Illum previous editions

ILLUM 28 July 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1148953

Contents of this Issue

Navigation

Page 2 of 31

3 Il-Ħadd 28 ta' Lulju 2019 | illum Aħbarijiet Minn Albert Gauci Cunningham IL-BANK Ċentrali f 'risposta għall-artiklu li deher fuq din il-gazzetta il-Ħadd li għadda ammetta illi b'direttiva magħmula minnu, se jkun hemm ammont ta' nies, li jistgħu jieħdu self illum u li mhux se jibqgħu eliġibbli minħabba direttiva tiegħu li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju. Minkejja dan ċaħad illi dan il-persentaġġ jaf jitla' sa 40%, kif sostna sors li jmexxi fergħa ta' bank f 'pajjiżna, ma' din il-gazzetta. Il-Bank Ċentrali sostna illi b'din id-direttiva se jintlaqtu biss 2.7% ta' dawk li se jmorru jixtru l-ewwel proprjetà filwaqt li 13.2% ta' dawk li llum kapaċi jieħdu self fuq it-tieni dar jew aktar, mhux se jkunu jistgħu jagħmlu dan aktar. Filwaqt li reġa' fakkar illi dawk li se jixtru proprjetà l-ewwel darba (jew li se jixtru proprjetà meta l-ewwel hija kollha mħallsa) ikunu eżenti jekk il-proprjetà tiswa inqas mnn €175,000, xi ħaġa msemmija fl-artiklu, kompla jgħid li din id-direttiva tippermetti wkoll lill-banek lokali sabiex 10% tal-klijenti tagħhom li qed jissellfu biex jixtru r-residenza prinċipali tagħhom, jista' jingħatalhom self b'depożitu ta' inqas minn 10%. Dwar il-1.5% iktar li se jiżdiedu mal-kalkolu tal-interessi meta xi ħadd jixtri post il-bank Ċentrali enfasizza li l-banek diġà kellhom il- kriterji tagħhom ta' kif isellfu, "u l-iskop ta' din id-direttiva hu wkoll li jiġu stabbiliti numru ta' kriterji minimi li japplikaw bl-istess mod għall- banek kollha." "Din id-direttiva tal-Bank Ċentrali mhix intiża biss biex tipproteġi lill-banek minn self li ma jitħallasx lura, iżda hi wkoll intiża sabiex tħares l-interess ta' min jissellef billi tiżgura li dawn ma jkollhomx piż tqil iżżejjed ta' pagamenti li ma jifilħux iħallsu, anki fl-eventwalità li r-rati tal- imgħax li jitħallsu fuq dan it-tip ta' self jitilgħu sa 1.5%," sostna l-Bank Ċentrali. Dan il-punt ukoll kien imsemmi fl-artiklu. Il-Bank Ċentrali wera d-diżappunt tiegħu illi ma sarx kuntatt minn din il-gazzetta minkejja li d-Deputat Gvernatur qal lill-gazzetta illi kien jinsab disponibbli sabiex jagħti kumment f 'każ ta' ħtieġa. Il-Bank Ċentrali jgħid li huma 2.7% tal-first time buyers u 13.2% li jixtru aktar proprjetà li se jintlaqtu 'Se jkunu 2.7% tal-first time buyers u 13% ta' dawk li jixtru dar oħra li se jintlaqtu' Il-Bank Ċentrali jikkonferma li se jintlaqtu diversi persuni li jixtiequ jixtru post b'direttiva li ppubblika hu iżda jsostni li dawn se jkunu ħafna inqas mill-40% li semmew sorsi mill-banek Ir-risposta tal-Bank Ċentrali fl-intier tagħha hija din: Il-Bank Ċentrali ta' Malta jixtieq jesprimi d-diżappunt tiegħu li minkejja d-Deputat Gvernatur kien għamel kuntatt mal-Editur nhar it-Tnejn 15 ta' Lulju 2019 u kien disponibbli sabiex jagħti l-kummenti tiegħu f 'każ ta' ħtieġa ta' kjarifiki dwar id-direttiva li ħareġ il-Bank Ċentrali rigward self mill-banek lokali għal xiri ta' djar, il-ġurnal ILLUM ma talab għall-ebda kumment jew kjarifika mill-Bank Ċentrali. It-titlu tal-artiklu, "Direttiva li se tagħmilhielek aktar diffiċli biex tixtri darek", li deher fil-ħarġa tal-ILLUM tal-21 ta' Lulju 2019, mhuwiex korrett. Id-direttiva tal-Bank Ċentrali teżenta lil dawk kollha li jixtru r-residenza tagħhom meta l-valur tar-residenza huwa ta' €175,000 jew inqas. Barra minn hekk, għal dawk li qed jixtru r-residenza prinċipali tagħhom li tiswa aktar minn €175,000, b'din id-direttiva l-banek lokali se jkunu obbligati li jitolbu lil min qed jissellef biex joħroġ depożitu ta' mill-inqas 10% tal-valur tar-residenza li tkun ser tinxtara, l-istess kif kienet normalment il-prattika tal-banek lokali sa qabel ma ħarġet din id-direttiva. Iżda din id-direttiva tippermetti wkoll lill-banek lokali sabiex 10% tal-klijenti tagħhom li qed jissellfu biex jixtru r-residenza prinċipali tagħhom, jista' jingħatalhom self b'depożitu ta' inqas minn 10%. Din id-direttiva tal-Bank Ċentrali mhix intiża biss biex tipproteġi lill-banek minn self li ma jitħallasx lura, iżda hi wkoll intiża sabiex tħares l-interess ta' min jissellef billi tiżgura li dawn ma jkollhomx piż tqil iżżejjed ta' pagamenti li ma jifilħux iħallsu, anki fl-eventwalità li r-rati tal-imgħax li jitħallsu fuq dan it-tip ta' self jitilgħu sa 1.5% aktar milli huma llum. Tajjeb li wieħed jenfasizza li l-banek diġà kellhom il-kriterji tagħhom ta' kif isellfu, u l-iskop ta' din id-direttiva hu wkoll li jiġu stabbiliti numru ta' kriterji minimi li japplikaw bl-istess mod għall-banek kollha. L-artiklu jagħmel ukoll referenza għal kumment li għaddiet persuna li tmexxi fergħa ta' bank lokali. Skont kif irrappurtat fl-istess artiklu, din il-persuna qalet li 40% tal-applikazzjonijiet ta' self li kienu jgħaddu qabel l-1 ta Lulju, illum ma jgħaddux. Studju li għamel il-Bank Ċentrali, li jkopri t-12-il xahar minn Ottubru tal-2017 sa Settembru tal-2018, juri li bil-miżuri ta' din id-direttiva kienu jintlaqtu 2.7% biss ta' dawk li marru l-bank biex jissellfu sabiex jixtru r-residenza prinċipali tagħhom. Jekk ma' dawn tgħodd lil dawk li marru l-bank biex jissellfu sabiex ikollhom minn tal-inqas żewġ proprjetajiet, in-numru ta' dawk milquta minn din id-direttiva kien jitla' għal 13.2%, li hu ferm 'il bogħod mill-40% li din il-persuna li tmexxi fergħa ta' bank lokali kkwotat. Din il-kjarifika għandha tneħħi kull dubju li seta' nħoloq dwar din id-direttiva tal-Bank Ċentrali li tirrigwardja s-self għal xiri ta' djar.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 28 July 2019