Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1148953
illum | Il-Ħadd 28 ta' Lulju 2019 16 Opinjoni Li ma nagħtux soluzzjoni għalina mhix għażla I s-Central Link Project huwa parti integrali u essenzjali mill-ħidma kontinwa li qegħdin inwettqu biex intejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas- sistema tat-toroq f 'pajjiżna. Kif għamilna f 'din l-aħħar sena li ilna naħdmu fuqu biex wassalnieh fejn hu llum, xorta nibqgħu disposti li niddiskutu ma' kull min għad għandu tħassib ġenwin biex jekk hemm lok li nkomplu ntejbu l-proġett dan nagħmluh. Biss, m'aħniex lesti li naħslu jdejna mir-responsabbilitajiet tagħna billi nħallu l-proġett fuq l-ixkaffa u ma nagħtux soluzzjoni. Għalina, l-għażla li nħallu kollox kif inhu u ma jsir xejn ma teżistix. Il-pjanti ta' dan il-proġett li issa huma approvati mill- Awtorità tal-Ippjanar jibnu fuq pjanti li tfasslu snin ilu, u li fl-2006 ġew ikkonfermati fil-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta' Malta, bħala proġett ewlieni biex jittaffew diffikultajiet kbar ta' tniġġis tal-arja, storbju u perikli fit-toroq fil-qalba ta' Ħ'Attard. Il-pjanti oriġinali kienu jinkludu bypass ġdida ta' erba' jew sitt korsiji li kienet se ssir kollha kemm hi fuq art agrikola. Is-Central Link Project iddisinjajnieh b'mod differenti biex din it-triq ġdida ċekkinnieha għal żewġ korsiji u b'hekk naqqasna l-impatt ambjentali drastikament, tant li salvajna 57% tal-art agrikola li kienet se tittieħed oriġinarjament kieku sar il-proġett li kien ġie ppjanat 13-il sena ilu għall-istess żona. Aktar minn hekk, bit-tibdil li għamilna mhux talli ma kkompromettejniex il-benefiċċji tal-proġett iżda żidnihom u dawn se jkunu mhux biss għal Ħ'Attard, imma għar-rotta sħiħa bejn il-bypass tal-Imrieħel u r-roundabout fil-bidu tat- Telgħa tas-Saqqajja, fl-inħawi ta' Ta' Qali. B'hekk se tkun qed titjieb rotta ta' toroq arterjali ferm itwal u li ttejjeb l-ivvjaġġar għal ħafna aktar lokalitajiet. Central Link Project jikkonsisti fil-bini mill-ġdid ta' diversi toroq ewlenin fiċ-ċentru tal-pajjiż, biex jonqos bin-nofs il-ħin tal- ivvjaġġar fir-rotta ewlenija bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ'Attard, Ta' Qali, Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u l-Mosta, waqt li titjieb il-kwalità tal-arja fl-inħawi residenzjali ta' dawn il- lokalitajiet. Il-proġett jinkludi disinn u bini mill-ġdid ta' din ir-rotta ta' 4.3 kilometri biex fiha jiżdiedu madwar 7.4 kilometri ta' korsiji ġodda, titjieb l-effiċjenza u s-sigurtà ta' 13-il junction f 'dawn it-toroq, waqt li jitneħħew erba' sistemi ta' traffic lights li bħalissa qed jikkawżaw diffikultajiet fl-ivvjaġġar f 'dawn l-inħawi li minnhom ta' kuljum jivvjaġġaw madwar 30,000 persuna. L-istudji xjentifiċi li saru bi tħejjija għal dan il-proġett ikkonfermaw li jekk ma tinbidilx l-infrastruttura preżenti, il-problemi li qed jolqtu lil dawn l-eluf ta' persuni se jkomplu sejrin għall-agħar. Fil-fatt, l-istudji juru li jekk nibqgħu bit-toroq kif inhuma bħalissa, fl-2030 biex tasal mill-Imrieħel sa Ta' Qali ddum sagħtejn u kwart litteralment iġġamjat fit-traffiku, b'veloċità ta' 1.83km fis-siegħa. Fuq kollox dawn l-istudji juru li permezz ta' Central Link Project, il-ħin tal-ivvjaġġar verament se jonqos bin-nofs, anke meta tqis żidiet fid- domanda għat-trasport li jista' jkun hemm fil-futur. Bl-istess mod l-istudju dwar il-kwalità tal-arja, li huwa bbażat fuq monitoraġġ tal- arja li sar is-sena li għaddiet f 'diversi nħawi matul ir-rotta, juri l-effetti ħżiena li din il-konġestjoni severa tħalli fl-arja tal-madwar. Kieku l-proġett ma jsirx, it-trab iswed fl-arja, inkluż f 'Ħ'Attard u Ħal Balzan, ikompli jiżdied sa 278% aktar milli hemm illum sas-sena 2030. It-trab iswed u d-dijossidu tan- nitroġenu huma l-akbar żewġ sorsi ta' tniġġis ikkaġunat mill-emissjonijiet tal-karozzi. Bis-Central Link Project tkun eliminata l-konġestjoni ta' bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi u dan