Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1098847
illum | Il-Ħadd 31 ta' Marzu 2019 18 Opinjoni S a minn età żgħira ħafna, it-tfal jiġu mgħallma dwar l-erba' staġuni li fiha s-sena: is-sajf, il- ħarifa, ix-xitwa u r-rebbiegħa. Bla dubju ta' xejn, kollha nifhmu r-rwol importanti li kull wieħed minn dawn l-istaġuni għandu fiċ-ċiklu tal-ħajja u s-sopravivenza tal- ħlejjaq. Madanakollu ninsab ċert ukoll li ħafna, bħali, għandhom l-istaġun favorit tagħhom. Fil-każ tiegħi, dan huwa l-istaġun tar-rebbiegħa. Għalija r-rebbiegħa tagħti spinta lill-ħajja. Ħafna mill- bijodiversità tirriproduċi tul dan l-istaġun u l-ekosistemi differenti jaħdmu flimkien biex jassistu f 'dan il-proċess. Il-fjuri jibdew iwarrdu u jinbidlu fi pjanti u siġar u jipprovdu spettaklu kkulurit li jattira kemm jista' jkun insetti għad-dakkir. L-insetti kif ukoll diversi frott differenti jgħinu wkoll biex ikun assigurat li l-ftit mammiferi li għandna f 'pajjiżna jsibu x'jieklu. Il-qanfud jagħmel festa minn fuq il-bebbux waqt li l-ġurdien tar-raba' jogħxa meta jsib frotta li jkun fiha l-meraq. L-għasafar bħalissa wkoll qed iħejju għall-passa u għall-istaġun tal-bejta. Mijiet ta' eluf ta' għasafar mill-isbaħ ta' kull kulur u daqs jibdew ipassu min-naħa t'isfel lejn it- Tramuntana tal-Ewropa lura lejn il-postijiet fejn ibejtu. Fi triqithom waqt dan il-vjaġġ, ifittxu postijiet fejn jistrieħu sabiex jirkupraw l-enerġija u jżidu l-piż li jgħinhom biex ikunu jistgħu jkomplu bil- vjaġġ tagħhom. Il-passa hija wieħed mill-isbaħ spettakli u kisbiet tan-natura. Pajjiżna jinsab f 'qagħda strateġika kruċjali għall- passa tal-għasafar. Il-baħar miftuħ ma tantx huwa ħanin mal-għasafar, speċjalment dawk li jkunu diġà taru minn fuq meded kbar ta' art niexfa bħad-deżert fl-Afrika. Għal din ir-raġuni, gżejjer żgħar fil-Mediterran bħalma huma Malta, Għawdex u Kemmuna b'ħabitat varju, jattiraw lill-għasafar waqt li jkunu qed ipassu. Il-passa hija spettaklu viżiv tal-għaġeb fiha nfisha, imma meta tara qatgħa rsieset jittajru fl- għoli f 'dik li hija magħrufa bħala v-formation, inkella tosserva l-ġmiel ta' kuluri tal-qerd in-naħal meta tarah jaqbad l-insetti hu u jittajjar fil-widien tagħna...u tifhem minn xiex ikunu għaddew dawn l-għasafar huma u jpassu, l-ammirazzjoni u r-rispett lejn dawn il-ħlejjaq żgħar għandhom ikunu bla limitu. Malta mhix unika biss minħabba l-qagħda ġeografika tagħha imma għandha wkoll karatteristiċi uniċi li b'xorti ħażina jisfidaw b'mod qawwi l-bilanċ bejn in-natura u l-effett tal- attività tal-bniedem. Malta hija l-aktar pajjiż mibni fl-Unjoni Ewropea b'aktar minn 33% tal-art tagħna kollha meħuda għall-bini. Għandna wkoll densità tal- popolazzjoni qawwija ħafna u għaldaqstant l-immaniġġjar tal-iskart, it-tniġġis u l-użu tal-art huma sfidi kbar li jistgħu jħallu effetti negattivi fuq il-bijodiversità u l-ħabitati naturali ta' pajjiżna. M'għandniex xi ngħidu, il- kaċċa u l-insib iħallu effett negattiv fuq l-għasafar ukoll, f 'Malta aktar minn kull pajjiż ieħor. Waqt li Malta għandha 'biss' 12,000 kaċċatur mit- total ta' 7,000,000 li nsibu fl-Ewropa, id-densità u allura l-impatt huma