieda kontrastanti bejn Daphne Caruana Galizia u Maria Efimova. Dak li kitbet Caruana Galizia, jiġifieri li l-kumpanija Egrant hija ta' Michelle Muscat irriżulta li kienet gidba. Quddiem dawn il-fatti pruvati wieħed bilfors jiġih dubju mill-kredibiltà ta' Caruana Galizia. Ġurnalista investigattiva għandha tkun motivata mit-tiftix tal-verità...mhux għall-gideb! Fid-dawl tal-kwistjoni dwar il-fjuri u x-xemgħat li qed jitpoġġew u jitneħħew minn quddiem il-Qorti, taħseb li għandu jkun hemm mafkar fiss għal Daphne Caruana Galizia? Fejn taħseb li għandu jsir? It-tqegħid u tneħħija tal-fjuri u xemgħat minn quddiem il-Qorti mhux qed jixhdu rispett lejn il-memorja ta' Daphne Caruana Galizia. Qed naqgħu fir-redikolaġni. Is-segwaċi tagħha għandhom dritt jagħmlu mafkar tagħha u għandhom isibu post adattat mingħajr ma jidħlu f 'kontroversja bla bżonn.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 14 October 2018