Illum previous editions

ILLUM 27 October 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1179882

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

F il-bidu li kienet twieldet, ma tantx kont ħadt pjaċir biha. Qabel, jiena biss kont il-fessuda. L-unika wild. Ommi u missieri ma baqgħux jagħtu kasi daqs qabel malli raw lilha tarbija. Eżatt malli kienet taqbad tibki, erħilhom imorru jiġru jaraw x'riedet mill-ewwel! Mal-iċken ħoss! Mal-iżgħar nifs! U ma kinux għadhom jagħtuni dik l-attenzjoni pronta li kienu jagħtu lili biss qabel ma ġiet hi wkoll fil-familja. Fil-bidu, vera kienet tagħtini fastidju din il-ħaġa. Kont norqod imbikkma. Ommi l-ewwel kienet tiġi tgħatti lili u mbagħad tmur tfissed fiha. U ħdejha kienet iddum aktar. Kienet toqgħod tkantalha u tagħfas fiha. Oħti. Oħti Romaine. Il-pupi tiegħi bdew jagħtuhom lilha wkoll! X'waħda din! Anke l-ġugarelli li ma kontx għadni nilgħab bihom jien! Kollox kien sar jispiċċa għandha! "Dik tiegħi!" kont ngħid lill- mamà. Iżda xorta waħda kienu jagħtuhomlha. U hi kienet qisha pupa ħelwa fil-benniena. Apparti kollox, fil-fond ta' qalbi, tgħidx kemm kont niggustaha! Kienet qisha pupa! Jiena u hi konna eżattament l-oppost ta' xulxin. Filwaqt li jiena kelli xagħri kannella, tagħha kien ġinġer. Jiena kelli għajnejja skuri u tagħha ċari. Xufftejja kienu żgħar żgħar, tagħha mlaħħmin u ħomor nar. Filwaqt li jiena kont daqsxejn smajra, hi kellha karnaġġon abjad u mimlija nemex fuq wiċċha u daharha. U beda għaddej iż-żmien! Kont drajt sew. Ifhem, hi kienet dejjem tiġri warajja. Warajja biss. Illum oħti għandha tlettax-il sena. U nista' ngħidilkom. L-ewwel darba li nnutajt xi ħaġa stramba fiha kienet dik il-ġurnata li aħna konna qegħdin naraw it-televixin waqt li l-ġenituri tagħna kienu ħarġu xi mkien waħedhom. "Il-papà mhux reġa' ġej lura," qabdet u qaltli Romaine, hekk kif niżżlet il-volum tat-televixin. "X'inti tgħid, Romaine?" staqsejtha, konfuża għall-aħħar! "Il-papà mhux reġa' dieħel id- dar. Qatt," qaltli. Ħarist lejha mingħajr ma stajt ngħid kelma oħra. Wiċċha kien serju. Għajnejha kienu ċċassati lejn il-ħajt. U kienet qamet bilwieqfa. Ippruvajt insaqsiha aktar. Imma ma qaltli xejn aktar. Imbagħad kienet reġgħet poġġiet bilqiegħda fuq is-sufan u kompliet tara t-televixin qisha qatt ma kienet qaltli xejn. Lanqas biss kienet għadha għaddiet nofs siegħa. Għadni niftakar qisu lbieraħ. Kien ċempel it-telefon. Instema' leħen aġitat ta' pulizija. Aċċident. Aċċident ikrah tat-traffiku. Ommi kienet weġġgħet gravi. Il-papà... Kien miet fuq il-post. Kont għamilt xi sagħtejn maqfula f 'kamarti, inħares lejn il-ħajt. Ippruvajt nifhem kif oħti kienet setgħet qalet ħaġa bħal dik. Kif seta' biss ikun? Kif setgħet isseħħ ħaġa bħal