Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1110340
illum | Il-Ħadd 28 ta' April 2019 5 VotEWROPA 2019 Dan jikkuntrasta ħafna mal-pompa illi biha nbidlet l-arma tal-Partit Laburista, meta l-bdil kien uffiċjali. Minkejja dan, il-messaġġ huwa tajjeb u pożittiv. Attraenti, kemm fis-sinifikat tiegħu u anke fid-dehra. Naturalment jekk il-messaġġ hux b'saħħtu biżżejjed u jekk hux qed ikun ipprattikat (l-għaqda) hija kwistjoni oħra. X'kien l-ewwel messaġġ tal- kampanja nhar it-Tnejn li għadda? L-ewwel messaġġ ta' Adrian Delia ngħata nhar it-Tnejn waqt Kunsill li laqqa' l-kandidati kollha li tefgħu isimhom mal-lista tal-PN. Bħalm'għamel fl-aħħar żmien, Delia reġa' ffoka ħafna fuq ix-xogħol u dawk li mhumiex qed igawdu mill-ġid li qed jinħoloq fil-pajjiż. Dan ikompli jsostni d-dehra ta' Delia bħala politiku 'qrib in-nies'. Huwa jibda billi jirringrazzjahom talli tefgħu isimhom 'mhux għall-kap' imma għall-pajjiż. Dan juri illi Delia, konxju tal-fatt illi hemm sezzjoni ta' Nazzjonalisti li ma jagħtuhx appoġġ, qed jipprova jiddistakka lilu nnifsu miċ-ċentru tal-kampanja, fi kliem ieħor biex il-kampanja ma ddurx madwaru biss. Dan fil-fatt jaqbel ħafna għall-PN. Jaqbel għall-PN li dan idawwar aktar din it-tiġrija għal waħda bejn kandidati ta' partit u ieħor u b'hekk ikun jista' jassigura l-voti ta' dik is-sezzjoni kbira ta' nies li lesti jivvutaw bil-qalb lil David Casa, Roberta Metsola u/jew Francis Dimech u li lilu ma jridux, mhux lill-PN. Naturalment kontrih hemm magna qawwija u effiċjenti Laburista li se tagħmel minn kollox (u probabbilment se jirnexxilha) biex dik ta' Mejju tkun tellieqa bejn Muscat u Delia, f 'liema każ huwa ċar illi Muscat jirbaħ bil-qawwi. Delia, u dan jixhduh il-billboards ukoll, xorta qed jirriserva parti mill-kampanja għall-korruzzjoni, suġġett tant għal qalb l-eks kap tal-PN Simon Busuttil. Delia jaf illi dawk li għalihom il-PN għandu jibqa' jiġġieled il-korruzzjoni qabel kull ħaġa oħra, lilu ma tantx jarawh f 'dawl sabiħ. Fortunatament għall-Partit Laburista, bosta Nazzjonalisti waqgħu fin-nassa tiegħu li jpinġi l-korruzzjoni bħala xi ħaġa li m'għandniex niddiskutu għax tkun 'negattiv'. Tant hu hekk li għax il- PN tella' billboard dwar il-korruzzjoni, kienu attivisti tiegħu stess li qalu illi l-partit kien qed ikun "negattiv." Dan ifisser illi fuq naħa jekk jitkellem biss fuq il-korruzzjoni se jkun hemm min jgħid li huwa 'bħal Simon' u qed imexxi strateġija telliefa u min-naħa l-oħra jekk ma jsemmiha xejn ħafna Nazzjonalisti jgħajruh 'korrott' u li huwa 'fotokopja ta' Joseph Muscat.' Din tal-korruzzjoni fil-fatt hija naqra ta' dilemma għall-PN bħalissa. Naturalment inċidenti bħal-laqgħa ta' Hermann Schiavone u Kristy Debono ma' Yorgen Fenech ma jgħinu assolutament xejn. Ċertezza hija li, jgħid x'jgħid il-Labour, mingħajr is-segwaċi ta' Daphne Caruana Galizia u votanti li għandhom linja ta' ħsieb bħal Manuel Delia, il-PN l-art jibqa' u jitlef bil-qawwi. Qisek qed tgħid il-Labour mingħajr il-Mintoffjani. Hawnhekk ukoll jidher li l-PN bela' l-lixka Laburista. Fil-fatt ħafna qrib it- tmexxija qed jagħtu lil din is-sezzjoni ta' Nazzjonalisti l-ġenb. Kif se jara f 'Mejju l-PN, dan se jkun għad-detriment tiegħu u għall-ġid tal-Labour (ironikament