Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1163841
29 Il-Ħadd 8 ta' Settembru 2019 | illum Sports CHANTELLE Grech - plejer żagħżugħa ta' Hibernians kif ukoll tat-tim nazzjonali tan-nisa b'futur mill-isbaħ quddiemha fil-futbol. Kif nibtet fik l-imħabba lejn il- futbol? Naħseb li l-futbol twelidt bih. Kont nilgħab barra fit-triq minn età vera żgħira, imbagħad ingħaqadt mat- tim ta' Bormla tas-subien fejn ħadna l-kampjonat tal-under 11 u minn hemmhekk dħalt mat-tim tal-Hibs fejn għadni hemm sal-lum. X'tikkummenta fuq dan l-istaġun kemm tiegħek personali kif ukoll tat-tim tiegħek sa issa? Fl-aħħar staġun bdejna tajjeb fejn irbaħna s-Super Cup. Iżda mbagħad m'għaddejniex minn żmien tajjeb fejn dan kien evidenti għal kulħadd biex jara. Nemmen li kien perjodu li kulħadd jista' jgħaddi minnu. Però, it-tim tagħna ma jaqta' qalbu qatt, dejjem nibqgħu naħdmu u nemmnu. Personalment bħala plejer jien nagħmel parti mit-tim tal-Hibs u niġi affettwata eżatt bħat-tim. Ma narax lili personali iżda narani bħala parti minn grupp ta' plejers. Kif tirribatti għall-kritika li ssir minn bosta persuni mhux biss f 'pajjiżna, li l-futbol huwa biss addattat għall-irġiel u mhux għan- nisa? Aħna t-tfajliet li nagħmlu, nagħmluh minn qalbna għax dan jirrikjedi impenn kbir. Bħala saħħa fiżika, huwa fatt li l-irġiel huma iktar b'saħħitom però aħna man-nisa nilagħbu mhux mal-irġiel. B'hekk l-argument mhux validu fejn tidħol is-saħħa. Bħala talent u abilità, min jifhem fil-futbol jinduna li n-nisa għandna kapaċità li nilagħbu futbol tajjeb u bis-sens. Ovvjament kulħadd jista' jkollu opinjoni, imma naħseb li l-futbol femminili kiber ħafna. X'tikkummenta fuq wieħed mill- imħuħ wara l-qawmien tal-futbol tan-nisa f 'dawn l-aħħar snin f 'pajjiżna, Pierre Brincat? Jien kelli l-privileġġ li nkun taħt il-gwida tal-kowċ Pierre Brincat kemm mat-tim tal-Hibs kif ukoll fin-nazzjonal. Irbaħna ħafna unuri taħtu. Minn qalbi ngħidlu grazzi għax lili żeragħli d-dixxiplina lejn il-futbol u anke r-rispett. Tgħallimt ħafna minnu. Huwa raġel ta' dedikazzjoni kbira. Hemm xi logħbiet memorabbli li jibqgħu mmarkati b'ittri tad-deheb fil-karriera tiegħek sa issa? Iva iktar minn waħda. L-aħħar waħda riċenti kienet ir-rebħ tas- Super Cup. X'tikkummenta fuq l-MFA? Tħoss li din qed tagħmel biżżejjed għall-ġid tal-futbol tan-nisa f 'pajjiżna jew tħoss li tista' tagħmel iktar? Iva nemmen li l-opportunitajiet kibru u saru jieħdu l-futbol tan-nisa iktar b'serjetà. Nemmen ukoll li f 'dak li tagħmel dejjem tista' titjieb iżjed. Tikkunsidra l-possibbiltà li fil-futur tmur tilgħab barra minn Malta? Illum il-ġurnata għalija personali le. Li kieku kien hawn l-opportunitajiet li hawn illum meta kelli età iżgħar, nemmen li iva. Kif jirnexxilek tlaħħaq max-xogħol u mal-futbol? Nagħmel minn kollox biex qatt ma nitlef taħriġ u logħob. Il-futbol kważi jiġi dejjem l-ewwel. Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek? Dejjem nibqa' naħdem biex nitjieb. Nilgħab il-futbol sakemm Alla jagħtini s-saħħa biex nagħmel dan. Tħoss li l-media sportiva f 'pajjiżna tesponi l-futbol tan-nisa biżżejjed, jew tagħmel dan biss waqt tournaments prinċipali, li fihom ikun involut it-tim nazzjonali tan- nisa? Naħseb li tista' tesponi dan l-isport ftit iżjed. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, għaddi messaġġ lil dawk it-tfajliet li qed jinteressahom li jibdew jieħdu bis- serjetà l-futbol, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom biex iħeġġuhom jagħmlu dan. Nemmen li l-futbol jgħallmek u jagħtik forma ta' dixxiplina u serjetà. Il-ġenituri għandhom iħeġġu lit- tfal tagħhom biex joħorġu t-talenti tagħhom. Nemmen ukoll li min ikun irid bis-serjetà l-futbol, it-triq dejjem issibha. 'Il-futbol jgħallmek u jagħtik forma ta' dixxiplina u serjetà' minn Cristian Antony Muscat