Illum previous editions

ILLUM 23 December 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1065917

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 31

19 Il-Ħadd 23 ta' Diċembru 2018 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Il-Milied: ċelebrazzjoni tal-valuri li jgħaqqduna NHAR it-Tlieta, id-dinja Kristjana tiċċelebra l-Milied, jiġifieri t-twelid ta' bniedem illi miegħu ġab rivoluzzjoni ta' ħsieb u ta' fidi. Minkejja li l-qofol ta' din il-festa hija l-fidi, bosta jagħżlu li jużaw dan il-jum biex ifakkru fil-valuri tant importanti tal-imħabba, tal-familja u tas- solidarjetà. Iktar minn kull ċelebrazzjoni, huma dawn il-vera eżami tal- kuxjenza li mhux biss irid jagħmel l-individwu iżda l-pajjiż kollu kemm hu. L-ewwel nett, imħabba li tagħraf taħfer anke lil min għamillek il-ħsara. Dan mhux biss fuq livell personali imma wkoll fuq livell nazzjonali. Għadna qed naraw wisq użu ta' lingwaġġ ta' mibgħeda lejn l-avversarju minħabba ġrajjiet tal-passat jew tal- preżent. Bħala poplu għadna qed nibnu l-ħitan li jisseparawna minn dak li ma jaqbilx magħna jew minn dak li jara l-affarijiet differenti. Għadna qed naraw wisq l-użu tal-midja soċjali bħala mezz ta' ritaljazzjoni, ta' tixrid ta' mibgħeda u taż-żufjett lejn min ma jaqbilx magħna. U f 'dan iż-żmien huwa importanti għalhekk li l-imħabba nuruha wkoll lejn għajrna li huwa barrani, ta' ġilda, reliġjon u nazzjonalità differenti. Wisq nibżgħu illi r-razziżmu qed jgħolli rasu u li t-tbatijiet ġusti ta' numru ta' Maltin qed jintefgħu fuq ħoġor klassi ta' nies ġdida; il-klassi aktar baxxa mill-klassi l-baxxa. Għalkemm huwa diffiċli u għalkemm huwa veru li f 'ċerti żoni tal-pajjiż is-sitwazzjoni mhix taħt kontroll, huwa neċessarju li naffaċċjaw l-isfidi bl- imħabba u r-rispett lejn in-naħa l-oħra. Għax anke jekk iswed, jew Musulman, jew Buddist jew Indjan, dak tan-naħa l-oħra huwa bniedem. U għalhekk nistiednu lill-qarrejja tagħna biex f 'Jum il-Milied jifhmu, mhux jiġġudikaw. Jisimgħu, mhux jgħajtu. Jinkludu, mhux jeskludu. Meta tinża' l-mibegħda u l-preġudizzju u tilbes l-imħabba u r-rispett lejn dak li ftit taf dwaru tistagħna, mhux fil-flus imma fl-għerf u fil- kompassjoni. Il-familja. Iċ- ċelebrazzjoni tal-familja taħt kull forma; raġel u mara, raġel jew mara waħedhom, raġel ma' raġel, mara ma' mara, raġel u mara separati/divorzjati u kull formazzjoni li inti tqis bħala 'familja' hija ċentrali f 'dan iż-żmien. Minkejja li ħafna drabi nħarsu wisq lejn it-tazza nofsha vojta u minkejja li n-negattiv iktar jagħmel ħoss, il-familja f 'Malta għadha xibka importanti li qed issaħħaħ u tevita ħafna negattiv mis-soċjetà. Kieku mhux għall-familja, illum il-problema tal- kirjiet hija ħafna u ħafna ikbar, kieku biex koppja żgħażagħ tixtri post issibha ħafna u ħafna iktar diffiċli, kieku ħafna iktar żgħażagħ jitilqu mill-iskejjel u kieku ħafna aktar anzjani jispiċċaw waħedhom u fil-faqar. Jiġifieri ejja nieqfu għal minuta u niftakru u nfakkru fil- ġid kbir li l-għaqda tal- familja, taħt kwalunkwe forma, qed tagħmel lilna individwalment u lill- pajjiż. U finalment is- solidarjetà. Biex min m'għandux l-imħabba u lanqas familja li qed tieħu ħsiebu, biex min jinsab maqbud fin- nassa tad-dipressjoni, is-solitudni jew il-mard, isib spalla fuqiex jistrieħ. Is-solidarjetà ma' dawk b'inqas mezzi u ma' dawk li verament għandhom bżonn hija l-iktar indikazzjoni b'saħħitha tar- ruħ soċjali ta' dan il-poplu. Għalhekk il-gazzetta ILLUM tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lill-ġabra tal-Istrina, li ssir l-għada tal-Milied b'risq il- Malta Community Chest Fund. Ejja lkoll flimkien, minkejja kollox, nagħtu l-appoġġ lil dawk li huma fil-bżonn, lil dawk li mingħajr l-għajnuna tagħna jispiċċaw fil-ġenb, minsijin u msallbin. Għax verament għada tista' tkun int. L-Editur u t-tim tal- ILLUM jixtiequ Milied hieni lilek, lill-familja tiegħek u lil dawk kollha li inti tgħożż. Jalla dan il-jum iġiblek ħafna ferħ u hena. Editur: Albert Gauci Cunningham

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 December 2018