Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/897142
21 Il-Ħadd 05 ta' Novembru 2017 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Fejn inqasnieha lil dik il-mara li rat il-mewt...? K ien verament xokkanti l-każ ikrah ta' vjolenza domestika li ħalla mara u omm kważi għall-mewt iktar kmieni din il-ġimgħa. Kien xokkanti għaliex xiref waħda mill- agħar karatteristiċi tal- bniedem. Ir-rgħiba għall- pussess, mhux biss tal-oġġett imma wkoll tal-bniedem. Mhux se ngħidu li dawn l-affarijiet qatt ma ġraw. Nippretendu imma li bħala pajjiż nibqgħu nixxukkjaw lilna nfusna b'dawn l-atroċitajiet. Nippretendu li kull darba li nisimgħu storja ta' vjolenza fil-konfront ta' persuna, bħalma għamilna fil-każ ta' Daphne Caruana Galizia, nixxukkjaw ruħna. Ma' kull traġedja bħal dik tas-sinjura Williams, pajjiżna, il-politiċi tagħna u l-istituzzjonijiet tagħna jeħtieġ jieqfu u jistaqsu x'setgħu għamlu aħjar, biex dak li ġara ma jerġax jiġri. U bħalma huma bosta li qed jistaqsu din il-mistoqsija dwar qtil ta' persuna magħrufa, hekk ukoll aħna nesiġu li jsiru mistoqsijiet dwar attakk feroċi domestiku li seta' ħalla mara (oħra) bla ħajja. Ħadd m'għandu kontroll fuq kif u meta jseħħ att oxxen bħal dan. Imma l-gravità li fih spiċċa dan u każijiet oħrajn ta' vjolenza domestika huma evitabbli. U hawn huwa l-iskandaluż. Natatlie Williams, skont bintha, kienet għamlet numru ta' rapporti lill- Pulizija. L-aħħar tnejn kienu, wieħed xahar u nofs ilu u ieħor il-ġimgħa l-oħra stess. Skont bintha Danika, ommha kienet irrappurtat theddid fuq ħajjitha minn żewġha li nhar il-Ħamis kien akkużat b'attentat ta' qtil. Nispera li qed tifhmu l-gravità tal-każ. Persuna, probabilment tterroriżżata u taħt il-madmad tal-biża' ssib ftit kuraġġ biex titkellem, tmur għand l-awtoritajiet biex issib is-soljev, tmur biex tipprova toħroġ mill-infern li għoddu ħallieha mejta u ma jiġri assolutament xejn. U meta ngħidu xejn, ifisser li l-vittma kellha terġa' tirritorna d-dar u tkompli taqla' u tkompli tiġi mhedda. Mhux mhedda b'xi ħaġa irrelevanti jew b'xi ħaġa żgħira, imma b'ħajjitha. Xahar u nofs wara terġa' ssib il-kuraġġ, terġa' tirrapporta u jerġa' ma jsir assolutament xejn. Sakemm l-istess mara tħalliet għall-mewt f 'mina mimlija ħmieġ. Għalhekk kien evitabbli. Għax kien id-dmir, l-ewwel u qabel kollox li l-awtoritajiet jaraw illi l-ħajja hija protetta. Għax id-dmir, l-ewwel u qabel kollox ma kienx li din il-mara tmur lura d-dar 'biex issalva familja' li frankament diġà hija mkissra. Imma li tmur id-dar bi skorta magħha li toffrilha sens ta' paċi u sigurtà filwaqt li min qed ikun akkużat b'theddid ikun mneħħi mir-residenza. Għax huwa d-dmir tal- Pulizija li ma jittrattaw l-ebda każ ta' vjolenza domestika daqslikieku huwa wieħed 'privat'. M'hemm assolutament xejn 'privat' f 'theddid tal-ħajja. Għax kien id-dmir tal-awtoritajiet li jaraw illi jippremjaw l-ftit kuraġġ li sabet din il-mara bi protezzjoni kif suppost (trid jew ma tridx il-persuna). Għax huwa dmir l-awtoritajiet u l-Pulizija li naraw li s-sigurtà ma tkun qatt stedina. Ma tistax tistaqsi lil mara li għaddejja minn kalvarju jekk tridx tieħu azzjoni kontra l-aggressur. Għandha tkun il-forza tal-liġi li tibda proċeduri meta hemm theddid ta' ħajja umana. Għandha tkun il-vittma li tibqa' fir- residenza, mhux wara li tkun sofriet kull tip ta' torment mitfugħa fit-triq u nerġgħu nikkastigawha. Din il-gazzetta tħoss illi l-argument 'għax hi marret lura' huwa diżrispettiv u fallaċi u jekk qed jintuża mill- Pulizija meta vittma tmur tagħmel rapport (dejjem jekk!) mela allura, mhux talli għadna lura talli għadna lanqas biss bdejna. Meta xi ħadd jisraqlek id-dar, l-awtoritajiet ma jitolbukx jekk tridx li taħfer, hux hekk? Ma jistednukx biex tmur għall-affarijiet misruqin li jkunu nstabu u tinsa kollox, qisu qatt ma kien xejn, hux hekk? Ma jgħidulekx li huwa tort tiegħek li serquk, għax għandek dar mimlija oġġetti prezzjużi, hux hekk? Le, jaqbdu u jmexxu investigazzjoni, jinterrogaw u fejn hemm bażi, jittellgħu l-Qorti. U iktar kemm il-proċess jkun spedit, iktar aħjar. Mela għalfejn qed insibuha daqstant diffiċli li nagħmlu l-istess hawn, meta mhux oġġett hemm fin-nofs imma ħajja? Anke kieku ta' Williams kien każ iżolat kien ikun serju, aħseb u ara meta tisma' u terġa' tisma', u tara u terġa' tara, u tesperjenza u terġa' tesperjenza każ wara l-ieħor ta' vittmi ta' vjolenza domestika li l-unika soljev li jingħataw huwa li jmorru lura d-dar u "jippruvaw jirranġaw". Bħallikieku qatt tista' tinnegozja u tirranġa ma' min irid jaħkmek, jiddominak, ikissrek u xi minn daqqiet joqtlok. Il-każ ta' Williams, huwa mera ta' snin ta' inazzjoni. Ta' snin illi matulhom qisna dan l-att kodard bħala 'xi ħaġa privata'. Wasal iż-żmien li nieqfu naċċetaw. Wasal iż-żmien li lil kull mara vittma ta' vjolenza nuruha li s-sistema qiegħda magħha mhux kontriha. Fuq in-naħa tagħha mhux fuq in-naħa ta' min irid joqtolha. Dak li jiġri wara l-bieb tad- dar huwa affarik. Imma jekk dak li jiġri wara l-bieb tad- dar qed jhedded id-dinjità, is- sigurtà u anke l-ħajja tiegħek, mela allura jsir affarina wkoll. U b'mod speċjali affari ta' dawk li xogħolhom huwa li jipproteġuk. Editur: Albert Gauci Cunningham