Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1075587
illum | Il-Ħadd 27 ta' Jannar 2019 Aħbarijiet 32 Hibernians – Valletta: Għada jinstema' l-protest dwar l-10 sekondi nieqsa fil-partita GĦADA filgħaxija, fl- uffiċini tal-Malta Football Association, mistenni jinstema' l-protest li ressqu Hibernians rigward il-partita ta' bħal-lum ġimgħa, li tilfu bl-iskor ta' 2-1 kontra Valletta. Fil-protest, Hibernians ilmentaw dwar żball tekniku min-naħa tal-uffiċjal tal-partita Philip Farrugia, li saffar tmiem l-ewwel taqsima madwar 10 sekondi qabel il-ħin li ta żejjed hu stess. F'dak il-mument, Hibernians kienu qabdu lil Valletta b'kontrattakk veloċi bi plejer tal-Pawlisti li deher sejjer waħdu fil-lasti tal-Beltin, b'ċans ovvju ta' gowl. Waqt is-smigħ tal-protest ix- xenarji jistgħu jkunu differenti, u wieħed diffiċli jbassar x'se jkun il-verdett finali tal-Bord tal-Protesti tal-MFA, anki għax ħafna jista' jkun li se jorbot max-xhieda li jrid jagħti r-referee tal-partita u mal- ewwel taqsima nnifisha. Hibernians qed jilmentaw li s-sekondi li kien għad fadal biex tintemm l-ewwel taqsima kienu ħin biżżejjed biex itellgħu dak il-kontrattakk li bih jiskurjaw it-tieni gowl u possibbilment jagħlqu u jirbħu l-partita. Xenarju possibbli hu dak li Farrugia jinsisti li l-arloġġ tiegħu mmarkalu li kienu ntlagħbu ż-żewġ minuti ta' ħin miżjud li kien ordna hu stess. Hawnhekk wieħed irid jara jekk il-Bord tal-Protesti tal-MFA hux se joqgħod kompletament fuq ix-xhieda ta Farrugia jew jekk jaċċettax talba ta' Hibernians li l-kamra kollha terġa' tara l-ewwel taqsima. Jekk dan iseħħ u joħroġ li dak li pprotestaw fuqu Hibernians huwa fil-fatt veritier, allura jista' verament ikollna deċiżjoni finali li fiha sar żball tekniku min-naħa ta' Philip Farrugia u l-partita jkollha terġa' tintlagħab, skont l-istess regolamenti tal-MFA. Xenarju ieħor li jeżisti hu dak li Farrugia jixhed li vera fettillu saffar tmiem l-ewwel taqsima ftit sekondi qabel il- ħin mogħti żejjjed minnu stess. Għaldaqstant, jekk jiġri hekk, jiġi evitat li l-Bord tal-Protesti fi ħdan l-MFA jerġa' jsegwi l-ewwel taqsima. Regolamenti tal-FIFA jistipulaw ċar u tond li r-referee hu l-unika wieħed responsabbli għaż-żamma tal-ħin ta' partita futbol. Madanakollu, dan ir- regolament japplika dejjem jekk ir-referee jiddeċiedi li jżomm aktar ħin minn kemm ikun indika hu stess. Għaldaqstant dan ir- regolament jista' jaħdem favur Hibernians jekk dejjem jiġi ppruvat li ż-żewġ minuti ta' ħin mogħtija żejda ma kinux għaddew. Il-protest ta' għada mistenni jibda jinstema' fil-5:30pm, u possibbilment itawwal sa tard jekk ikun hemm diffikultà għad-deċiżjoni finali. Id-deċiżjoni finali tiġi kkomunikata lill-klabbs u ssir pubblika t-Tlieta jew l-Erbgħa.