Illum previous editions

ILLUM 14 October 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1039274

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 31

13 Intervista Il-Ħadd 14 ta' Ottubru 2018 | illum fil-politika jidħlu fid-djar u jwieġbu 1. Il-Partit Nazzjonalista mhux qiegħed fl-aħjar stat bħalissa. Sondaġġi juru, kontinwament, distakk ta' aktar minn 50,000. Ma taħsibx li din is-sitwazzjoni mhix tajba għall-pajjiż? Is-sondaġġi dejjem jagħtu ritratt tal-qagħda politika fid-dati li jsiru u mhux bilfors jirriflettu dak li mbagħad jiġri meta n-nies imorru jivvutaw. Speċjalment fl-elezzjoni għall-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, liema elezzjoni se ssir fil-25 ta' Mejju tas-sena d-dieħla, ħafna se jiddependi fuq kemm in-nies ta' fehmiet politiċi differenti joħorġu jivvutaw. B'mod partikolari l-isfida ewlenija għall-Partit Nazzjonalista se tkun li dawk kollha li jridu jagħmlu għażla favur il-kandidati li joħorġu f 'isem il-PN fil-fatt joħorġu jivvutaw. F'ebda elezzjoni ma jingħaddu l-voti ta' min joqgħod id-dar! Naqbel li nkunu qed nipperikolaw l-istess demokrazija f 'pajjiżna jekk il-Gvern joħroġ minn dawn l-elezzjonijiet bl-impressjoni li l-appoġġ favur tiegħu qiegħed dejjem jikber. Huwa preċiżament għalhekk li nemmen fid-dover li kull votant iħares lejn min iħoss jista' jirrappreżentah l-aħjar u joħroġ jivvota. 2. Tidħol għand familja. Jgħidulek 'żvilupp il- ħin kollu. Dejjem bl- istorbju. Imma inti u l-PN x'tistgħu tagħmlu? Mhux se twaqqfuhom!' X'tgħidilhom? Ngħidilhom li l-Oppożizzjoni tagħmel dak kollu li tista' bil-mezzi limitati ħafna u fil-każ ta' proġetti ta' żvilupp, anki bil- vot wieħed li għandha fuq l-Awtorità tal-Ippjanar. Iżda l-Oppożizzjoni ma tistax tassumi r-rwol tal-Gvern u jekk il-familja li nkun qed iżżur bir-raġun irrabbjata kontra l-atteġġjament favur żvilupp sfrenat li qed juri l-Gvern filwaqt li assolutament qed jinjora l-protesti li jagħmlu n-nies, xi kultant anki bl-eluf, dik l-istess familja għandha dover li hi kif ukoll dawk kollha li għandha xi influwenza fuqhom jagħtu messaġġ lill-Gvern meta jkollhom opportunità permezz tal-vot tagħhom, għax inkella s-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar. 3. Tidħol għand familja Nazzjonalista u jgħidulek li ma jridux jivvutaw għax Adrian Delia mhux tajjeb għal Kap, kif kienet tgħid Daphne Caruana Galizia. Kif se tikkonvinċihom? Nibda billi nispjegalhom li ma hemm ebda paragun bejn dak li kitbet Daphne Caruana Galizia fuq Adrian Delia u dak li kitbet fuq Joseph Muscat u dawk l-aktar viċini tiegħu, b'mod partikolari Keith Schembri u Konrad Mizzi. Nispjegalhom ukoll kif Adrian Delia ma abbanduna bl-ebda mod il- ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tmexxija ħażina kif juri bid-diversi diskorsi ċari li huwa jagħmel u anki permezz ta' azzjoni konkreta bħalma hi l-kawża li huwa għamel kontra l-Avukat Ġenerali fuq ir-rapport Egrant, u anki fuq suġġetti oħra bħalma hu l-ħtif tal-isptarijiet tagħna minn persuni li lanqas nafu minn huma. Nispjegalhom ukoll kif fl-istess ħin Adrian Delia