Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1047662
Aħbarijiet 6 Din il-ġimgħa l-Prim Ministru Joseph Muscat indika li se tibda diskussjoni dwar sħubija fi trejd unjin u jekk għandhiex issir liġi li kull ħaddiem, awtomatikament jissieħeb ma' unjin malli jidħol fid- dinja tax-xogħol. Dan ikun ifisser li kuntrarjament għal dak li jiġri bħalissa ma tibqax l-għażla tal-ħaddiem li jissieħeb f 'unjin imma ssir xi ħaġa awtomatika li ma tistax tiddeċiedi fuqha, għalkemm tibqa' fil-libertà li tagħżel ma' liema unjin trid illi tissieħeb. Imma dan sew? Mhux il-persuna għandha tiddeċiedi? U wara kollox, il-unjins għadhom relevanti? Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' persuni differenti biex tara x'jaħsbu fuq dan u jekk jaħsbux li din l-idea hijiex waħda pożittiva jew le. illum | Il-Ħadd 04 ta' November 2018 Sħubija ma' unjin. Awtomatika Il-PM indika li għandha ssir diskussjoni biex kull ħaddiem isir, awtomatikament, membru ta' unjin. Imma għaliex? U jaqbillek? U x'tgħid il-konvenzjoni tal-ILO? Lukandiera, trejd unjonisti, intraprenditur, sid ta' fabbrika u negozjant iwieġbu.... agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Ivin Catania, eks Editur tal- gazzetta 'It-Torċa' u llum uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal- General Workers Union (GWU) x'jaħseb. Catania beda billi ta numru ta' eżempji ta' kumpaniji. "Mela jkollok kumpanija b'100 ħaddiem, minn dawn 60 huma membri tal-unjin u li allura se jkunu parti mid-diskussjonijiet u se jħallsu s-sħubija. L-40 ħaddiem l-ieħor, li mhumiex membri, mhux se jħallsu miżati u lanqas se jkunu parti mill-isforzi għal titjib fil-pagi, imma xorta se jkunu qed jieħdu ż-żidiet u l-benefiċċji li jagħti ftehim kollettiv ġdid. Dawn huma dawk li nsibuhom bħala 'Freeriders' li jżommu lura milli jikkontribwixxu u anke milli jieħdu sehem attiv fil-ħajja trejd unjonistika. B'dispjaċir ninnota li ħafna minn dawn il-ħaddiema ma jidħlux f 'unjin għaliex iħossu li qed jinqdew xorta. Biss meta jkollhom każ fuq il-post tax- xogħol tarahom ġejjin jidħlu membri biex jibbenefikaw mis- solidarjetà ta' sħabhom. Nemmen li tiġbed ħabel wieħed u li tkun spalla ma' spalla ma' sħabek fuq il-post tax-xogħol, għandha tkun ta' dejjem u mhux biss meta jaf ikollok bżonn lil xi ħadd jgħinek." Dan il-punt fil-fatt tqajjem ukoll minn Philip Fenech mill-GRTU (ara kaxxa separata). Semma wkoll kumpaniji żgħar illi fihom ħaddiema forsi jsibuha aktar diffiċli li jsiru membri ta' trejd unjin, jew addirittura jkollok impjegaturi li b'mod verbali jwissuhom – ġieli anke qabel ma jimpjegawhom – li huma ma jridux li jkollhom unjin fuq il-post tax-xogħol u li jekk jissieħbu ma' unjin itemmulhom l-impjieg. Xi ħaġa li fil-liġi hija ċara daqs il- kristall li ma tistax issir. Semma wkoll il-ħaddiema barranin; "Meta ħaddiem barrani jidħol f 'kumpanija fejn ikun hemm ftehim kollettiv, hemmhekk ma jkunx hemm problemi. Imma meta jidħol f 'kumpanija fejn m'hemmx jista' jkun hemm każi ta' diskriminazzjoni," sostna Catania illi fakkar ukoll f 'direttiva Ewropea li se tidħol fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea sentejn oħra. Din se tesiġi li meta ħaddiem minn barra, li huwa fl-UE, ikollu kuntratt ta' impjieg ma' kumpanija f 'pajjiżu li permezz tiegħu jintbagħat fuq xogħol f 'pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea dan għandu jingħata l-paga u l-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol ta' dak il-pajjiż jekk dawn ikunu aħjar minn tal-pajjiż fejn jgħix. Fi kliem ieħor jekk Rumen jiġi jaħdem Malta wara li l-kumpanija li magħha huwa impjegat f 'pajjiżu tirbaħ kuntratt f 'Malta huwa se jibbenefika mill-pagi u l-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol, u dawk stipulati fi ftehimi kollettivi, f 'pajjiżna jekk kemm-il darba dawn huma aħjar minn dawk li hu jgawdi f 'pajjiżu. Din id- direttiva għaldaqstant se twaqqaf dak li hu magħruf bħala social dumping fejn jinġiebu gruppi ta' ħaddiema barranin minn pajjiżi b'kundizzjonijiet baxxi biex ikunu ffrankati l-ispejjeż. Kburi ngħid li l-GWU kienet waħda mill- unjins Ewropej li fi ħdan l-ETUC (Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions) ħadmet biex jitressqu l-emendi meħtieġa għad-direttiva tal-Ippustjar ta' Ħaddiema bejn il-pajjiżi tal-UE." L-ILLUM tistaqsih jekk jaħsibx imma li din il-miżura hix fattibbli. "Tkun fattibbli, skont kemm naħdmu u nagħmluha aħna. L-Awstrija, pereżempju, għandhom sistema simili. Tajjeb jingħad li fil-preżent għandna kompetizzjoni inġusta bejn kumpaniji li għandhom il-ħaddiema msieħba f 'union u jsegwu dak li hu stipulat fil- liġi tax-xogħol, u oħrajn li ma jħallux lill-ħaddiema tagħhom jidħlu f 'unjin, u jħaddmu bil- prekarjat billi ma jagħtuhomx il-kundizzjonijiet kif stipulati fil- liġi u b'hekk jikkompetu bi prezz irħis. " Catania qal illi wieħed irid jara wkoll kif dan il-kunċett se jintrabat mal- kostituzzjoni ta' pajjiżna li tagħti lil persuna d-dritt tal- assoċjazzjoni (jiġifieri d-dritt ukoll li ma tassoċjax ruħek ma' għaqda, partit, unjin eċt...) Finalment Catania huwa mistoqsi dwar il-possibilità ta' 'In house' unjins, immexxija mill- istess ħaddiema u kkontrollata mis-sid tal-kumpanija: "Dan huwa riskju li rridu naħdmu biex ma jseħħx. Iżda li bdejna niddiskutu l-possibilità li kull ħaddiem għandu jkun membru ta' trejd unjin tal-għażla tiegħu diġà huwa pass importanti." L-eks Editur jgħid illi impjegaturi li jinsistu li l-ħaddiema tagħhom m'għandhomx jissieħbu f 'unjin ikollhom 'skopijiet ulterjuri.' "Li jkollok unjin fuq il-post tax- xogħol għandu jkun kunsidrat bħala vantaġġ u mhux xkiel. Dan jistgħu jixhduh kumpaniji kbar f 'pajjiżna li matul iż-żmien kabru l-operat tagħhom u żiedu l-investiment, minkejja li kellhom unjin fuq il-post tax-xogħol," qal Catania. 'Is-solidarjetà ma' sħabek tax-xogħol għandha tkun dejjem' – eks Editur tal-gazzetta 'It- Torċa' u PR tal-GWU