Illum previous editions

ILLUM 27 October 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1179882

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 31

10 Minn Yendrick Cioffi SA ftit xhur ilu, ħadd ma kien jaf min hu, iżda llum sar l-aktar saċerdot kontroversjali Malti. Dun David Muscat jgħid ħafna affarijiet, xi kultant ikun xi ftit jew wisq goff jekk mhux pastaż ukoll fi kliemu, iżda ħafna għadhom ma fehmux x'qed jipprova jfisser u għalfejn qed jagħmilha man-nies li jappoġġjaw lil Norman Lowell. Anke jekk ħafna minn dak li jgħid Dun David imur kontra l-linja editorjali ta' din il-gazzetta, l-ILLUM xorta tiltaqa' miegħu biex tistaqsih fejn irid jasal u jekk hux konxju tal-effett li qed ikollu kliemu. Bilqiegħda fir-razzett, fejn Dun David iqatta' ħafna mill-ħin tiegħu, bdejt nistaqsih għalfejn f 'daqqa waħda qed jidher u jitkellem fuq kollox u kullimkien. "Kont mistieden għal attività privata l-Imġarr. Jew kelli xi flixkun inbid ġo rasi u għamilt diskors fejn kien hemm preżenti Norman Lowell. Tefgħuh fuq YouTube bil-permess tiegħi. Dak ix-xufier tal-Arriva, ta' żmien Austin Gatt, li qed jipprova jkun is-suċċessur ta' Daphne u li lanqas joqgħod ħdejn difirha, Manuel Delia, tefagħha fil-blog tiegħu u nfetħu bibien is-sema. Jiena mbagħad għandi d-dinjità tiegħi u ridt inwieġeb lura," beda jgħid Dun David. Iżda din ma kinitx attività ta' darba. Dun David baqa' jidher man-nies ta' Norman Lowell li jaqbel mal-politika ta' Hitler u jemmen li omm li jkollha tarbija b'diżabilità severa, anke mentali, għandu jkollha l-għażla li twettaq abort jew inkella li t-tarbija saħansitra tinqatel wara li titwieled. Post ta' saċerdot huwa ma' dawn it-tip ta' nies? Dun David insista mal-ILLUM li hu ma jaqbel xejn ma' dan u lil Norman Lowell għamilhielu ċara. Iżda jibqa' l-fatt li qed imorru jċapċpulu l-istess nies li jċapċu lil Lowell, li ma jemmnux li Hitler qatel miljuni ta' Lhud u li saħansitra daħku meta qal li Auschwitz huwa disneyland. "Jiena nkellem lil kulħadd," baqa' jinsisti. Kien hawn li Dun David saħaq li dak li qalet Helena Dalli, li jgħajjarha "s-saħħara ta' Wied Għafrid" huwa agħar minn dak li jgħid Lowell, għax fi kliemu, Lowell jitkellem biss fuq trabi b'diżabilità u "Dalli trid l-abort anke għat-trabi b'saħħithom." "Allura qed tiġġustifika dak li qed jgħid Norman?" staqsejtu mill-ewwel. "Assolutament le. Il-ħajja tibda mit- tnissil. Anke jekk b'diżabilità, tarbija għandha dritt tgħix. Jekk ma jemmnux hekk jinsewni." 'Kemm ilni ma' Lowell aktar nies qed jiġu l-quddiesa tiegħi' Dun David insista li ħafna min-nies li vvutaw lil Norman Lowell, ivvutawlu mhux għax jaqblu mal-abort ta' trabi b'diżabilità, iżda għax jaqblu miegħu fuq l-immigrazzjoni. Fil-fatt, skont Muscat, kemm ilu ma' ta' Lowell, in-nies li jattendu l-quddiesa li jqaddes hu fil-kappella tal-Isperanza, żdiedu ħafna. "Fehmu li qed ngħid xi ħaġa differenti u ġdida." Dun David qed jiġġustifika l-preżenza tiegħu mal-partit ta' Norman Lowell għax mhux se jikkontesta elezzjoni oħra. Iżda ma jaħsibx li t-timbru ta' Lowell xorta hemm qiegħed? Minn tant partiti u għaqdiet, ma' partit razzist u Nazzist qed iħossu komdu? Staqsejtu mistoqsija ċara u sempliċi: "Int Nazzist?" "Le," iwieġeb. Jisħaq li Salvini għandu raġun u jiftaħ il-kanuni fuq l-Isqof Grech Kien hawn li fisser il-famuża "żerriegħa" li fi kliemu, żera' Lowell. Semma l-politiku Taljan Umberto Bossi, li skontu "kien imtektek," iżda minnu ħareġ "il-partit kbir" ta' Matteo Salvini. Hawn waqqaftu mill-ewwel. Normalment Dun David jiġri bil- Katekiżmu tal-Knisja f 'idu u jiftaħar li hu jsegwi biss lill-Papa. Iżda jaħseb li l-Papa se jċapċaplu meta jisimgħu jfaħħar lil Salvini u jgħid li għandom jingħalqu l-portijiet. Fakkartu li anke l-Isqof ta' Għawdex Mario Grech kien ikkundanna lil Salvini għax jiġri bil-kuruna tar- Rużarju f 'idu u jagħmel mod ieħor. Baqa' jinsisti magħna li Salvini għandu raġun. "Li trid tagħmel hu li tagħlaq il-portijiet." Flok kompla jweġibni, spiċċa fetaħ il- kanuni fuq l-Isqof Mario Grech u saħaq li tkellem hekk għax