qed jitkellem fuq dak kollu li jolqot lin-nies fil-ħajja tagħhom ta' kuljum – bħal kif ħaddiema u pensjonanti mhux qed ilaħħqu mal- ħajja minkejja l-ftaħir tal-Gvern li qed ngħixu fl-aħjar żmien. Fl-aħħar nett infakkarhom ukoll li d-dover tagħna huwa dejjem li nagħtu l-akbar appoġġ lil min bl-aktar proċess miftuħ u demokratiku ntgħażel biex imexxi l-Partit bħalma dejjem għamilna ma' kull min mexxa l-Partit qabel. F'dan is-sens insibha faċli wkoll nitkellem ma' din il- familja u ngħidilha li fil-fatt Adrian Delia huwa l-ħames Kap li lejh qed noffri l-lealtà tiegħi bħalma għamilt ma' George Borg Olivier, Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil. Fl-aħħar nett inkellimhom fuq il-ħtieġa li fil-politika nkunu verament viċin in- nies u kif Adrian Delia qed jagħmel minn kollox biex ikun dejjem viċin in-nies kollha u kif qed jagħmel dan b'kariżma u interess ġenwin f 'kulħadd. 4. Tidħol f 'dar fil-Ħamrun u jgħidulek li xebgħu. Kullimkien barranin u m'għadhomx iħossuhom siguri. Kif twieġeb? Inwieġeb li għandhom raġun għax il-Gvern preżenti jimpurtah biss milli jkabbar l-ekonomija billi jkabbar il-popolazzjoni flok ma jkabbarha bil-produzzjoni vera. Il-Gvern preżenti anki daħħal skemi bħall- bejgħ tal-passaport tagħna u llum lanqas għandna dritt inkunu nafu min qed isir Malti bħalna. Inwieġeb ukoll li sakemm l-affarijiet isiru bis-serjetà u bil-galbu apparti milli jsiru – u dan l-aktar aspett importanti b'sens ta' ppjanar serju u fit-tul – m'hemm xejn ħażin li jkun hawn aktar barranin. Il-Gvern preżenti qed ifalli għax filwaqt li jippjana li fis-snin li ġejjin jilqa' f 'Malta 70,000 barranin ġodda, lanqas ma jippjana x'infrastruttura jeħtieġ għal popolazzjoni li tikber b'dan il-mod, kif lanqas biss qed iwieġeb fejn se jorqdu dawn in-nies kollha. U la qed insemmu fejn se jorqdu dawn kollha, nitkellem ma' din il-familja fuq wieħed mill-akbar skandli tal-Gvern preżenti – s'issa ma investiex ċenteżmu wieħed fi proġetti ta' housing soċjali – mela l-barranin jistgħu jiġu u jikru u jixtru l-propjetà – min jista' jagħmel hekk u ma jispiċċax jikri biss sodda f 'appartament jew bunker ġo farm tal-baqar – u ż-żgħażagħ Maltin illum la jistgħu jixtru u lanqas jikru fejn jgħixu u jrabbu familja. Hawn fejn Partit Nazzjonalista fil-Gvern jaġixxi b'mod differenti għax jemmen bis-serjetà f 'soċjetà li jimpurtaha, u mhux li l-aqwa li tgawdi l-klikka fil-qalba u x'jiġri mill-oħrajn kollha assolutament ma jimpurtax. 5. Tidħol għand familja Nazzjonalista biż-żewġ membri jkunu nisa, li issa grazzi għall-bidliet li daħħal dan il-Gvern fil-liġi tal-IVF se jkollhom ċans isiru ġenituri. Kif se tikkonvinċiehom li l-PN għamel sew li vvota kontra? Kulma rrid nagħmel ma' din il-familja hu li nfakkarha li fil-verità kien Gvern Nazzjonalista li daħħal is-sistema tal-IVF fil-pajjiż u li llum irid li jkompli jtejjeb is-servizzi tas-saħħa li għandhom jingħataw b'xejn biex jgħin koppji li jkollhom diffikultà jkollhom it-tfal. Imma dan ma jfissirx li niffrizzaw l-embrijuni bl-addoċċ, li lanqas ikun rekord fuq il-ġenituri naturali biex inħarsu d-dritt tat-tfal li jkollhom din l-informazzjoni meta jikbru u jitolbuha. Għalhekk din il-familja trid b'rispett lejha nfisha ma taqax vittma tal-propaganda u qerq ieħor min-naħa tal-Gvern. 