Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1107748
13 Intervista Il-Ħadd 21 ta' April 2019 | illum ma kissirniex isem Malta avolja stajna' "Meta Gonzi nnegozja l-pakkett ta' fondi fl-2013 il-prodott domestiku gross tagħna kien 70% tal-medja tal-UE. Illum dan riesaq lejn id-90%. Allura skont il- Berlin Method huwa ovvja li l-Kummissjoni se tipproponi pakkett anqas," spjega Farrugia. Imma din ġusta? In-numri jagħmlu ġustizzja għall- bżonn ta' diversi proġetti pendenti madwar il-gżira? Fuq din Farrugia kien pront biex jgħid, dan huwa propju l-argument tagħhom fin- negozjati fl-isfera Ewropea. "Il-qabża rapida li għamlet Malta fl-aħħar snin huwa l-argument tagħna quddiem il-KE bl-għan li jkollna qbil ġust. Jiena nista' ngħid li se nġib pakkett daqs li ġab Lawrenz Gonzi, iżda biex nagħmlu dan irridu nieħdu l-ekonomija lura bħalma kienet fl-2012." "F'dak il-każ, irridu naraw kif nagħmlu biex il-GDP inġibuh 70% tal- medja Ewropea u l-qgħad intellgħuh 7.1% jew 7.5.%. Din ma tagħmilx sens", jirrimarka Farrugia, "il- poplu Malti żgur li mhux se jaċċettaha." Żied jgħid li , "il-viżjoni tagħna hi li nkunu aktar sinjuri. Allura l-poplu Malti aħna nistaqsuh, inti xi trid tkun mal-foqra u tieħu aktar fondi jew mas-sinjuri u tant għandek flus u livell ta' ħajja illi int qed tgħin pajjiżi oħra?"tenna jistaqsi s-Segretarju Parlamentari. 'L-Ewropa federali mhix tinbiegħ' Kemm-il darba ġiet diskussa l-ħolma ta' Macron, dik ta' Ewropea Federali jiġifieri, li kull pajjiż membru stat tal-UE jsir magħqud f 'pajjiż wieħed akbar b'qafas legali u regolatorju identiku. Fuq din x'jaħseb Farrugia? "Dak li qed jgħid jagħmel sens. F'dinja globali, jekk il-pajjiżi Ewropej ma jingħaqdux flimkien u nikkompetu ma' kontinent oħra bħal mhuma ċ-Ċina u l-Indja li llum huma qed jikbru b'rati fenomenali ma nistgħux nikkompetu," sostna Farrugia. Hu żied jgħid li, "dan fuq il-karta jagħmel sens u ma tistax tmerih. Il-problema hi li dak li qed jgħid Macron mhux jinbiegħ u allura mhux qed jikkonvinċi. Qabel ma ntambru fuq Ewropa Federali, fejn kull pajjiż isir qisu kunsill lokali għandna, fil-verità mmorru lura għall-fundamenti tal-proġett Ewropew u nħarsu lejn il- pedamenti," saħaq Farrugia. 'Meta qam l-iskandlu ta' John Dalli ma kissirniex isem Malta avolja stajna' Naqilbu daqsxejn is- suġġett u nistaqsi dwar ir-reputazzjoni ta' pajjiżna, li wara l-qtil Daphne Caruana Galizia tista' tgħid għaddiet minn ġol-ħama għal ġot-tajn. X'jaħseb Farrugia? Nistgħu nerġgħu nirkupraw il-fama tagħna għall-bajjiet sbieħ u x-xemx tiżreġ u mhux għall- malizzja? "Iva, jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu. Jien nifhem il-partiti politiċi li jieħdu atteġjamenti partiġġjani. Nifhem li xi darba dan jixtieq li jkun fil-Gvern u għalhekk juża kull mezz possibbli biex idgħajjef il-partit fil-Gvern u jżid iċ-ċansijiet tiegħu, dik nifhimha. Jien kbirt fil- politika. Li jdejjaqni hu li ssir ħsara lill-pajjiż, u mhux lill-partit," saħaq Farrugia. Hu jkompli jgħid kif snin qabel, dakinhar fl- oppożizzjoni, il-PL kellu opportunità biex jagħmel propju dan. "Meta konna fl-oppożizzjoni u kien hemm il-każ ta' John Dalli aħna stajna faċilment nagħmlu l-istess. Kien hemm minn ħasibha, però wieħed dejjem irid iġib l-interess tal-pajjiż, jekk inti qed taħseb li f 'temp ta' 10 snin tkun fil-Gvern, dik il-ħsara li għamilt se terġa' tiġi għal wiċċek bħal boomerang," sostna Farrugia. Apparti l-fatt li finalment huwa tal-opinjoni li dan kien Gvern li attwa diversi bidliet fir-rigward tal-governanza. "Mill-2013 daħħalna diversi bidliet relatati ma' governanza. Anke r-rapport tal-Kummissjoni ta' Venezja li se noħduh fit-totalità tiegħu. 'Ersaqna lejn iċ-ċentru biex nattwaw is-soċjaliżmu' Nerġgħu naqliblu daqsxejn id-diskors. Din id-darba nitkellmu fuq is-soċjaliżmu tan-'New Labour'. Nistaqsih jekk jaħsibx li l-PL tilef ruħu f 'dawn l-aħħar snin. Hu jirrispondi u jgħid, "le, l-iktar ħaġa importanti hija li inti tkun f 'pożizzjoni li mhux titkellem, iżda tagħmel. Inutli tkun f 'pożizzjoni fejn tħabbat fuq sidrek l-ideoloġija li kbirt fiha imma mbagħad il-poplu din ma jaċċettaha qatt." Żied jisħaq li, "jien xi ħaġa li ġibdtini lejn Joseph Muscat fl-2008 kienet illi ngħidu l-partit irid jimxi lejn iċ-ċentru tal-ispettru politiku għaliex hemmhekk tirbaħ l-elezzjonijiet. Issa ovvjament, tirbaħ l-elezzjoni biex imbagħad inti tattwa l-manifest tiegħek. Irnexxielna nagħqdu lill- pajjiż u nibnu koalizzjoni. Din hi xi ħaġa li l-PN għadu ma fehemhiex u għalhekk għadu ma rkuprax mit-telfa tal-2013." "Jekk tara l-manifest, imbagħad tinduna li dan huwa manifest ta' partit progressiv, soċjal- demokratiku . Jiġifieri jekk tħares lejn il-qasam soċjali l-istess bqajna, id-drittijiet ċivili erġajna konna aħna l-pijunieri. Biex twettaqhom trid toħloq il-ġid u l-ġid irnexxielna noħolquh billi ersaqna lejn iċ-ċentru." Jixtieq li jara mara bħala l-mexxejja tal-Partit Laburista? Fl-aħħar nett naqbdu s-suġġett li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed jintesifika f 'dan il-pajjiż, il-prospett ta' mexxej il-ġdid tal-PL. X'jaħseb Farrugia? Il-partit lest għal mexxej mara? Huwa jgħid li, "il-Partit Laburista huwa l-partit li mexxa tant drittijiet u kien l-unika wieħed li poġġa nisa f 'pożizzjonijiet għoljin għax emmen fihom, mhux biss bħala att simboliku, allura għalfejn le?" temm jgħid Aaron Farrugia mal-gazzetta ILLUM. "Biex inġibu l-istess fondi li ġab Gonzi, irridu naraw kif nagħmlu biex il-GDP inġibuh 70% tal-medja Ewropew u l-qgħad intellgħuh 7.5%" " " Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia