Illum previous editions

ILLUM 28 April 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1110340

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 28 ta' April 2019 Rakkont 20 U ommi kienet reġgħet iżżewġet. L- ewwel darba li kont rajtu, kont kważi ggustajtu kemm dam jitbissimli. Imma l-ħsieb li dan ma kienx missieri, kien qiegħed il-ħin kollu jberren f 'moħħi. Kont ħbejt ir-ritratti ta' missieri taħt l-imħadda, u qabel norqod kont noqgħod inħares lejh u nitlob għalih. "Imma Gaetan mhux il- papà," kont għidtilha, darba fost l-oħrajn lil ommi. "Għax ħallejtu jneħħi r-ritratti kollha li kellna mal-ħajt?" "Għax issa ser nibdew ħajja ġdida," kienet weġbitni minn taħt, għattietni bil-kutra u ħarset lejja bi tbissima għajjiena. U dak il-ħin, għalkemm jiena kont għadni daqsxejn ta' tifel ta' ħames snin, kont indunajt li f 'għajnejn ommi kienet inbidlet xi ħaġa. Qabel kont nara għajnejha jleqqu fid-dlam, dejjem jgħumu fid-dmugħ... dejjem. U meta kont insemmilha lil papà, kienet tigdem xoffitha t'isfel u tgħannaqni ħafna kważi sa xħin taqtagħli nifsi. Imma minn meta żżewġet, minn meta kien ġie jgħix magħna Gaetan, kienet saret mod ieħor. Kont nara biża'. Biża' u tensjoni. Donnha kienet saret tibża' minni. Tibża' tgħannaqni quddiem Gaetan. U tibża' tħobbni. Ma konniex għadna nilagħbu flimkien u nidħqu bħal meta kien għadu ħaj l-għażiż missieri! M'għandniex xi ngħidu, Gaetan kien raġel kbir, m'għola hawn! Kellu dahar ta' bagħal u par idejn kbar li qatt ma kont rajt bħalhom. Qatt ma kont tarah jitbissem. Kont bdejt naħseb li dik l-ewwel darba li kien rani, kien tbissimli b'mod sfurzat. U kollox kien inbidel minn dakinhar li waslu r-riżultati tal-iskola d-dar bil-posta. Jiena kont qiegħed fis-sular ta' fuq, eżatt malli wasal il- pustier. Smajt xi passi minn isfel, envelop jinfetaħ u xi għajjat. Ma stajtx nifhem eżatt x'kien qed jiġri, iżda ftit wara, hekk kif kont qed inħares barra mit-tieqa ta' kamarti, rajt lil Gaetan dieħel fil- kamra. F'idejh kellu r-riżultati tiegħi. Qalbi għamlet tikk. Wiċċu kien ruxxan u donnu kien qed jieħu nifsijiet mhux normali! "Int jaqaw m'int kapaċi għal xejn?" staqsieni. Lanqas kont fhimtu. Bejn l-għajjat li beda ħiereġ minn ħalqu u l-fatt li ġie fuqi u beda jsawwatni kif ġie ġie u fejn laqat laqat, bdejt nifhem li kont ġibt marki ħżiena! Hekk kif kont qed nipprotesta, kważi nipprova nimbottah ħalli ma jsawwatnix, rajt lil ommi mill-ġenb ta' għajnejja, tħares lejna mill-bieb. Iċċassata. Ma tagħmilx mossa waħda biex taqbeż għalija! "Mhux ovvja li nġib marki ħżiena!" ridt ngħidlu. "L-aħħar sena kont għaddejtha l-isptar ħdejn missieri! Mela jien kont qed immur skola!" Ħassejt il-ġilda ta' dahri tfaqqa' bl-uġigħ hekk kif tani l-aħħar daqqa li tefgħetni mal-art. Waddabli r-riżultati fuqi, qabad idejn ommi u telqu 'l barra. Il-bieb ta' kamarti ngħalaq warajhom. "Maa..." bdejt ngħajjat bilmod għax ma tantx kien fadalli saħħa. Iżda ommi dakinhar lanqas ġiet ħdejja. Ħallewni hemm mal-art ġurnata sħiħa. U xħin qomt filgħodu, ħassejt għadmi kollha juġgħuni, bejn minħabba d-daqqiet u wkoll minħabba l-fatt li kont irqadt mal-art. Imma dik kienet il-bidu ta' sensiela ta' abbuż sfrenat fuqi. Gaetan ma kienx iħobbni! Propjament, ma kienx jaħmilni! U ommi ma kienet qiegħda tagħmel xejn biex taqbeż għalija. "Il-paà qatt ma kien isawwatni!" kont għidtlu darba minnhom, hekk kif kien ħareġ iċ-ċintorin u beda jurihuli bi tbissima li kienet iġġagħlni nħossni ser nirremetti. "Issa mhux qiegħed hawn! Issa hawn jien! U trid tisma' minni!" kien qalli jheżżeż snienu. U kont qed inħossni ser niġġennen. L-iskola kont inkun bilqiegħda fuq il-bank, bl-għalliema titkellem fuq xi suġġett partikolari u jien inħares barra lejn il-ġnien tal-iskola, naħseb xi stajt nagħmel. Kont nismagħhom jgħidu li tista' ċċempel xi numru. Tagħmel rapport. Imma