Illum previous editions

illum 5 March 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/794739

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 35

illum | Il-Ħadd 05 ta' Marzu 2017 Intervista 12 'Il-politiku jiġi ġġudikat mhux fuq li P eter Agius avukat ta' 37 sena miż-Żejtun, dan l-aħħar kien fuq l-aħbarijiet għall-fatt li l-president tal- Parlament Ewropew Antonio Tajani għażlu biex ikun dak il-persuna li jiktiblu d-diskorsi tiegħu (speech writer). Kariga ferm prestiġġjużża. Kariga li tagħmel ġieħ mhux biss lilu, iżda anke lil pajjiżna. Peter hu persuna moħħu miftuħ ħafna fejn tidħol il-politika. Sew dik Ewropea kif ukoll dik lokali, tant li ma tkunx xi sorpriża jekk xi darba narawh jikkontesta l-elezzjoni ġenerali, "Kemm-il darba staqsewni jekk hux se noħroġ għall-elezzjoni, iżda qatt ma staqsewieli dawk li setgħu joffruhieli. Issa jekk din l-offerta tasal minn min hu relevanti, niddiskutiha mal-mara. Għax il- mara dejjem issaportjatni u dejjem involvjetha f 'kollox minn qabel." Peter flimkien ma' martu Mariella huma ġenituri ta' tliet subien, Achille ta' 7 snin, Tullio ta' 6 snin u Aurel ta' 5 snin (ismijiet spirati mid-dinja antika li hu tant iħobb). "Il-politika tinteressani ferm u nixtieq li xi darba f 'ħajti jkolli l-privileġġ li nagħti lil pajjiżi daqs imqar nofs li tani. Imma nħoss li dan mhux kompatibbli ma dak li qed nagħmel bħalissa għax il- karriera tiegħi bħalissa hi fi Brussell u m'għandix l-opportunità li niltaqa biżżejjed man-nies għax il-politiku jrid ikun qrib in-nies." Fil-fatt, Peter issa li ħa dan l-inkarigu għandu sentejn u nofs f 'din il-pożizzjoni, li hu ż-żmien li Tajani għandu bħala president. 'Kull politiku jeħtieġ ikun taħt l-iskrutinju tal-media' Mitlub jikkumenta dwar kif iħares lejn il-politika tat-tiċpis tat-tajn lejn xulxin u l-assassinju ta' karattri fi blogs u l-midja soċjali, Peter qal li l-politika m'għandhiex titratta l-persuna nnifisha iżda ta' fejn irridu mmorru. "Aktar hu interessanti li niddiskutu l-għażliet li għandna bħala poplu milli naraw x'għamel ħażin politiku jew ieħor. Bħal per eżempju niddiskutu l-enerġija, l-ekonomija, l-ambjent, il-libertajiet ċivili, l-impjiegi. Dawn huma aktar importanti milli x'għamel dak u x'għamel l-ieħor. Ta' spiss, l-aktar li jiġbdu l-attenzjoni sew min-nies kif ukoll mill-midja, huma l-iskandli u l-problemi u mhux il-politika nnifisha. "Dwar l-assasinju tal-karattri, irrid ngħid li kull politiku jrid ikun jaf li parti mill-piż li jpoġġi fuq dahru meta jiddeċiedi li se joħroġ għall- politika hu li se jkun taħt l-iskrutinju tal-midja u tal-poplu. Jien li nara inaċċetabbli hu meta ċ-ċirku ta' min jissemma, jinfetaħ ħafna u jiddaħħlu t-terzi persuni u jitħammġu anke dawk. X'jagħmel politiku, tajjeb jew ħażin għandu jkun fl-interess ta' kulħadd. Iżda x'għamel, qarib jew ħabib tiegħu, ta' spiss inħoss li mhux fl-interess pubbliku għax dawn m'għażlux li jidħlu fil-politika. M'għandux jiġi espost il-persuna l-oħra, la b'ismu u lanqas bir-ritratt. Dik nara inkwetanti f 'Malta. Il- politiku però jrid jifhem li ma jiġix ġudikat fuq dak li jgħid biss, iżda kif iġib ruħu u anke l-attitudni tiegħu." 