Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/794739
A vvenimenti riċenti fl-Italja u fi Franza juru kemm f 'pajjiżi oħrajn l-affarijiet isiru b'mod differenti. Ejjew nibdew bi Franza fejn ix-xahar id-dieħel se ssir l-elezzjoni presidenzjali. Sa ftit ilu, il-kandidat favorit kien l-eks Prim Ministru Francois Fillon li sorprendentement rebaħ l-elezzjonijiet primarji tal-Partit Repubblikan. Dan minkejja li kontrieh kellu l-eks president Nicholas Sarkozy u l-eks Prim Ministru Alain Juppé. Kemm Sarkozy kif ukoll Juppé kellhom inkwiet mal-ġustizzja. Sarkozy ffaċja bosta akkużi ta' korruzzjoni u issa qiegħed jiġi akkużat li nefaq aktar milli suppost fil- kampanja elettorali tal-2012. Ġie anke miżmum arrestat mill-pulizija għal ħmistax-il siegħa. Juppé mill-banda l-oħra ġie anke kkundannat sentenza sospiża ta' erbatax- il xahar minħabba li abbuża minn fondi pubbliċi meta l-partit tiegħu għamel użu ta' impjegati tal-komun ta' Pariġi. Madankollu, fi Franza kulħadd jaċċetta li Juppé ħa l-ħtija minflok il-president (u eks sindku ta' Pariġi), Jacques Chirac. Juppé jgawdi popolarità kbira bħala sindku ta' Bordeaux u kulħadd stenna li wara l-ewwel rawnd, l-għażla finali tkun bejn Juppé u Sarkozy. Imma f 'daqqa waħda, il-kandidatura ta' Fillon sparat 'il fuq. Fillon rebaħ l-ewwel rawnd b'44.1% tal-voti kontra t-28.6% ta' Juppé u Sarkozy ġie eliminat. Fit-tieni round, Fillon rebaħ b'mod konvinċenti b'aktar minn 66% tal-voti. U l-affarijiet dehru tassew mexjin ħarir għal Fillon. Kellu fama ta' bniedem onest bla problemi mal-ġustizzja u kien meqjus bħala bniedem serju u ben vist fil-Ġermanja. Barra minn hekk, hu favur relazzjonijiet aħjar mar-Russja. Fuq in-naħa l-oħra tal-qasma politika, il-popolarità tal- partit soċjalista prattikament ikkrollat minkejja li l-ekonomija Franċiża bdiet tistejqer sew mill-kriżi li laqtitha għal bosta snin. Il- President Francois Hollande għażel li jevita l-umiljazzjoni u ddeċieda li lanqas biss jikkontesta. Mill-banda l-oħra, il-kandidatura tal-eks Ministru tal-ekonomija fil- gvern ta' Hollande, Emmanuel Macron li qiegħed jikkontesta bħala indipendenti kienet għadha tingrana. Kollox kien juri li Fillon u l-kandidata tal-lemin Marine Le Pen kienu se jikkontestaw it-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali. Għaldaqstant, Fillon kien favorit li jiġbor il-kunsens ta' bosta minn dawk li ma vvutawlux fl-ewwel rawnd u jegħleb lil Le Pen. Dan sakemm il-ġurnal satiriku franċiż, Le Canard Enchainé ('Il-papra marbuta bil-ktajjen') ħareġ l-istorja sensazzjonali li Fillon kien ħallas lill-mara tiegħu kif ukoll liż-żewġ uliedu għal bosta snin bħala assistenti tiegħu meta dan ma kien xejn il-każ. Fil-fatt, il-mara ta' Fillon, Penelope (li hi minn Wales) allegatament irċeviet matul is-snin is-somma ta' €831,400 bħala assistenta parlamentari tiegħu minkejja li qatt ma kellha pass parlamentari. Parlamentari Franċiż jista' jħaddem qarib tiegħu miegħu imma l-impjieg irid ikun ġenwin, mhux fażull. Il- kampanja ta' Fillon mill-ewwel bdiet titlef il-momentum li kellha għaliex ma rnexxielux juri eżattament ix-xogħol li wetqet martu (kif ukoll uliedu) minkejja li rċevew somom kbar ta' flus. Imma l-gwaj għal Fillon kien għadu jibda. Il-maġistratura