kont nibża'...kont nibża' li tiġri xi ħaġa lil ommi. Tgħid ma kontx ser inħallih waħdu ma' ommi? U mbagħad jekk jibda jagħmel hekk lilha? Imma dakinhar, hekk malli kont qed inħares lejn il-ġnien, b'wieħed minn sħabi jaqra minn fuq pitazz, rajt farfett b'par ġwienaħ ikkuluriti qed itir minn fuq fjura għal oħra. "Nitlaq..." għidt minn taħt l-ilsien u missejt l-għaksa ta' saqajja li kellha ferita qiegħda tnixxi mid-daqqiet li kien tani Gaetan il-lejl ta' qabel, wara li kien legleg xi erba' tazzi nbid. U hekk għamilt. Flok mort għall-vann li kienet ta' kuljum teħodni d-dar wara l-iskola, erħejtilha lejn it-triq. Imxejt. Imxejt u mxejt. U qisni wasalt f 'raħal ieħor. Post fejn qatt ma kont mort qabel. Imma ma tantx domt hemm. Ġiet karozza blu bil-griż, b'żewġt irġiel lebsin uniformi skura, li ħaduni magħhom fil-karozza! Għalkemm qatt ma kont tajt kas qabel, indunajt li dawn kienu pulizija. Malli wasalna quddiem id-dar, bdejt nipprova ngħidilhom li Gaetan kien kattiv, iżda l-kliem lanqas biss setgħu joħorġu minn bejn xufftejja! Kont qed nirtogħod u ħassejt l-ħwejjeġ imxarrbin taħti! Kont għamilt taħti bil- biża'! "Hawn terġa' tiġi!" kien qalli Gaetan, b'nofs tbissima sarkastika, hekk kif tellagħni fil-kamra tiegħi. Dik ix-xebgħa li kien tani dakinhar, ma ninsieha qatt. Kien qabadni mix-xagħar ta' rasi u beda jferfirni fl-arja qisni xi pupazz bla ħajja. Ħassejt għadmi jitfarrak hekk kif tefagħni lejn il-ħajt. Wara li kien lesta minni, rani kollni daqqiet, b'għajnejja mberrqin u mifuħin bl-uġigħ, mixħut mal-art bla saħħa, tbissem, mesaħ moħħu, tfewwaq u telaq 'il barra. Smajt iċ-ċavetta ddur fil-lokk tal-bieb u ndunajt li kien sakkarni ġewwa. Domt hemm erbat ijiem. Ma stajtx niċċaqlaq. Ma stajtx inqum. U ommi lanqas biss kienet ġiet tarani. Wara erbat ijiem, tant bdiet tgerger żaqqi, li kont qomt bilwieqfa bi tbatija u bdejt inħabbat bilmod ħalli jiftħuli. Kienet ġiet tiftaħli ommi, ħaslitni mill-awrina li kelli ma' saqajja u tatni ftit ikel li bilkemm flaħt inniżżlu. "Għalfejn Gaetan ma jħobbnix?" kont staqsejtha. Kont naf li ma kienx qiegħed hemm. "Inti tifel kattiv, Kevin..." kienet qaltli ommi, lanqas biss tħares lejja. Lanqas flaħt inweġibha. Bdejt nibki minn taħt. Kien dawwarha kontrija. Ommi ma kinitx għadha żżomm miegħi! Kienet għaddiet ġimgħa. Kont għadni xi ftit muġugħ u nzappap kemm kemm. Kont qiegħed id-dar nilgħab logħba f 'kamarti, xħin il-bieb infetaħ beraħ. U rajtu. Gaetan. Mingħajr ebda kliem, ġie qabad itini bl-addoċċ! Tgħid għax kont ftaħt qalbi mal-għalliema tal-iskola li staqsietni minn fejn kien ġie t-tbenġil? Ħassejtu jsabbatni u jgħaffiġni. Ħassejt saħħti titlaq minn ġo ġismi. Lanqas flaħt nieħu nifs. Imteddejt mal-art u ħallejtu jkompli jtini, fil-ġenb t'għajnejja, nara lil ommi tħares lejna mill-bieb. U ma ħassejt xejn iżjed. Il-ġisem ċkejken bla ħajja ta' Kevin Balzan kien intelaq mal-art għalkollox. Ħassejtni liberu. Kont ħlist minnu. Għadda ż-żmien. Rajt id-dawl. Għadda aktar żmien. U mbagħad ħassejtni qiegħed f 'qisu dlam u erġajt ġejt fid-dawl. Bexxaqt kemm kemm għajnejja u ftaħthom beraħ kif stajt. Kont qiegħed f 'kamra. Kamra mdawla. Fil-bidu, id- dawl beda jdejjaqli għajnejja. Iżda mbagħad il-vista bdiet toqgħodli. U stajt nara sew. Quddiemi rajt mara u raġel familjari li kienu qegħdin iħarsu lejja u jitbissmuli. "Għandkom tarbija maskili b'saħħitha!" qal leħen minn warajja li kien qed iżommni b'mod tassew delikat. Dawwart ħarsti lejh u rajtu liebes kollox abjad. U dak il-ħin, dawwart ħarsti, żebbiġt għajnejja ħalli nara aħjar dawk iż-żewġ persuni li kienu qegħdin quddiemi n-naħa l-oħra. "Hawn terġa' tiġi!" qalli r-raġel li kien quddiemi, b'dak il-leħen familjari, iżomm idejn il-mara li kienet ommi! U bdejt nibki. Sharon Calleja Hawn terġa' tiġi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 28 April 2019