Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1163841
Aħbarijiet 10 illum | Il-Ħadd 8 ta' Settembru 2019 Is-sena 1944 fit-Tlitt Ibliet Fabian Mangion ISSĦAB iswed tal-gwerra kien ilu jinġema' fuq is-sema tal-Ewropa sa minn nofs is-snin tletin tas-seklu li għadda. Il-maltempata ħarxa faqqgħet nhar l-1 ta' Settembru 1939, meta l-armata Ġermaniża invadiet il-Polonja, bil-konsegwenza li jumejn wara, l-Ingilterra u Franza daħlu fi gwerra kontra l-Ġermanja Nażista. Għall-bidu, Malta, dak iż-żmien parti mill-Imperu Ingliż, u allura bla ma riedet imdaħħla fil-gwerra, ma sofrietx bumbardamenti għall-fatt li l-Italja ma kinitx għadha ssieħbet fil-konflitt. Iżda xorta waħda dan kien preludju għal żmien tassew imqalleb u ikrah għall- pajjiżna, parikolarment għat-Tlitt Ibliet tal-Kottonera. F'din is-sitwazzjoni ta' inċertezza, meta kien hemm il-biża' kbir li l-gwerra tista' eventwalment tolqot direttament lil Malta, l-Awtoritajiet Ċivili bdew jieħdu passi ta' ħarsien għall-poplu, bit-tħaffir ta' xelters fil-blat samm, u pjani biex f 'każ ta' bżonn issir l-evakwazzjoni tal-abitanti tal-ibliet madwar il-port ta' Malta. Il-gwerra toqrob lejna Il-ġurnata tat-Tnejn, 10 ta' Ġunju 1940 kienet ġurnata fatali għal Malta. Dakinhar, l-Italja daħlet fil-gwerra fuq in-naħa tal-Ġermanja. Is-sinifikat ta' dan deher l-għada stess meta ajruplani Taljani ħabtu għal Malta u attakkaw l-inħawi tal-port, bl-iskop li jfarrku t-tarzna. Il-Kottonera daqet minnufih l-ewwel imrar tal-gwerra. Madanakollu, xi xhur wara, meta rriżulta li l-attakki mill-ajru ma kinux daqstant miċidjali kif kienet il-biża' fil- bidu, u meta l-postijiet tal-kenn kienu żdiedu sew, ħafna nies tal-Kottonera li kienu sabu refuġju f 'irħula oħra, iddeċidew li jerġgħu lura. Magħhom ingħaqdu oħrajn, l-aktar ħaddiema tat-tarzna li, fix-xelters fil-blat, ħassew li kellhom forma qawwija ta' protezzjoni u l-vantaġġ li jkunu qrib il-post tax-xogħol, meta t-trasport kien ristrett ħafna. Is-16 ta' Jannar 1941 u wara Imma dan is-sens ta' trankwillità kważi kważi falza, ma tantx kellu jdum. Lejn tmiem is-sena 1940, fil-Baħar Mediterran seħħew avvenimenti li kellhom riperkussjonijiet koroh fuqna. Il-qawwiet tal-ajru Ġermaniżi issa bdew joperaw minn Sqallija u, f 'konflitt aħrax mal-flotta navali Ingliża, l-Aircraft Carrier HMS Illustrious – meqjus bħala l-aktar bastiment importanti tan-Navy Ingliża - ġie attakkat bla ħniena mill- ajruplani Ġermaniżi tal-Luftwaffe u ġarrab ħsarat kbar. Madanakollu xorta rnexxielu jidħol fil-Port il-Kbir nhar l-10 ta' Jannar fejn sorġa f 'Parlatorio Wharf, taħt Kordin, eżatt eżatt wara s-swar tal-Isla, fejn immedjatament bdew it-tiswijiet fuqu. Kemm dan kien ta' periklu għall-Kottonera deher ftit jiem wara. Il-Ħamis, 16 ta' Jannar 1941, ftit wara s-sagħtejn ta' wara nofsinhar, sar l-ewwel ħbit qawwi fuq l-Illustrious mil-Luftwaffe, il-qawwa tal-ajru Ġermaniża. B'xi mod, il-bastiment ħelisha mill-qirda. Imma mhux hekk it- Tlitt Ibliet! Dakinhar kienet ġurnata ta' luttu. Il-ħajja waqfet ħesrem u t-telfiet imġarrba ħallew feriti li damu snin biex bdew ifiequ. Ħafna djar iġġarrfu u l-Bażilika tal-Isla u l-Kolleġġjata tal- Birgu ġarrbu ħsarat kbar. Agħar minn hekk, f 'dak l-ewwel ħbit qawwi, bosta tilfu ħajjithom u ħafna oħrajn korrew serjament. Għal ġranet sħaħ, l-opra ta' salvataġġ ta' dawk mirduma f 'xi xelter jew taħt it-terrapien, issoktat u saħansitra ġew salvati ħajjiet ta' nies wara li kienu ilhom mirduma anke għal erbat ijiem. Iżda l-biża' ta' aktar