Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1065917
Sports 27 Il-Ħadd 23 ta' Diċembru 2018 | illum Christian Formosa jirbaħ meritatament u Marie Claire Aquilina ferm brillanti minn Cristian Antony Muscat IĊĊIKLISTI Maltin kellhom biċċa xogħol iebsa sabiex jikkompetu fil-kompetizzjoni innovattiva bl-isem ta' Pro-ActionVolata wara li t-temp kiesaħ u bir-riħ jonfoħ mill- Majjistral għamilha xi ftit diffiċli għalihom sabiex jagħmlu t-tellieqa tagħhom mill-Girgenti sal-irdum ta' Ħad- Dingli. Christian Formosa, ta' The Cyclist, għeleb ir-riħ li beda jonfoħ sabiex għamel il-ħames kilometri tiegħu f 'ħin ta' 10:36:98. Hu kiseb ħin aħjar ta' tliet sekondi fuq Brandon Sultana ta' Gozo CC li spiċċa fit-tieni post u Etienne Bonello li temm fit-tielet pożizzjoni b'ħin ta' 10:41:28. Formosa ġie kkwotat jgħid li wara 45 minuta intensi ta' warm-up, it-taħbit ta' qalbu kienet madwar 182 bpm wara biss ftit metri mill-bidu. Huwa qal li b'xorti tajba kien kapaċi jżomm il- konsistenza minkejja t-telgħa li kellu jitla' u anke r-riħ xi ftit qawwi. Formosa kellu veloċita' ta' 43 kilometru fis-siegħa. Mill-banda l-oħra, iċ- ċiklist li spiċċa fit-tieni post Brandon Sultana kien xi ftit diżappuntat li kellu jċedi l-unuri għal tliet sekondi biss. Huwa ddeskriva l-kundizzjonijiet bħala xejn favorevoli iżda fejn iċ-ċiklisti għamlu sforz qawwi sabiex itemmu t-tiġrija. Fis-sezzjoni tan-nisa, Marie Claire Aquilina kienet qed tirrapreżenta lil TeamGreens u kienet l-iktar waħda veloċi fit-tlajja' tal-irdum ta' Ħad-Dingli fejn hi rreġistrat ħin ta' 12:30:75. Fit-tieni post spiċċat Lara Buttigieg ta' Agones SGC filwaqt li Marion Pullicino ġiet fit-tielet post. Fil-kummenti tagħha, Aquilina ammettiet li ma kinitx xi tiġrija daqshekk faċli minħabba r-riħ li beda jonfoħ. It-telgħa kienet l-iktar fażi iebsa tat- tellieqa iżda hi baqgħet determinata li tasal sal- aħħar. Sadanittant kien hemm aktar rebbieħa f 'kategoriji oħra fosthom Jonas Micallef (Mosta AF Sign Studio CC, Under-12); Matthew GaleaPirotta (Mosta AF Sign Studio CC, Under-14); Christina Spiteri ('the Cyclist', under-14 girls); Sean Enriquez (Mosta AF Sign Studio CC, under-16); Isaac Spiteri ('the Cyclist', junior) u (Ivan Zammit (B'kara Sport St. Joseph, Masters). L-organizzatur jixtieq jirringrazzja lill- parteċipanti kollha għas- sehem tagħhom kif ukoll anke diversi entitatijiet fosthom il-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli, il-Korp tal-Pulizija, St.John Ambulance Malta; Race Result Malta u Malta Cycling Federation li l-membri tagħhom raw li kollox ikun organizzat b'suċċess.