iwassal għal tnaqqis ta' 66% trab iswed u 41% dijossidju tan-nitroġenu. Permezz tat-tibdil li saru wara diskussjonijiet li għamilna, il-proġett issa għandu wkoll rotta ta' 7.6 kilometri ta' korsiji ġodda għar-roti li tgħaqqad diversi lokalitajiet f 'dawn l-inħawi. Dan ifisser madwar 280% aktar minn kemm kien hemm fil-pjanti oriġinali. B'hekk ser ikun ferm aktar faċli biex tivvjaġġa bir-rota b'mod sikur f 'din ir-rotta ewlenija. Żdiedu wkoll żewġ mini taħt il-livell tat-triq, waħda ħdejn il-Malta Financial Services Authority u l-oħra aktar 'il fuq f 'Ħ'Attard, biex iċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jkunu jistgħu jaqsmu t-toroq mingħajr periklu. Dawn ser jiżdiedu ma' 10.7 kilometri ta' bankini u passaġġi ġodda għall-mixi li wkoll fassalna bħala parti mill-proġett, flimkien ma' faċilitajiet oħrajn biex aktar persuni jivvjaġġaw bir-roti jew bil-mixi. L-istudji ambjentali dwar il-proġett ixejnu wkoll l-ineżattezzi li qed jintqalu dwar is-siġar. Ibda biex dawn jikkonfermaw iswed fuq l-abjad li s-siġar taż-żnuber fi Triq l-Imdina, bejn il-Kappella tal-Vitorja u r-roundabout fil- bidu tat-Telgħa tas-Saqqajja, mhux se jintmessu. Se jkun hemm bżonn jinqalgħu biss tliet siġriet minn mijiet li hemm f 'din il- parti tat-triq. Bħala parti mill- kontribut ambjentali ta' dan il-proġett, mhux talli fassalna l-proġett b'mod li r-ringieli taż-żnuber jinżammu, iżda saħansitra se nżidu 125 siġra oħra taż-żnuber u 75 siġra tar-rand fl-istess parti tat-triq. Dawn se jitħawlu mal-ġenb tal-korsiji l-ġodda li se jsiru biswit it-triq eżistenti. B'hekk, din il-parti ta' Triq l-Imdina se jkollha tliet ringieli ta' siġar taż-żnuber meta jkun lest il- proġett. Lanqas huwa veru li se jintmessu s-siġar tat-Telgħa tas-Saqqajja. Fil-fatt, din it- triq lanqas biss hija inkluża fis-Central Link Project. Għax ix-xogħlijiet se jieqfu fir- roundabout qabel tibda din it-telgħa. Meta jqisu l-impatt tal-proġett sħiħ, fir-rotta kollha bejn l-Imrieħel u Ta' Qali, l-istudji jikkonfermaw li minkejja jeħtieġ jitneħħew xi siġar, fl-aħħar mill-aħħar, meta l-proġett ikun lest, se jkollu impatt pożittiv għaliex f 'dawn il-lokalitajiet se jkun hemm aktar siġar milli hemm illum. B'kollox, jeħtieġ jitneħħew 439 siġra u mhux aktar minn sitt mija kif intqal. Minn dawn, 67 biss huma siġar protetti. Mis-siġar li se jinqalgħu, 185 se jitħawlu mill-ġdid fl-istess żona tal-proġett, taħt il-gwida ta' arboristi u xjentisti oħra f 'dan il-qasam. Se nkunu qed inħawlu minn tal-inqas 539 siġra indiġena f 'din iż-żona biex jagħmlu tajjeb għal dawk li se jinqalgħu u ma jerġgħux jitħawlu. B'hekk, meta jitlesta l-proġett, f 'din iż-żona se jkun hemm 285 aktar siġar milli hemm illum. Se nkomplu nagħmlu tajjeb għas-siġar li se jitneħħew billi f 'postijiet oħra madwar Malta, ser jitħawlu mijiet ta' siġar oħrajn. U dawn is-siġar mhux se jkunu żgħar, iżda siġar li jkunu diġà mkabbrin, tant li l-kuntratt tal-proġett jitlob li dawn is-siġar ġodda jkunu madwar erba' metri twal. Fl-istess waqt, ser nidħlu fi ftehim mal-kuntratturi biex is- siġar ġodda mhux biss jitħawlu iżda jibqgħu jingħataw l-attenzjoni u t-tisqija meħtieġa għal diversi snin, sabiex jiġi aċċertat li jkunu qabdu sew u integraw fil-post b'mod naturali. Jekk is-siġar ġodda għal xi raġuni jew oħra jmutu, jiġu mibdulin b'oħrajn bħalhom mill-ewwel. Intenni li l-bibien tagħna huma miftuħin biex inkomplu niddiskutu u nisimgħu ħalli jekk hemm possibbiltà li xi ħadd joħroġ b'suġġeriment kif nistgħu ntejbu aktar il- benefiċċji tas-Central Link Project ovvjament li nilqgħuh u nwettquh. Imma daqstant ieħor aħna determinati li dan il-proġett nimplimentawh, għax kif jixhdu l-istudji li saru dan huwa l-aktar soluzzjoni effettiva u sostenibbli, u l-pjan kif propost minna ġie identifikat bħala l-aħjar għażla kemm biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-ajra kif ukoll biex jitnaqqas il-ħin tal- ivvjaġġar. Frederick Azzopardi huwa CEO ta' Infrastructure Malta FREDERICK AZZOPARDI