Franċiża dlonk fetħet inkjesta u wara ftit, Fillon tpoġġa taħt il-proċedura magħrufa bħala 'mise en examen' (titpoġġa taħt eżami). Fillon wiegħed li jekk il-maġistratura jpoġġieh taħt investigazzjoni formali, jirtira l-kandidatura tiegħu. Madankollu meta Fillon din il-ġimgħa ssejjaħ sabiex jidher quddiem imħallef fil-15 ta' Marzu ħalli jitpoġġa taħt investigazzjoni formali, Fillon biddel fehmtu u ddeċieda li ser ikompli bil-kandidatura tiegħu. Fetaħ attakk kontra l-maġistratura, akkużaha b''assassinju politiku' u stqarr li għandu jkun il-poplu Franċiż li jiġġudikah. Din il-pożizzjoni ma ntlaqgħet xejn tajjeb. Il-President Hollande kkundanna dan l-attentat biex tiġi mminata l-indipendenza tal-ġudikatura u bosta esponenti tal- partit Repubblikan bdew jabbandunaw lil Fillon. Anke l-kap tal-kampanja tiegħu u l-kelliem tiegħu ħabbru li se jirriżenjaw. Intqal li Fillon jista' jabbanduna l-kampanja tiegħu jekk ir-rally li sejjaħ illum wara nofsinhar f 'Pariġi ma jkunx suċċess. Intant kemm id-dar ta' Fillon kif ukoll il-kwartieri tiegħu ġew imfittxija mill-pulizija ġudizzjarja. Fillon mhux l-unika kandidat Franċiż bi problemi mal- ġustizzja. Marine Le Pen li għal dawn l-aħħar xhur dejjem kienet tidher li qiegħda minn ta' quddiem fl-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali fl-istħarriġ tal-opinjoni, ukoll għandha l-problemi tagħha. Wara rapport tal-OLAF (tiftakruhom lil dawn), il- maġistratura Franċiża fetħet inkjesta dwar allegazzjonijiet li Le Pen użat fondi tal- Parlament Ewropej sabiex timpjega nies tal-Partit tagħha. Fil-fatt, il-Parlament Ewropew qed jipprova jiġbor €339,000 mingħand Marine Le Pen. Iċ-chief of staff tagħha ġiet formalment akkużata mentri l-bodyguard tagħha qiegħed jiġi investigat. Nhar il-Ġimgħa tħabbar li Le Pen ser ikollha tidher quddiem imħallef sabiex tispjega l-posizzjoni tagħha. Barra minn dan il-każ, Le Pen u l-partit tagħha qed jaffaċjaw akkużi oħra fosthom ta' ħasil ta' flus kif ukoll ta' abbuż ta' fondi elettorali fl-elezzjoni tal-2012. Barra minn hekk, kemm Le Pen kif ukoll missierha, Jean Marie Le Pen huma akkużati li ħbew parti mill-proprjetà tagħhom fl-2014 u jistgħu jeħlu sa tliet snin ħabs u għaxar snin interdizzjoni mill-uffiċċju pubbliku. Naqsmu l-Alpi u kważi eżatt ħamsa u għoxrin sena wara l-bidu ta' Mani Pulite li bdiet meta kien arrestat id-diriġent soċjalista Mario Chiesa fis-17 ta' Frar 1992, reġa' tfaċċa każ ieħor ta' korruzzjoni li qiegħed jhedded il-karriera politika ta' Matteo Renzi. Imprenditur Naplitan, Alfredo Romeo qed jiġi investigat mill-Maġistrat bl-isem xejn Taljan ta' Henry John Woodcock (peress li missieru Ingliż). Woodcock huwa s-sostitut prokuratur fil-prokura ta' Napoli u kien involut f 'bosta każi importanti oħra (darba kien anke arresta lill-prinċep Vittorio Emmanuele, eredi tat-tron Taljan). Woodcock issa qed jindaga fuq tixħim ta' €100,000 li allegatament wettaq Romeo sabiex jirbaħ sejħa għall-offerti għas-servizzi f 'bosta palazzi tal-poter f 'Ruma. Romeo ġie arrestat nhar l-Erbgħa u s'hawnhekk, din hija l-istorja tipika ta' korruzzjoni Taljana. Madankollu, barra Romeo, qed jiġu ndagati wkoll il- ministru tal-Isport Lotti u l-kap tal-Carabinieri għax allegatament kixfu li kienet