din? Tgħid oħti għandha talent? Kienet għaddiet sena minn dakinhar. Konna jiena u oħti fi ġnien pubbliku. Jiena kont ħriġt il-kelb magħna u kont qiegħda nieħu gost narah jiġri u jilgħab fil-ġnien. Oħti kienet mixħuta fuq il-ħaxix, tilgħab b'xi petali tal-fjuri, toħloq xi disinn fuq il-ħaxix ħdejha. F'salt wieħed, ħasditni. Qamet bilwieqfa, ħarset lejha, għolliet id waħda u ppuntat lejn xi mkien fejn jiena ma stajtx nara sew. "Hemm raġel ħażin hemmhekk," qaltli b'leħen kważi mekkaniku. Ħassejtni mgħaddba għall- aħħar. Ma kontx naf x'kelli naqbad naħseb! Dan x'kien fettlilha? Mort eżatt ħdejha u ħarist lejn fejn kienet qiegħda turini. Ħassejt dehxa nieżla ma' ġismi kollu. L-espressjoni ta' wiċċha fakkritni f 'dakinhar li kien miet il-papà! Romaine kienet qiegħda tipponta subgħajha lejn raġel li kien qiegħed bilwieqfa jħares madwaru. Kien liebes barnuża griża u ġakketta pariġġ, b'qalziet iswed u wiċċu kien jidher li kien xi wieħed li ma tantx kien ta' min jiċċajta miegħu. Kellu jdejh it-tnejn fil-but tal-qalziet. Malli rajtu, ħassejt l-arja tqila. Bla ma qgħadt naħsibha, qbadt idejn oħti li kienet iċċassata qiegħda tħares lejh, lill-kelb u tlaqna niġru flimkien 'il barra minn ġol-ġnien. L-għada filgħodu, il-mamà kienet qiegħda taqra l-gazzetta fil-ħin tal-kolazzjon u rajt il- faċċata tagħha. Ħassejt geddumi nieżel 'l isfel waħdu u ftaħt ħalqi, nistagħġeb waħdi. It-titlu tal-artiklu tal-faċċata ħassejtu dieħel f 'qalbi. "Omm u bint spiċċaw żewġ vittmi b'daqqiet ta' sikkina fi ġnien pubbliku," qrajt kważi lili nnifsi. Taħt dan it-titlu, kien hemm ritratt ta' pulizija qiegħed jagħmel il-manetti lil raġel. U għaraftu. Kien hu. Ir-raġel! Ir-raġel tal-barnuża l-griża! Ħassejt saqajja jibbiesu, idejja jirtogħdu u ġismi jqum xewk, xewk. Tgħid oħti għandha talent? Minn dakinhar 'l hawn, sirt nagħti widen għal dak li kienet tkun qalet oħti. Kollox kont nikteb fi ktejjeb ħalli nkun naf eżatt xi tkun qalet. U xi jkun ġara. U ftit wara, kienet reġgħet ġrat ġrajja oħra inkredibbli. Li bilkemm kienet titwemmen. Jiena, Romaine u l-mamà konna morna nieklu f 'ristorant fil-qrib ta' fejn konna noqogħdu. Jiena u oħti konna ordnajna platt ikel moqli, ħobż mixwi, patata moqlija u flixkun luminata. Smajt il-furketta u s-sikkina ta' oħti jaqgħu fuq il-mejda. Ħassejtni niksaħ avolja kienet ġurnata fl-eqqel tas-sajf! Rajt wiċċha jiċċassa 'l quddiem. Kienet qiegħda tieħu nifsijiet twal, għajnejha kważi bla ħajja, iħarsu 'l quddiem. "In-nannu telaq..." bdiet tgħid, b'leħen għoli. Rajt wiċċ ommi jaqbad jibdel il-kuluri għax dik ma kellhiex idea ta' x'kienet tagħmel oħti! Ma kinitx taf li oħti jaf għandha talent! Siegħa. Kienet għaddiet siegħa biss. Telefonata. In-nannu kien ħalliena! Waqt li kien