Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1110340
Sports 28 illum Il-Ħadd 28 ta' April 2019 minn Cristian Antony Muscat MIGUEL Vassallo - fost l-aqwa goalkeepers li pproduċa l-waterpolo lokali f 'dawn l-aħħar snin, fejn riċentament kellu esperjenza fl-Italja ma' AN Brescia waqt li preżentament bi qlubija u b'abilità qed jiddefendi l-lasti ta' Sliema ASC. Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo? L-imħabba tiegħi għall-waterpolo bdiet meta kelli tmien snin. Dak iż- żmien kont għadni nilgħab il-futbol iżda ridt nipprova xi ħaġa ġdida. Bdejt ngħum, u aktar ma bdejt nitħarreġ l-għawm indunajt li kelli ġibda speċjali għall-bahar. Aktar tard, grazzi għal Ġużi Attard 'l-Ors', li kien staqsieni nibda l-waterpolo, indunajt bil-ġibda speċjali għall- waterpolo. Irrakkonta l-aħħar esperjenza li kellek ma' AN Brescia fl-Italja. L-aħħar esperjenza tiegħi fl-Italja ma' AN Brescia kienet pjuttost waħda pożittiva, fejn jien tgħallimt ħafna speċjalment meta jien kelli sezzjonijiet ta' taħriġ mal- goalkeeper internazzjonali Marco Del Lungo. Dawn is-sezzjonijiet ta' taħriġ kienu ferm importanti sabiex kbirt fl-aspett tekniku ta' goalkeeper. Il-kowċis, Enrico Oliva, kif ukoll Alessandro Bovo wrew ħafna interess fija, u kowċ Oliva xtaqni nifforma parti mit- tim ta' taħt il-15-il sena tiegħu iżda minħabba l-aspett akkademiku u permess ta' residenza, ma stajtx nieħu din l-opportunità. Bħal dan iż-żmien sena, kelli l-opportunità li nagħmel training camp ta' ġimagħtejn mat-tim tal-UVSE, li hu mmexxi minn eks plejer ta' Sliema, Tibor Benedek. Din l-esperjenza setgħet issir grazzi għall-klabb tas-Sliema li għamluli l-arranġamenti kollha għal din il-mawra. Il-livell tal-waterpolo fl-Italja kemm hu differenti minn dak f 'Malta? Il-livell barra minn Malta huwa wieħed għoli ħafna. It-taħriġ huwa wieħed intensiv li jinvolvi erba' sigħat għawm u siegħa gym. Din il-ħajja tinvolvi ħafna sagrifiċċji li wieħed għandu bżonn sabiex jilħaq ċertu livell. Għalkemm il-waterpolo Malti hu wieħed tajjeb, barra minn Malta hu wieħed estremament tajjeb għaliex għandek l-opportunità tilgħab ma' plejers li jilagħbu man-nazzjonal, kif ukoll taċ-Champions League. X'tikkummenta fuq ir-riżorsi (pixxina) li fihom titħarrġu u tilagħbu f Malta? Ir-riżorsi tal-pixxina huma ferm limitati! Pixxina waħda trid tinqasam bejn il-klabbs kollha. Fix- xitwa, huwa diffiċli sabiex titħarreġ l-isport tiegħek f 'outdoor pool minħabba l-bard. Minħabba dan, jista' jkun ta' detriment għal kull min irid jitħarreġ. X'sagrifiċċji jinvolvi li tkun plejer tal-waterpolo? Is-sagrifiċċju ta' plejer tal- waterpolo huwa wieħed kbir, speċjalment meta tkun għadek student. Għandek bżonn titħarreġ kuljum bejn sagħtejn u tliet siegħat kif ukoll tagħmel il-gym. Madankollu trid iżżomm dieta bilanċjata sabiex dejjem tibqa' fl- aħjar forma. Kif jirnexxielek tlaħħaq mal- istudju u mal-waterpolo? Jien dejjem nipprova nsib bilanċ bejn l-istudju u l-waterpolo għaliex it-tnejn huma importanti. Sabiex inlaħħaq mat-tnejn, kull ħin liberu li nsib, nipprova nistudja sabiex ma jkollix bżonn nieqaf mit-taħriġ. Xi drabi biex inlaħħaq, ikolli nkompli nistudja fit-tard. Meta jkun il-ħin tal-waterpolo, għandek tinsa kollox u tiffoka fuqu u l-istess għandu jkun waqt l-istudju. Kif tiddeskrivi l-aħħar staġun tiegħek ma' Sliema kemm għalik personali u anki bħala tim? L-aħħar staġun kien l-ewwel staġun tiegħi mas-Sliema. Ħassejtni mal-ewwel komdu għaliex il- klabb dejjem emmen fija. Bħala tim qegħdin grupp eċċezzjonali u wieħed żgħir. B'naqra aktar sforz, naħseb li aħna nistgħu nerġgħu nkunu forza fil-waterpolo. Ma rridux naqtgħu qalbna għax jekk nikkonċentraw, għandna potenzjal qawwi. Nirringrazzja ħafna lil Sergio Afric, Giuseppe Dato, kif ukoll lil Francesco Cutajar talli dejjem emmnu fija u dejjem tawni l-opportunità sabiex nilgħab mal- kbar! Qbilt mas-sistema tal-play-offs? Fl-opinjoni tiegħi rajt il-play- offs żejda għaliex wara li tkun ilek tirbaħ tista' titlef kollox f 'ħakka t'għajn. Għalkemm il-play-offs ikabbru l-interess tal-ispettaturi, jien ma naqbilx! Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek ma' Sliema? Jien se nagħmel minn kollox sabiex nara li l-klabb li emmen daqshekk fija jerġa' jkun wieħed mill-forzi tal-waterpolo, kif dejjem kienu! Tixtieq u tqis li fil-futur tissejjaħ mill-kowċ Karl Izzo biex imbagħad tifforma parti mit-tim nazzjonali Malti? S'issa l-kowċ Karl Izzo dejjem emmen fija, u dejjem tani l-opportunità li nkun parti mill- iskwadra tiegħu. Jien min-naħa tiegħi, dejjem se naħdem biex inżomm posti, imma fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjoni finali hija tal-kowċ. Għaddi messaġġ lil dawk it tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo. Jekk int għandek ħolma ibqa' aħdem għaliha u qatt tħalli lil ħadd iwaqqgħek ħażin. Dejjem hu tajjeb li int iżżomm saqajk mal-art! 'Se nagħmel minn kollox sabiex nara lil Sliema ASC jerġgħu jkunu forza fil-waterpolo' - Miguel Vassallo