għaddejja investigazzjoni kif ukoll missier Matteo Renzi, Tiziano li qed jiġi akkużat b'influwenza mhux xierqa. Nhar il-Ġimgħa, Renzi kien interrogat għal erba' sigħat u qed jiċħad li wettaq xi ħaġa ħażina jew li jaf lis-senatur Denis Verdini. Verdini hu figura kulurita, Fjorentin ukoll, kien alleat ta' Berlusconi imma llum jappoġġja lil Renzi u żammu fil-gvern bil-partit żgħir li faqqas. B'kumbinazzjoni, nhar il-Ħamis ġie kkundannat għal disa' snin ħabs u l-interdizzjoni perpetwa mill-uffiċji pubbliċi minħabba l-falliment tal-bank ko- operattiv li kien imexxi. Persuna oħra li hija ndagata ma' Romeo hija Italo Bocchino li kien wieħed mill-eqreb alleati ta' Gianfranco Fini u għadu kbir ta' Berlusconi. Insomma fejn tidħol korruzzjoni l-appartenenza politika ftit li xejn hi mportanti. Kif wieħed jista' jara fi Franza, fl-Italja, u f 'ħafna pajjiżi oħrajn, l-investigazzjonijiet dwar responsabilità kriminali ma jiddependux fuq xi deċiżjoni ta' xi ħadd fil-poter jekk tinfetaħx inkjesta jew le. Hemm strutturi fil- ġudikatura li xogħolhom hu li jindagaw dwar ksur tal-liġi u jressqu l-qorti min jidrilhom li għandu għalxiex jersaq. Dawn l-istrutturi jaħdmu f 'awtonomija assoluta mingħajr indħil ta' ħadd u fil- fatt jeżerċitaw poter tremend. Hawn Malta l-proċedura kriminali ssegwi xi ftit lil dik Taljana u Franċiża imma l-maġistratura hija dgħajfa wisq u l-korp tal-pulizija mhuwiex iżolat minn indħil politiku. Il-perċezzjoni hi li investigazzjoni li taħraq politikament, issir (jew ma ssirx) skont il-konvenjenza politika. Għadna ma ssuperajniex il-mudell kolonjali li ta wisq poter lill- eżekuttiv u neżża lill-korp tal-pulizija mill-awtonomija li jmexxi l-investigazzjonijiet kriminali taħt l-awtorità tal- organi ġudizzjarji u ta' ħadd aktar. Jekk irridu nemanċipaw id-demokrazija tagħna u nissuperaw is-sitwazzjoni attwali li inkjesta f 'materja kontroversjali ssir biss jekk ikun hemm rieda politika, irridu nwettqu tibdil strutturali fil-mod kif jitmexxew l-investigazzjonijiet kriminali u l-prosekuzzjoni tagħhom. Fil-bidu ta' din il-leġiżlatura, il-Kumitat għar-Riforma tas-Sistema tal-Ġustizzja kien ħareġ bi proposti konkreti kif dan jista' jsir. Personalment nippreferi l-proposti li kien hemm fir- rapport preliminari imma ma neskludix li anke dawk tar- rapport finali jistgħu jaħdmu. Ċertament huma ferm aħjar mis-sistema preżenti. Imma din l-amministrazzjoni ma damitx ma tilfet iż-żelu riformatiċi u dawn ir-rapporti baqgħu fuq l-ixkaffa. Wasal iż-żmien li nibdew niddiskutu bis-serjetà biex inwettqu dawn il-proposti. Żmien il-kolonja ilu li għadda u d-demokrazija tagħna trid tilħaq il-maturità ta' demokraziji Ewropej oħra u ndaħħluhom fis-seħħ. Jekk irridu nemanċipaw id-demokrazija tagħna u nissuperaw is-sitwazzjoni attwali li inkjesta f 'materja kontroversjali ssir biss jekk ikun hemm rieda politika, irridu nwettqu tibdil strutturali. illum | Il-Ħadd 05 ta' Marzu 2017 "Żmien il- kolonja ilu li għadda u d-demokrazija tagħna trid tilħaq il- maturità ta' demokraziji Ewropej oħra u ndaħħluhom fis- seħħ" "Le Pen u l-partit tagħha qed jaffaċjaw akkużi oħra fosthom ta' ħasil ta' flus kif ukoll ta' abbuż ta' fondi elettorali fl-elezzjoni tal- 2012" Opinjoni 18 Wasal iż-żmien JOE ELLIS