6. Tidħol għand familja tan-negozju. In-negozju sejjer tajjeb u qed jikru appartament, b'kirja tajba ħafna. Qegħdin komdi, iktar milli kienu. Għalfejn għandhom jappoġġjaw lill- PN dawn? Għandhom jivvutaw lill- PN għax l-akbar tkabbir ekonomiku seħħ kull meta kien hemm il-PN fil-Gvern, anki għax kien il-PN li ħoloq is-setturi ekonomiċi kollha li minnhom qed igawdi l-pajjiż illum. Qed nirreferi għal setturi bħas-servizzi finanzjarji, l-igaming, is-settur marittimu u dak tal-avjazzjoni. Hemm ċans kbir li din il-familja qed tikri l-appartament tagħha lil xi persuna impjegata f 'xi wieħed minn dawn is-setturi. Il-PN fil-Gvern isibha faċli biex ikompli jkabbar is-setturi kollha li welled hu stess u joħloq oħrajn ġodda, filwaqt li jneħħi l-periklu li llum qed jiffaċċjaw dawn is-setturi minħabba li r-reputazzjoni ta' pajjiżna marret il-baħar u jekk ma noqogħdux attenti, il-bużżieqa li l-Gvern preżenti jonfoħ b'mod artifiċjali fl-aħħar tinfaqa'. 7. Tidħol f 'dar ta' kaċċatur jew nassab u jgħidlek 'jien x'nivvota nagħmel jekk il-kaċċa dejjem taħt attakk mill-UE?' X'se tgħidlu biex tikkonvinċih? F'din id-dar infakkar li l-PN qatt ma pprova jidħak b'ħadd u kien sinċier ma' kulħadd, inkluż mal- kaċċaturi u n-nassaba. Dak li hu importanti għall- Unjoni Ewropea mhux li tinqered il-kaċċa imma li tibqa' sostennibbli. Il-Gvern preżenti bit-teatrin tiegħu qed iqiegħed bis-serjetà fil- periklu d-delizzju tal-kaċċa u tal-insib. 8. Meta għandek lil Joseph Muscat, li x'aktarx din se tkun l-aħħar elezzjoni tiegħu u lil Adrian Delia, li jrid jew ma jridx, dan se jkun l-ewwel test politiku tiegħu, taħseb li se jaffettwa r-riżultat tal-elezzjoni. Jinkwetak dan? Fit-test elettorali li jmiss, in-nies se jkunu qed jivvutaw mhux lil min jippreferu bħala Prim Ministru anki għax kif qed tgħid tajjeb fil-mistoqsija tiegħek, Joseph Muscat indika li se jitlaq minn Kap tal-Partit Laburista qabel l-Elezzjoni Ġenerali u s'issa ma nafux min se jeħodlu postu. Għalhekk in-nies għandha tiffoka biss fuq min iħossu li l-aħjar jista' jkun il-vuċi tagħhom kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll fuq il-livell tal- Kunsilli Lokali. Rigward x'se jinfluwenza lin-nies f 'Elezzjoni Ġenerali u allura min wara se jifforma Gvern, fadal erba' snin u allura naħseb li fadal sew żmien biex nagħmlu kalkoli dakinhar fuq x'ikun qed jiġri – hemm wisq ċirkostanzi li s'issa ma nistgħux nikkalkolaw b'mod serju. Fuq nota personali, jiena nirrispetta dejjem id-deċiżjonijiet demokratiċi li jieħu l-poplu, nawgura li jkunu deċiżjonijiet maturi wara li kull votant jagħrbel il-verità u jfittex l-informazzjoni oġġettiva b'mod sħiħ biex jifforma l-opinjoni tiegħu mingħajr ebda preġudizzju u sakemm jiġri m'għandix għalfejn ninkwieta. Ninkwieta biss jekk ma naqdix id-doveri tiegħi! Francis Zammit Dimech

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 14 October 2018