Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/869384
Il-Ħadd 03 ta' Settembru 2017 | illum 19 Opinjoni 19 F tit tal-ġranet oħra nkunu qed nagħlqu 100 jum mill-elezzjoni ġenerali. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għaddej b'soap opera li min hu tampari jista' jxebbahha ma' xi Dallas jew Dynasty għax bħal donnha ma tispiċċa qatt, firda interna, tgħajjir u żebliħ, il-Gvern bħala tim wieħed baqa' ffukat fuq il-ħidma tiegħu u l-viżjoni li għandna għall-pajjiż u li vvota għaliha l-poplu Malti u Għawdxi b'tant saħħa. Il-gvern qiegħed ukoll ftit ġimgħat biss bogħod milli jressaq il-baġit għas-sena 2018 li ser ikun l-ewwel wieħed ta' din il-leġiżlatura l-ġdida. Il-ħidma tal-gvern kompliet tara wkoll l-ekonomija tkompli tikber u aktar aġenziji internazzjonali tal-kreditu jfaħħru lil pajjiżna. Kellna wkoll l-aħbar li d-defiċit tal- Gvern naqas b'€36 miljun u l-investiment dirett barrani żdied b'€9.5 biljun fl-2016. Dan ifisser biss ġid għall- familji Maltin u Għawdxin li fl-aħħar mill-aħħar qegħdin igawdu mis-suċċessi tal- gvern mhux biss fuq livell ekonomiku imma anke fuq livell soċjali u personali hekk kif rajna tidħol fis-seħħ wegħda elettorali hekk kif daħlet fis-seħħ il-liġi dwar ugwaljanza fiż-żwieġ, liġi li qed tfisser li l-mija u ħamsa u tmenin koppja li daħlu f 'unjoni ċivili fl-aħħar tliet snin, jistgħu jibdlu l-unjoni fi żwieġ. Bidla li tista' ssir fi żmien ħames snin mid-dħul tal-liġi l-ġdida, iġifieri sal- elfejn u tnejn u għoxrin. Il-gvern baqa' ffukat u rajna diversi proġetti jiġu implimentati fosthom inżammet il-wegħda elettorali meta f 'dawn il-ġranet ingħalqet għal kollox l-ewwel power station f 'Dellimara u allura Malta mhux ser ikollha l-għażla li tuża l-Heavy Fuel Oil li huwa l-aktar żejt li jniggeż. Tkomplew proġetti infrastrutturali f 'diversi żoni fosthom b'xogħol avvanzat f 'toroq arterjari hek kkif dan is-sajf biss inbdew 25 proġett biex jibdew isiru t-toroq b'mod aħjar u aktar sikuri għal min jużahom. U nista nibqa' nsemmi. U fl-isfond ta' dan kollu, pajjiżna għaddej minn kriżi demokratika hekk kif l-Oppożizzjoni f 'pajjiżna bħal donnha sparixxiet u m'għadhiex teżisti. U dan mhux ta' ġid għall-pajjiż, għax pajjiżna jixraqlu aħjar. Ma niħux gost nara min bħal donnu jogħrok idejh u jieħu pjaċir b'din is-sitwazzjoni. Pajjiżna għandu bżonn oppożizzjoni. Oppożizzjoni serja. Oppożizzjoni li tagħmel xogħolha. Issa wieħed jifhem li wara telfa elettorali l-Partit Nazzjonalista ried isib saqajh però li tinħela daqstant enerġija u ser tkompli tinħela mill-Kap il-ġdid tal-PN biex ipaċi l-animożità kkawżata mill-elezzjoni hija enerġija moħlija. Bħalma qal il- ġurnalist Kurt Sansone waqt il-Programm Pjazza fuq One TV din il-ġimgħa 'il-feriti huma kbar, feriti huma fondi u li mhux se jfiqu malajr'. Jagħmel sens aktar dak li qal Sansone għaliex irridu niftakru li l-Kumitat Amministrattiv