li qed itih il-parir) Tkellem dwar l-ambjent? X'qal? L-ambjent huwa suġġett li ma jrebbaħx elezzjonijiet, iżda l-kuxjenza qed tikber, speċjalment hekk kif it-tkabbir qawwi ħafna fl-industrija tal-kostruzzjoni qed twassal għal krejnijiet prattikament kullimkien u inkonvenjent. Delia semma' l-ambjent diversi drabi u qal illi dan qed "jiġġarraf " kif jgħid li qed tiġġarraf id-demokrazija f 'pajjiżna. Jgħid ukoll li qed ikun "ikkalpestat". Il-problema ta' Delia fuq dan is-suġġett hija l-ewwel nett il-PN għandu rekord ambjentali dubjuż. Huwa veru illi qabad artijiet sħaħ u tahom protezzjoni u li żied l-afforestazzjoni, imma mbagħad qabad biċċiet ta' art kbar ukoll u f 'eżerċizzju ta' razzjonalizzazzjoni tefagħhom għall-iżvilupp. Din id- deċiżjoni għadna qed inħossu l-frott tagħha llum. Dan apparti l-għażla tal- Heavy Fuel Oil u n-nuqqas ta' azzjoni fuq il-konservazzjoni tal-ilma. It-tieni nett, il-PN taħt Delia mhux ċar dwar ir-relazzjoni li għandu jew irid ikollu mal-kuntratturi. Ir-relazzjoni tal-PL mal-kuntratturi u speċjalment mal- persuna li tirrappreżentahom (Sandro Chetuti) nafu kemm hi qrib. Il-PN x'se joffri differenti? Kif se jaċċerta li ma jkunx Gvern perċeput li qed jiddependi fuq l-appoġġ tal-kuntratturi? Jiġifieri għalkemm viċin ir-realtà, dawk li se jivvutaw bl-ambjent fuq moħħhom bħala prijorità se jippreferu li jersqu lejn l-Alternattiva Demokratika jew lejn kandidati bħal Cami Appelgren (PD) milli lejn Delia. U l-barranin kemm tahom importanza? Kuntrarjament għal diskorsi oħrajn dak tal-ftuħ tal-kampanja kien pjuttost qasir u allura Delia miss ma' kull suġġett b'mod qasir għal ftit. L-emfasi fuq il-popolazzjoni ma kienx daqs diskorsi oħrajn għalkemm Delia baqa' konsistenti dwar is-suġġett. Il-Kap tal-PN baqa' jorbot iż-żieda fil- popolazzjoni man-nuqqas ta' ppjanar. Dan l-angolu jagħmel sens, speċjalment fid-dawl ta' ffullar eseġerat fit-trasport pubbliku f 'ċerti żoni, problema ta' ħmieġ u anke sfidi infrastrutturali. Il-problema dwar il-barranin hija din; il-Partit Laburista taħt l-għajjat tal- kożmopolitaniżmu lanqas biss jidher li qed jirrikonoxxi din il-problema, l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku kważi l-stess u l-Partit Nazzjonalista filwaqt li qed jitkellem dwarha, mhux qed joffri soluzzjonijiet. Li allura jispjega kif minkejja stqarrijiet xokkanti dwar persuni b'diżabilità u r-razziżmu, bosta nies qed jersqu lejn partiti bħal dak ta' Norman Lowell. Dan jista' jfisser allura illi ħafna minn dawk li qed jaqblu ma' Delia dwar in-nuqqas ta' pjan relatat mat-tkabbir fil- popolazzjoni, jew xorta se jivvutaw lil-Labour jew inkella se jivvutaw lill- Imperium Europa/ Moviment Patrijotti Maltin. Liema kien l-aqwa mument tal- kampanja tal- PN fl-ewwel sigħat? Fl-ewwel sigħat l-aqwa mument tal-PN jew ta' Delia kien meta dan qal x'inhu l-messaġġ tal-partit. Fil-fatt, politikament il-messaġġ, "aħna ma rridux inwaqqgħu/inneħħu l-Gvern, imma..." jagħmel sens u jappella għal dawk li forsi qed jiddejqu b'ċerti attitudni jew episodji taħt dan il-Gvern imma xorta jippreferu lilu mill-PN. Ixxerred l-idea perikoluża għal Muscat li 'u iva mhux xorta, il-Labour se jibqa' fil-Gvern.' Il-ftuħ tal-kampanja ma kienx ħażin għalkemm xi ftit jew