Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1075587
19 Il-Ħadd 27 ta' Jannar 2019 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Il-Kummerċ nużawh biex insaħħu d-drittijiet umani, mhux biex ninjorawhom MARIELOUISE Coleiro Preca żaret it- Turkija u magħha kien hemm delegazzjoni li, kif mistenni, tinkludi l-Ministru tal-Affarijiet Barranin. S'hemmhekk xejn ħażin u kollox skont in-norma diplomatika. Imma ejja nagħtu ħarsa ħafifa lejn dak li kien qed iseħħ f 'dan il-pajjiż, u li forsi ħafna f 'Malta ma tantx taw kas, għax ngħiduha kif inhi, dak li jiġri fit-Turkija mhux neċessarjament ta' interess dirett għal ħafna Maltin. It-Turkija saret qawwa ekonomika. Biss biss il-linja tal-ajru Torka, it- Turkish Airlines, saret fost l-akbar u l-aqwa fid-dinja kif l-Ajruport Ataturk ta' Istanbul sar hub importanti u kruċjali fil-qasam tal- ivvjaġġar. Apparti li huwa pajjiż ekonomikament b'saħħtu huwa wkoll pajjiż mill-isbaħ bi storja rikka, Mediterranja u Musulmana. Issa fil-kontroll ta' dan il-pajjiż hemm raġel, Recep Tayyip Erdogan, li minkejja s-suċċessi ekonomiċi kbar u minkejja l-popolarità tiegħu, speċjalment mas- sezzjoni kbira konservattiva tal-poplu, għandu rekord fqir f 'dak li jirrigwarda d-drittijiet umani. Fl-2016, wara kolp ta' stat li falla, Erdogan fetaħ il-kanuni kontra l-forzi tal-verità u tal-libertà tal- espressjoni. 120 ġurnalist sfaw arrestati biex kien u għadu l-aktar pajjiż li jarresta ġurnalisti. 3,000 Tork iffaċċja interrogazzjonijiet u/jew ħabs talli fetħu ħalqhom kontra Erdogan u madwar 150 negozju ta' nies meqjusin kontra Erdogan kienu mġiegħla jagħlqu. Ir-rapport dinji tal- Human Rights Watch 2017 ifakkar: "Iktar minn 100,000 uffiċjal pubbliku u ħaddiema fiċ-ċivil kienu sospiżi jew imkeċċijin. Dawn jinkludu 28,000 għalliem akkużati li huma attivisti ta' Gülen (persuna li topponi t-tmexxija ta' Erdogan). Ħafna minn dawk detenuti, li jinkludu għalliema, pulizija, u uffiċjali pubbliċi, inżammew f 'detenzjoni minkejja nuqqas ta' evidenza ta' att kriminali." F'Jannar tal-2016, 1,000 lettur ġew investigati kriminalment wara li kkritikaw lil Erdogan u ġew sospiżi d-digrieti ta' 370 assoċjazzjoni mhux governattiva, inkluż gruppi ta' drittijiet tat- tfal, drittijiet tan-nisa, u organizzazzjonijiet umanitarji. U tgħid lill-Eċċellenza tagħha, il-President ta' Malta, fakkarha f 'dak li qal hu stess fl-2014 dwar in-nisa? Ħa nfakkru x'kien qal: "Ir-reliġjon tagħna għandha pożizzjoni definita ta' fejn għandha tkun il-mara fis-soċjetà: tkun omm. Ftit nies ma jistgħux jifhmuha din ... ma tistax tispjegaha lill-femministi li ma jaċċettawx il-kunċett li tkun omm." Mur għidha f 'Malta din! Kieku BBQ jagħmluha lill- persuna li tgħidha! Imbagħad hemm l-attitudni ta' Erdogan lejn persuni LGBTIQ. Biżżejjed insemmu li dan ipprojbixxa marċi favur l-omosesswalità (Pride March) filwaqt li diversi postijiet illi fihom kienu jinġabru persuni LGBTIQ ingħalqu. Allura?, tistaqsu. Tort tal- President tar-Repubblika? U dażgur li le! Din kienet qed tmexxi delegazzjoni Maltija u mhix il-factotum fejn jirrigwarda politika barranija. Allura għandna naqtgħu r-rabtiet ma' dan il-pajjiż? Meta wieħed iqis li qed ngħixu f 'dinja globalizzata bl-ekonomija Torka tkun dik li hi, dan assolutament ma jagħmilx sens. Imma għax mhux tort tal-President jew għax il-kummerċ mat-Turkija huwa tajjeb ma jfissirx li m'għandniex, kemm l-awtoritajiet Maltin u bil- wisq aktar l-awtoritajiet Ewropej, ninsistu li fejn qed jinkisru d-drittijiet, jinbnew il-pontijiet; ninsistu illi s-sistema demokratika tat-Turkija tibqa' intatta, mhux tersaq lejn teokrazija. Għax għandna bżonn il-kummerċ m'għandniex nagħlqu għajnejna għall- oxxenitajiet li jiġru f 'pajjiż ieħor u li kieku jiġru f 'pajjiżna ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. U dawn l-assigurazzjonijiet mingħand dak li jidher illi kkonsolida l-qawwa li għandu fuq it-Turkija jridu jingħataw qabel, anzi ħafna qabel, ma biss nikkunsidraw li t-Turkija ssir membru tal-Unjoni Ewropea. Id-diplomazija u l-kummerċ jistgħu jintużaw biex kull pajjiż membru prospettiv tal-UE jħaddan is-sekulariżmu, l-uwgwaljanza, u jħaddan kull tip ta' libertà: tal- kelma u anke reliġjuża. Il-kummerċ għandu jkun l-għodda diplomatika biex nassiguraw il-libertajiet u d-drittijiet umani, mhux nużawh biex ninjoraw il-libertajiet u d-drittijiet umani. Editur: Albert Gauci Cunningham