straordinarji. Filwaqt li fl-Ewropa ssib żewġ kaċċaturi għal kull kilometru kwadru, f 'Malta għandna 40! Minbarra l-passa, Malta tilqa' wkoll numru ta' speċi ta' għasafar li jbejtu f 'pajjiżna, uħud aktar minn oħrajn li forsi jbejtu kultant jew b'mod irregolari. Il-lista tvarja minn ftit tajr tal-priża bħall-ispanjulett u l-bies għal għasafar tal-baħar u buful, bil-bufula sewda tkun fost l-aktar komuni. Kull speċi għandu l-ħabitat favorit tiegħu u llum huwa faċli ssib fejn għandek tmur biex tosserva xi għasfur partikolari. It-topografija tal-gżejjer tagħna u l-ħabitat differenti li għandna f 'medda pjuttost żgħira ta' art huma ta' vantaġġ għal dawk li jkunu jixtiequ jesploraw il-Gżejjer Maltin. Għat-turisti, il-fatt li tista' żżur siti differenti f 'ħin qasir huwa ta' attrazzjoni. Filwaqt li d-daqs żgħir ta' Malta u Għawdex għandu żvantaġġi, iġib miegħu wkoll numru ta' vantaġġi u l-fatt li filli tkun fuq l-irdumijiet ta' Ħad- Dingli u qed iżżur il-Buskett u ftit sigħat wara tkun qed tgawdi r-ramel fuq xi bajja huwa prova ta' dan. F'Malta għandna 34 sit Natura 2000 u dawn ingħataw dan it-titlu minħabba l-importanza ekoloġika tagħhom. Dawn il-postijiet fihom taħlita ta' ħabitati differenti bħalma huma x-xagħri, xtajtiet bil-blat u veġetazzjoni folta għolja – kull wieħed minn dawn il-ħabitati jipprovdi kenn lil varjetà wiesgħa ta' speċi ħajjin. Uħud minn dawn il-postijiet jitmexxew minn NGOs ambjentali b'kollaborazzjoni ma' Ambjent Malta u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) bħalma huma l-Ballut ta' Marsaxlokk li jitmexxa minn Nature Trust-FEE Malta, ir-Riservi Naturali tal-Għadira u s-Simar u s-sit popolari tal-Foresta 2000 li jinsab eżatt taħt it-Torri l-Aħmar tal-Mellieħa. Dawn tal-aħħar jitmexxew minn BirdLife Malta, u proprju biex inħeġġu lill-pubbliku jgawdi r-rebbiegħa għadna kif ħabbarna ħinijiet tal- ftuħ itwal għal dawn is-siti naturali li issa se jkunu miftuħin ukoll matul il- ġimgħa. Aħna lkoll nibbenefikaw mill-fatt li nkunu qalb in-natura, għax aħna parti minnha. In-natura hija dik il-ħaġa li tipprovdina bil- ħtiġijiet bażiċi bħal arja pura b'saħħitha u ilma nadif. L-ispettaklu tar-rebbiegħa huwa valur miżjud u nħeġġeġ lil kulħadd biex isib ħin tul is-sena kollha, imma l-aktar tul l-istaġun tar-rebbiegħa li jinsab magħna, biex joħroġ u jgawdi l-ambjent naturali mill-isbaħ li nsibu f 'pajjiżna. Żommu għajnejkom u widnejkom miftuħin għall- firxa differenti ta' fjuri, għall- għanja tan-naħal, għaż-żifna tal-friefet u għall-ħoss tal- ilma ġieri. Ippruvaw xortikom forsi tilmħu liż-żrinġ li huwa l-uniku anfibju li għandna f 'Malta...ippruvaw skopru d-differenza bejn il-gremxul differenti li nsibu f 'Malta, Għawdex u Kemmuna. U fuq kollox, tinsewx titfgħu ħarsitkom 'il fuq...għax l-għasafar qed ipassu minn fuqna. Waslet ir-rebbiegħa, ejja ħa ngawdu n-natura li hawn madwarna! Mark Sultana huwa l-Kap Eżekuttiv ta' BirdLife Malta, organizzazzjoni li taħdem biex tħares il-bijodiversità permezz tar-riċerka, il- lobbying u l-involviment tal-pubbliku. Għal aktar informazzjoni żur www. birdlifemalta.org MARK SULTANA Ingawdu l-isbaħ staġun … ir-rebbiegħa!