wisq nieqes mill- entużjażmu tal-folol li forsi l-PN se jħalli għal aktar tard. X'kien l-agħar mument tal- kampanja tal-PN fl-ewwel sigħat? Iktar minn mument, l-agħar aspett kien dak organizzattiv. Għal xi raġuni l-attività tal-ftuħ ma kinitx ikkomunikata lill-midja sa ftit qabel ma fil-fatt saret. Dak il-famuż żball ortografiku, iktar milli aspett serju tal-kampanja juri nuqqas ta' attenzjoni. Wieħed jista' jaraha bħala xi ħaġa żgħira u ta' ftit konsengwenza imma meta sar żball fuq billboard tal-Presidenza Maltija tal-UE, kien qed jintbagħat l-istess messaġġ: nuqqas ta' esperjenza u/jew nuqqas ta' professjonalità. Il-PN jeħtieġ joqgħod ferm attent li ma jħallix żbalji żgħar bħal dawn jitfgħu d-duħħan fuq il-messaġġ tiegħu u fil- proċess jagħti l-istikka metaforika biex l-għadu (il-PL) isawtu biha. X'se tkun l-akbar sfida tal-PN? Bdejna billi għidna illi l-PN huwa underdog. Nagħlqu billi ngħidu li dan ifisser illi l-Partit Nazzjonalista għandu sfidi kbar biex imur tajjeb u ġganteski biex jirbaħ. L-akbar sfida tal-PN iżda se tibqa' Joseph Muscat u kif Adrian Delia se jipproġetta lilu nnifsu, kif se jwieġeb u kemm se jkun minn fuq fid- dibatitti li mistenni jkollu ma' Muscat. Minkejja li ċ-ċans li tirriżulta f 'rebħa huwa ċkejken, jekk Delia jirnexxilu jagħti prestazzjoni tajba jew tajba ħafna f 'dawn id-dibattiti jidħol fiċ-ċans li jibda realment inaqqar mill-vot Laburista. Jekk jagħti prestazzjoni ħażina jkun qed iqawwi l-perċezzjoni diġà popolari li ma' Joseph Muscat ma jlaħħaqx u li miegħu m'għandux ċans. (Il-gazzetta ILLUM se tkun qed tippubblika analiżi, ċifri u opinjonijiet matul il-Ħdud kollha li se jwassluna għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.) u anke sfidi infrastrutturali. Il-problema dwar il-barranin hija din; il-Partit Laburista taħt l-għajjat tal- kożmopolitaniżmu lanqas biss jidher li qed jirrikonoxxi din il-problema, l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku kważi l-stess u l-Partit Nazzjonalista filwaqt li qed jitkellem dwarha, mhux qed joffri soluzzjonijiet. Li allura jispjega kif minkejja stqarrijiet xokkanti dwar b'diżabilità u r-razziżmu, bosta nies qed jersqu lejn partiti Norman Lowell. Dan jista' jfisser allura illi ħafna minn dawk li qed jaqblu ma' Delia dwar in-nuqqas ta' pjan relatat mat-tkabbir fil- popolazzjoni, jew xorta se jivvutaw lil-Labour jew inkella se jivvutaw lill- Imperium Europa/ Moviment Patrijotti Liema kien l-aqwa mument tal- kampanja tal- PN fl-ewwel L-akbar sfida tal-PN iżda se tibqa' Joseph Muscat u kif Adrian Delia se jipproġetta lilu nnifsu, kif se jwieġeb u kemm se jkun minn fuq fid- dibatitti li mistenni jkollu ma' Muscat. Minkejja li ċ-ċans li tirriżulta f 'rebħa huwa ċkejken, jekk Delia jirnexxilu jagħti prestazzjoni tajba jew tajba ħafna f 'dawn id-dibattiti jidħol fiċ-ċans li jibda realment inaqqar mill-vot Laburista. Jekk jagħti prestazzjoni ħażina jkun qed iqawwi l-perċezzjoni diġà popolari li ma' Joseph Muscat ma jlaħħaqx u li miegħu m'għandux ċans. (Il-gazzetta ILLUM se tkun qed tippubblika analiżi, ċifri u opinjonijiet matul il-Ħdud kollha li se jwassluna għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.) Delia jindirizza l-ewwel attività tal- Partit Nazzjonalista