irid isir Kardinal u biex jidher "ħelu" mal-Papa. "Għall-grazzja t'Alla l-Isqof tiegħi huwa l-Arċisqof ta' Malta," saħaq Dun David. "Issa li qed iqajjem rasu l-abort baqa' hawn mal-merħla biex jiddefendi l-innoċenti, għax ragħaj dak li hu ... u mhux meta jiġi l-lupu jdabbar rasu għal xi kappell aħmar." Allura Dun David x'qed jippretendi li jsir? Inħallu lill-immigranti bejn sema u ilma? Insista li hu ma jaqbilx li jitħallew jegħrqu. Huwa jemmen li dawn għandhom jitħallew jidħlu biex ma jegħrqux, iżda mbagħad, kontra kull liġi internazzjonali, jintbagħtu lura l-Afrika. Kulħadd jaf x'se jsibu ma' wiċċhom jekk dak li qed jipproponi l-qassis iseħħ. L-ILLUM kienet irrapportat dak li jgħaddu minnu immigranti f 'diversi postijiet, inkluż il-Libja. Dun David irid intervent militari fil-Libja Il-Papa Pawlu VI, fil-Populorum Progressio jikteb li l-immigrazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem, iżda skont Dun David, dawk li ġejjin Malta mhumiex immigranti iżda "skjavi." Staqsejtu jekk dan ifissirx li hu għandu dubju kemm dawk li jiġu bid-dgħajjes qed jaħarbu l-gwerer u l-persekuzzjoni. "Le. Ħafna minnhom huma immigranti ekonomiċi," insista s-saċerdot. "Imbagħad meta jaslu jindunaw li hawn ma tistax tibni futur ... biex iħallsu l-kera jgħixu għaxra f 'appartament ... din oppressjoni." "Jekk se nibqgħu nqassmuhom fl-Ewropa, it-traffikant se jibqa' jġib," insista Dun David. "Dak li qed jagħmlu l-Għarab huwa merkanzija ta' lsiera," kompla jgħid, waqt li insista li jaqbel dwar intervent militari fil-Libja. Waqqaftu minnufih. Possibbli jaħseb li din l-aħjar soluzzjoni? "Dan tridu wkoll Roberta Metsola li tridha tal-verġni u l-martri. Meta riedet il-voti lagħbet il-logħba tal-populiżmu. Ma nafx kemm qalet li trid suldati fil-Mediterran. Għax tgħidha Metsola mhux razzista u għax ngħidha jien razzist?" "Iżda Metsola qatt ma qalet nibagħtuhom lura," insistejt miegħu. "Għassa fil-baħar biex ma jersqux 'l hawn mhux qisek għalaqthom?" wieġeb. 'L-immigranti li naraw fit-toroq inġiebu Malta biex jiġu sfruttati' Dun David kompla jargumenta li l-barranin li naraw fuq il-postijiet tax-xogħol u fit-toroq mhumiex dak li ġew bil-baħar iżda huma immigranti "legalissimi" li nġibu Malta biex jiġu sfruttati u fi kliemu "jibnu kullimkien" minkejja li l-popolazzjoni qed tonqos. "Fit-torrijet li jridu jibnu fl-Imrieħel jidħol Ħal Kirkop kollu. B'min se nimlewhom? Tgħid mhux bil-Maltin," insista l-qassis waqt li tkellem ukoll dwar il-prezzijiet tal-proprjetà li, fi kliemu, iż- żgħażagħ Maltin ma jifilħux għalihom. "B'elf ewro paga fejn se mmur ngħix?" kompla jistaqsi waqt li saħaq li l-ekonomija kibret għal min "kellu Ferrari u issa għandu għaxra." "Dik immigrazzjoni? Immigrazzjoni hija meta ħija li mar l-Awtralja u sar nies," qal Dun David. "Qed jitilqu minn hawn jobżqu lejn din l-art." Wara li qal dan kollu, ma stajtx ma nerġax nistaqsih dak li ħafna nies jaħsbu dwaru u li ma ttihomx tort. Dun David razzist? "Ma naħsibx." Insista li lil Lowell qallu ċar u tond li "iswed huwa xbieha ta' Alla." Dun David irid li noħorġu mill-EU? Bħal-lum ġimgħa, Dun David indirizza protesta favur li Malta tħalli l-Unjoni Ewropea. Staqsejtu dwarha iżda dar mal- lewża u ma wieġeb xejn. L-ewwel ikkritika l-ewro, id-direttivi tal-UE fuq il-kaċċa u deċiżjonijiet dwar il-kirjiet u li skontu se jwasslu biex 15,000 ruħ f 'Malta se jispiċċaw bit-triq, imbagħad insista li jekk "Mexit" ifisser diżastru bħal "Brexit" aħjar ma nitilqu xejn. Intervista illum | Il-Ħadd 27 ta' Ottubru 2019 Ma naqblux fuq ħafna affarijiet li jgħid, anzi wħud imorru dijametrikament kontra l-linja editorjali ta' din il-gazzetta li qed tfakkarhom hawnhekk stess (ara kaxxa). Iżda l-ILLUM tiltaqa' ma' Dun David Muscat biex tisfidah u tistaqsih fejn irid jasal bi kliemu u għemilu 'Fis-seminarji hemm kultura ta' omosesswalità Fit-torrijet li jridu jibnu fl-Imrieħel jidħol Ħal Kirkop kollu. B'min se nimlewhom? Tgħid mhux bil-Maltin ... B' €1,000 paga fejn se mmur ngħix?

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 October 2019