rieqed! Il-mamà kienet ħaditha wisq bi kbira! Imma aktar u aktar kienet baqgħet thewden fuq kif bintha ż-żgħira kien irnexxielha tbassar dak li kien ser jiġri! Tgħid oħti għandha talent? Kienu għaddew is-snin minn dakinhar. Oħti qatt ma kienet reġgħet bassret xi ħaġa oħra. Bdejt inħossni redikola li kont bdejt nemmen dawn iċ-ċerti ereżijiet li kont esperjenzajt magħha. Imma dan l-aħħar, ġrat xi ħaġa oħra. Ma kontx ippreparata għaliha. Kienu għaddew ħafna snin u ma kontx għadni nemmen f 'dawn iċ-ċuċati. Jiena u ħabibti konna qegħdin fl-appartament tiegħi, ngħaddu ftit ħin inpeċilqu flimkien fuq il-problemi tal-ħajja u dak li ngħaddu minnu kull wieħed u waħda minna. Smajt il-mowbajl idoqq. Messaġġ. Mort nara mingħand min. Ħassejt ġismi jibbies mal-art. Dehxa kiesħa ġriet ma' ġismi kollu. Romaine. Romaine kienet bagħtitli messaġġ. "Int u Megan, oħorġu iġru 'l barra minn ġol-appartament! Issa!" kien hemm miktub fuq dan l-imbierek messaġġ! B'rogħda kbira f 'idejja, qbadt u bdejt inċempel in-numru ta' oħti. Kelli sens li kienet ser tiġri xi ħaġa tabilħaqq! La kienet qaltli hekk oħti Romaine! "Itilqu 'l barra malajr kemm jista' jkun!" smajt leħen oħti fuq il-linja, mingħajr lanqas biss kienet indenjat tgħidli ħellow. "Imma..." bdejt ngħidilha. "Tgħid xejn! Aqbad bagalja, itfa' ftit ħwejjeġ fiha u mur orqod f 'lukanda! Hemm perikoluż illejla," qaltli oħti, tieħu nifsijiet qosra u mgħaġġlin fuq it-telefon. Mingħajr ma qgħadt nagħti spjegazzjoni lil ħabibti, għamilt eżatt kif kienet indikatli oħti. Morna fl-eqreb lukanda, ibbukkjajna għal-lejl u qattajna l-lejl hemmhekk mingħajr lanqas biss ma ħriġna mkien. Ngħidilkom il-verità, wara dak li kienet qaltli oħti, kont bżajt noħroġ. L-għada ċemplitli l-ġara. Qaltli li xi ħadd kien sgassa l-bieb tal-appartament tiegħi u daħal xi ħalliel ġewwa. Meta kienet semgħet l-ħsejjes li kienu ġejjin minn hemmhekk, kienet qabdet ċemplet lill-pulizija u kienu arrestaw lill-ħalliel. Hu ma kien seraq xejn mill- appartament. Apparentament, jiena u Megan kellna mmorru l-għassa tal-pulizija ħalli naraw jekk konniex nafu lil dan il-ħalliel li kien sgassa l-appartament tiegħi. U rajnieh. Kien il-maħbub li kellha Megan qabel. Dan l-aħħar, minn meta kienet telqitu Megan, kien sar mentalment instabbli. Kien daħal fl-appartament tiegħi, armat b'sikkina tal-ħobż, lest biex joqtolna t-tnejn. "Oħtok kif kienet taf?" staqsietni Megan hekk kif konna ħriġna mill-bieb tal- għassa. Għadni sal-ġurnata tal-lum imbellha. Imnixxfa. Ħadd ma jemminni. Lanqas Megan stess. Imma jiena naf. Naf li oħti. Oħti għandha talent. illum | Il-Ħadd 27 ta' Ottubru 2019 Rakkont 20 Sharon Calleja Oħti għandha talent

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 October 2019