'Kont ili Brussell 10 snin u ħassejt li rrid naqsam dak li sirt naf dwar l-Ewropa' Meta kellu 23 sena, kien mar Brussell wara li applika biex ikun wieħed li jirrevedi t-trattat bil-Malti waqt li kien qed jagħmel il-kors tal-liġi u fl-istess waqt jaħdem bħala freelancer fit-traduzzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja. "Prattikament, fil-karriera tiegħi ltqajt ma' koinċidenzi li sabuni preparat għal dak il-mument." Fl-2012 għażel li jirritorna Malta jmexxi l-uffiċċju tal-Parlament Ewropew. "Kont applikajt għal dak il-post għax kont ili Brussell 10 snin u ħassejt li rrid naqsam dak li sirt naf dwar l-Ewropa maċ-ċittadin Malti. Iżda Brussell tlaqtha bil-ħsieb li nerġa' nirritorna wara li nlesti xogħli f 'Malta. U hekk ġara!" Wara ħames snin Malta, irċieva telefonata mingħand Antonio Tajani nnifsu. "Lanqas kont naf x'se naqbad ngħidlu. Bdejt inlaqlaq avolja jien nitkellem sew bit-Taljan. Iżda meta qalli, ma ħsibtha xejn, weġibtu mill- ewwel, 'din opportunità ta' darba u jien ġej'." Li sab ruħu fil-kabinett ta' Antonio Tajani jagħtih sodisfazzjon kbir, "Jien il-problema li kultant nara f 'Malta hu li ħafna karigi, prinċipalment jittieħdu jew jingħataw minħabba l-affiljazzjoni politika. Hawnhekk meta int tipprova l-enerġija u l-impenn tiegħek jaraw il-kompetenza tiegħek u mhux l-affiljazzjoni politika biss. Xi ħaġa li nispera li naslu għaliha anke Malta. Għax hemm Laburisti u hemm Nazzjonalisti li huma kompetenti." Dan l-aħħar, donnu li l-Oppożizzjoni Maltija ma kinitx kuntenta wisq meta Tajani kien qal li llum libes il-kappell ta' President u ma jistax iħares lejn in-Nazzjonalisti bħal meta kien mal-PPE. "Tajani hu kburi li ġej mill-partit tal-PPE, iżda jrid imexxi l-Parlament Ewropew skont il-wegħda li għamel hu li jmexxi l-parlament b'rispett sħiħ għad-diversità tiegħu." Donnu li l-Oppożizzjoni Maltija stenniet li jkun warajhom fil-każ tal-iskandlu tal-Panama. "Dwar il- każ tal-Panama, għandna kumitat fi ħdan il-Parlament Ewropew li għadu jrid joħroġ l-eżitu tiegħu. F'Lulju jew ftit aktar tard se joħroġ ir-rapport ta' dan il-kumitat li jmur fil-plenarja. Hemmhekk, Tajani jitkellem skont l-eżitu tar-rapport." 'Jekk MPE jikxef l-għawar...sinjal li hekk mistenni minnu' Peter Agius hu persuna rispettat ħafna fl-Unjoni Ewropea u rispettat mill-membri Parlamentari Maltin taż-żewġ naħat, għalhekk tlabtu kif jaħsibha meta jara deputati parlamentari li jwasslu l-politika Maltija fil-Parlament Ewropew u ħafna jarawhom bħala tradituri tal- pajjiż. "L-MPE hu elett mill-poplu. Dak kollu li jagħmel, hu riflessjoni ta' dan. Il-mandat tiegħu tahulu min ivvota għalih u jekk ikun hemm MPE li l-interventi tiegħu jidhru bħala li qed jikxfu l-għawar tal- Maltin jew tal-gvern Malti, ngħid li sinjal li dak hu li mistenni minnu minn dak li vvutalu. Jekk mhux hekk, meta se jerġa' jmur iħabbat il-bieb, se jsib il-bieb magħluq. Ir-risposta tal-mistoqsija tiegħek neħduha fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019." "Il-Parlament Ewropew qatt ma qagħad lura milli jidħol fi kwistjonijiet lokali. L-MPE joqogħdu attenti iżda meta jkun hemm bżonn, jidħlu. Il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjonijiet b'saħħithom ħafna kontra l-Polonja, kontra l-Ungerija u anke fil- kwistjonijiet tagħna tal-passaporti daħal fejn qal li Malta trid toqgħod aktar attenta. Xogħol il-Parlament Ewropew hu li jara li l-prinċipji Ewropej jridu jiġu applikati b'mod sew f 'kull pajjiż. Ikun min ikun fil-gvern, hu tajjeb li l-Parlament Ewropew ikollu l-kuraġġ li jgħid fejn qed jiżbalja u jwiddeb." Dwar il-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Peter Agius qal li n-nies fit-triq jinteressahom li jaraw u jħossu ir-riżultati bħal fil-każ tal-liġi li għaddiet li issa tista' tixtri online minn kullimkien bla restrizzjonijiet u anke li tneħħa r-roaming. In-nies se jibqgħu jiftakru li kienet Malta fil-Presidenza li rat li dawn il-liġijiet favur il-poplu jgħaddu. "Il-poplu Malti ftit jew xejn jinteressah kif taħdem l-Unjoni Ewropea u kif inhi mqassma bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill. Għalihom jinteressahom biss ir-riżultati." 'Min ġennen għal Brexit...mar jinħeba' Peter Agius jitkellem dwar l-Ewropa b'mod ferm emottiv għax il-kunċett Ewropa għalih ifisser wisq. Semma kif il-kunċett Ewropew hu faċli tattakkah. Semma ż-żewġ elezzjonijiet importanti għall-futur Ewropew: dik tal-Olanda f 'Marzu u ta' Franza f 'April u Mejju li ġej. "Iż-żewġ personalitajiet politiċi li jidher li se jirbħu l-ewwel round u se jkunu fuq ta' quddiem huma, Geert Wilders tal-Olanda u Marine Le Pen ta' Franza. Fiż-żewġ ċirkostanzi, għandek retorika li jpinġu l-Ewropa bħala l-għawġ kollu. Is-sors tal- problemi kollha li hawn fid-dinja. Li l-ewro jġib il-faqar. Dan mhux vera. Kieku Franza kellha tneħħi l-ewro bħalma trid Le Pen, min jaf x'faqar iridu jgħaddu minnu l-Franċiżi għax ikun hemm devalwazzjoni kbira għal dawk li għandhom l-ewro mfaddal fil-banek. Il-problema tal- Ewropa hi li ħadd mhu qed isemmi l-konsegwenzi ta' x'jiġri li kieku l-Unjoni Ewropea tisfaxxa. Dan ġara fl-Ingilterra, l-ewwel marru vvutaw għal Brexit, u l-għada l-Isterlina tilfet 10 punti. U min ġennen lil kulħadd biex joħroġ mill-Ewropa, Farage, flok offra l-alternattiva, ħarab mir-responsabbiltà, inħeba u ħallieha f 'idejn Theresa May li qatt ma kienet favur Brexit." Peter Agius jemmen ukoll li waħda mill-problemi ewlenin hi li hemm il-perċezzjoni li l-Ewropa ma ħaditx azzjoni konkreta biżżejjed fejn tidħol immigrazzjoni u terroriżmu. Jista' jkun li ma kienx hemm kommunikazzjoni tajba bejn il-pajjiżi. Il-prinċipji Ewropej huma l-kompassjoni, li tagħti l-protezzjoni temporanja John Busuttil illum@mediatoday.com.mt Meta ċempilli Tajani biex naħdem miegħu, bdejt inlaqlaq u għidtlu 'din opportunità ta' darba u jien ġej' L-MPE iwassal leħen min ivvutalu anke jekk jikxef l-għawar ta' pajjiżu " " " "

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 5 March 2017