tal-PN irid jerġa' jiftaħ il-feriti għaliex għadu lanqas biss iltaqa' biex jiddiskuti t-telfa elettorali. U filwaqt li l-PN ser jibqa' maqbud fil-kunflitti interni, il-pajjiż jibqa' jistenna lill- Oppożizzjoni. Jibqa' jistenna li forsi l-kandidati f 'din it- tellieqa suppost bejn il-ħbieb jgħidulna kif beħsiebhom imexxu 'l quddiem u mhux jgħixu indenial. Tajjeb li jitkellmu fuq il-familja, tajjeb li jgħidulha xi jħobbu jagħmlu u forsi wkoll jgħidulna xi ħaġa fuq il-pets, imma aktar importanti huwa li forsi jibdew jirrealizzaw li dmirhom huwa li jaġixxu bħala Oppożizzjoni serja. Bħalma qal il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-aħħar ġranet, il-gvern għandu mandat ta' xi jrid jagħmel u anke bidliet li jrid iwettaq. Il-gvern hemn bżonn li jibda diskussjonijiiet mal-Oppożizzjoni biex iwettaq ċertu bidliet li jeħtiegu diskussjonijiet mal-oppożizzjoni. Diġà qal il-Prim Ministru li 'wieħed jittama li kif jinħatar il- Kap tal-Oppożizzjoni, jekk ikun hemm, jibdew id-diskussjonijiet li hemm bżonn.' Suppost il-Partit Nazzjonalista kien ippreparat biex imexxi l-pajjiż, imma minflok spiċċa juża t-tattiċi li uża fil-kampanja elettorali tal-elezzjoni ġenerali, li huma l-istess mossi li għex il-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu. Din hija sfortuna, u sfortuna akbar għaliex minħabba din is-soap opera mimlija intriċċi, ftit li xejn smajna mingħand il- kandidati kif ser imexxu sew fl-oppożizzjoni aħseb u ara bħala gvern alternattiv. Il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa' jsib ruhhu, il-Pajjiż ħaqqu ferm aħjar mill- imġieba tal-Oppożizzjoni. Din l-elezzjoni għall- ħatra ta' Kap tal-PN hija ferm differenti minn dik li fiha nħatar Lawrence Gonzi u Simon Busuttil. Fiha wisq intriċċi li qed ikomplu jtappnu lill-Partit Nazzjonalista. Agħar minn hekk imma, il-kap caretaker Simon Busuttil ħareġ jesprimi ruhhu dwar x'għandu jagħmel wieħed mill-kandidati. X'differenza mill-Partit Laburista meta fl- 2008 wara telfa elettorali, il- Mexxej Dr Alfred Sant għażel it-triq tal-irġulija biex tkun tista' ssir elezzjoni mingħajr indħil u minfloku nħatar Dr Charles Mangion bħala Aġent Mexxej. It-tgħajjir fuq il-mezzi soċjali tal-media lanqas ma huma qed jagħmlu ġieħ la lill-PN u lanqas lil pajjiżna. U sadanittant... is-soap opera ser tkompli ttawwal għax jiġri x'jiġri u jilħaq min jilħaq, din l-elezzjoni għall-ħatra ta' Kap tal-PN mhux biss ser tibqa' msemmija fl-istorja, imma ser tibqa' mtappna u jitla' min jitla' ser jibqa' jġorr it-tebgħa ta' elezzjoni xejn denja. 'Bħalma qal il-ġurnalist Kurt Sansone waqt il-Programm Pjazza fuq One TV din il-ġimgħa 'il-feriti huma kbar, feriti huma fondi u li mhux se jfiequ malajr' 'Din l-elezzjoni għall-ħatra ta' Kap tal-PN... ser tibqa' mtappna u jitla' min jitla' ser jibqa' jġorr it-tebgħa ta' elezzjoni xejn denja' Soap opera nazzjonali CLAUDETTE ABELA BALDACCHINO