attakki ma naqasx diment li l-Illustrious kien għadu sorġut fejn kien. U dan il-biża' ma kienx bla bażi. Nhar il-Ħadd, 19 ta' Jannar, reġa' sar ħbit ieħor qawwi fuq l-Illustrious li kompla żied l-imwiet u r-rovina. Issa, bosta minn dawk li kienu fil- Kottonera, irrealizzaw li hawn ma kienx aktar posthom u, il-biċċa l-kbira minnhom, ħallew kollox u reġgħu lura lejn postijiet oħra għall-kenn. Tassew li xi wħud ma telqu qatt mill-Birgu, mill- Isla u minn Bormla, imma kienu ħafna dawk li issa telqu biex qatt aktar ma reġgħu lura f 'belthom. Kenn għall-istatwi titulari u teżori oħra F'dawn iċ-ċirkostanzi hekk tal-biża', saċerdoti u reliġjużi qalbiena, bħalma kienu l-Kanonku Dun Pawl Galea, l-Arċipriet tal-Birgu, il-Kanonku Dun Manwel Brincat, l-Arċipriet tal-Isla, u l-Kanonku Dun Ġużepp Cassar ta' Bormla, li saħansitra baqgħu mal- parruċċani tagħhom tul il-gwerra, flimkien mal-Kapitli rispettivi tagħhom, u l-prokuraturi tal-fratellanzi, ħassew illi issa tassew kien hemm bżonn immedjat li kulma seta' jinġarr mill-knejjes tagħhom, għandu jitwarrab lejn postijiet li joffru aktar sigurtà. Il-prijorità kienet illi l-akbar teżori li kellhom dawn it-tliet Kolleġġjati, jiġifieri l-istatwa titulari ta' San Lawrenz tal-Birgu, il-Bambina tal-Isla, l-Immakulata Kunċizzjoni ta' Bormla, kif ukoll ix-xbieha mirakoluża ta' Ġesù Redentur tal-Isla li, bi grazzja kbira u xorti tajba, ma kinux ġarrbu ħsarat, jitwarrbu mill-aktar fis. Magħhom kellhom jitneħħew ukoll l-istatwi, pitturi u kulma seta' jiġi mwarrab 'il bogħod mill-periklu. Fis-17 ta' Jannar ix-xbieha ta' Ġesù Redentur ittieħdet fil-Kolleġġjata ta' Sant'Elena f 'Birkirkara, u wara l-blitz tad-19 tax-xahar, sabet kenn hemm ukoll l-istatwa inkurunata ta' Marija Bambina. Wara l-attakk tas-16 ta' Jannar, l-istatwa ta' San Lawrenz, inħarġet mill- knisja, u għall-ewwel ittieħdet fid-dar ta' Lorenzo Gatt, nru. 43, Triq il-Kwartier, il-Birgu stess. Iżda minħabba l-biża' ta' aktar ħbit mill-ajru, fit-23 ta' Jannar 1941, l-istatwa ttieħdet fil-Monasteru ta' San Pietru tas-sorijiet tal-Klawsura ta' San Benedittu fl-Imdina. Fl-24 ta' Jannar ix-xbieha tal- Immakulata Kunċizzjoni flimkien mal-kwadru inkurunat tal-Immakulata ta' Bormla sabu refuġju wkoll fil- Kolleġġjata Elenjana ta' Birkirkara. Festi ċċelebrati fi żmien ta' gwerra Jekk il-festi titulari tal-1940 ġew, b'xi mod, iċċelebrati fil-Kolleġġjati rispettivi tal-Kottonera, fl-1941 dan ma setax isir. Tal-Birgu ċċelebraw il-festa fil-kappella tal-Għassa tal-pulizija li kienet tinsab f 'Couvre Porte u fil- knisja tal-Benedittini fl-Imdina. Fl-4 ta' Settembru, is-Sengleani għamlu kommemorazzjoni tal-20 anniversarju tal-Inkurunazzjoni tal-Bambina fil- Kolleġġjata ta' San Pawl, ir-Rabat, fejn kien hemm bosta Sengleani evakwati. Saret ukoll tifkira żgħira f 'Birkirkara madwar l-istatwa tal-Bambina. Imbagħad, fuq stedina tal-kappillan Dun Manuel Micallef, il-kapitlu ċċelebra l-festa nhar it-8 ta' Settembru fin-Naxxar, fejn it-titular tal-parroċċa huwa wkoll it-Twelid ta' Marija Santissima. F'Diċembru, il-Bormliżi ċċelebraw il-festa f 'Birkirkara. F'1942, il-Vittorjosani ċċelebraw il-festa ta' San Lawrenz fil-Kolleġġjata Il-purċissjoni bl-istatwa ta' Marija Bambina għaddejja mix-xatt tal-Isla f 'Settembru 1944 L-istatwa ta' Marija Bambina għaddejja minn qalb ir-rovini ta' bini mġarraf waqt il-purċissjoni ta' Settembru 1943 Il-pellegrinaġġ bl-istatwa ta' Ġesù Redentur għaddej minn Triq il-Vitorja fl- Isla fi triqtu lejn il-knisja tal-Porto Salvo