Illum previous editions

illum 22 July 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1006799

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 22 ta' Lulju 2018 L anqas ridt nemmen li kont wasalt s'hawn. Imma mhux tort tiegħi kien. Tort tagħha. Mhux hi dejjem taqbad miegħi. Dejjem tparla fil-vojt. Issa kienet qabżithieli u tliftha. Ħriġt nittawwal mill-bieb prinċipali tad-dar u aċċertajt ruħi li ma kien hemm ħadd hemm barra. Baħħ. Perfett. Triq mudlama f 'lejl xitwi. U hawn f 'din il-parti tat-triq li ma kinitx tinfed, jekk mhux għall-bżonnijiet tagħhom, ħadd ma kien jgħaddi. Tlaqt niġri lejn il-karozza, ftaħt il-bagoll u erġajt lura lejn id-dar b'nifs wieħed. Dan li kelli nagħmel kien ilu jberren f 'moħħi. U illejla, propju llejla, kont wasalt biex wettaqtu. Bekka. Kont qtilt lil marti Bekka. Ifhem, kont ilni li xbajt magħha. Kull ma nagħmel dejjem ħażin. Mhux sew hux! Jekk indum barra l-każin ma' sħabi, kienet tiġi bil-paroli. Jekk nieħu grokk żejjed u xxomm ir-riħa, tiġi bil-paroli. Jekk indum l-uffiċju tiġi bil-paroli. Jekk indum aktar milli suppost fl-appartament tal-maħbuba li kelli, kienet tiġi bil-paroli wkoll! Insomma għal kollox kienet teqred. "Dak għax tħobbok pa!" kien jgħidli ibni Terence. Terence kellu sitt snin. U jien kont ċert li jekk dan id- delitt ikun moħbi kif suppost, u ħadd ma jinduna li jiena, allura kont kapaċi nrabbih waħdi. U mela! Xħin inkun xogħol nieħdu ftit għand ommi. Twasslu hi l-iskola. Imbagħad wara nieħdu ftit għand oħti. Dik kienet tħobbhom it-tfal. U hi ma kellhiex. U allura, ma kienx ser ikollu problemi Terence. Imma issa. Issa l-importanti li naħbi dak id-delitt faħxi li kont għadni kemm għamilt. Leħinha jwerżaq ġo widnejha kien għadu jidwi f 'rasi. Kienet weġġgħetli l-vini kollha kemm kienet qerdet aktar kmieni. Anzi t-tifel baqa' rieqed. U hekk, hekk kont mort minn wara bil-kwiet, xħin kienet ikkalmat, daħħaltilha s-sikkina fejn kont ċert li tmut u striħajt. Ma kontx għadni nħobbha. Fil-bidu tal-għerusija kienet gustuża, tfajla orrajt u żżommha. Imma dan l-aħħar kienet intelqet wisq. U jien kont fittixt lil ħaddieħor. U issa li kont sibt lil Rosey, ħadd ma kien ser ibegħedni minnha. Ridt neħles minn omm it-tifel, ħalli hekk inkun nista' niżżewweġ lil Rosey u nkun nista' nirranġalha l-karti ħalli tkun tista' toqgħod Malta. Għax Rosey kienet barranija. Waħda minn dawk il-pajjiżi Terzjarji li jekk ma jirranġawx, kien ikollhom jitilqu minn hawn. Għalhekk kelli nsib soluzzjoni. Dħalt niġri lura d-dar, sibt lil Bekka mimduda mal-art fl-indana, erfajtha fuq dahri, hekk b'dak il-mod eżatt li kont nagħmel meta konna maħbubin. Imma din id-darba kienet differenti. U dak il-ħin, qisni ħassejt saqajja jiffriżaw mal-art. "Jien inħobbok għal dejjem." Leħinha. Iva kien leħinha. Inħsadt. Dort inħares lura. Imma indunajt li leħinha kien frott l-immaġinazzjoni tiegħi. Kważi dħaqt waħdi. Kemm kont qed insir ċuċ. U bla ma għamilt ebda tip ta' storbju ħalli ma nqajjimx lit-tifel mir-raqda li kien fiha, filwaqt li kont naf li kellu l-bieb ta' kamartu magħluq bħas-soltu, rassejtha aktar miegħi minn wara u tlaqt biha sal-karozza. U ftakart f 'meta kont nerfagħha dejjem hekk waqt xi passiġġata fil-kampanja. Qabel. Għal ftit ma żlaqtx. Kien hemm l-art mimlija demm. Dahri u jdejja wkoll. Imma issa ma kienx ħin li noqgħod ninkwieta. L-ewwel biċċa xogħol importanti, kien li neħles mill-mara tiegħi Bekka. Tfajtha fil-bagoll. Issa nnaddaf kollox wara. U nħalli filgħodu jagħbex, u mmur nirrapporta n-nuqqas tagħha lill-pulizija. Issa kif kont ser naqbad ngħid lil Terence li lil ommu qatt ma kien ser jerġa' jaraha? Kif kont ser naqbad infiehmu? Hu u ommu kienu jkunu dejjem flimkien. B'dan il-ħsieb iberren f 'moħħi, startjajt il-karozza u soqt 'il bogħod kemm flaħt, fil-post fejn kont ippjanajt li narmiha. Fil-baħar taħt is-sur. Hemm kont lestejt xi knatan u ktajjen u ħadd ma kien ser isibha żgur. Qiegħ il-baħar kien ser jirbaħha. Xegħelt ir-radju tal-karozza u nħsadt. Bdiet iddoqq l-ewwel diska li kont żfint magħha dakinhar tat-tieġ. "Inħobbok għal dejjem, Roger," kienet qaltli f 'widnejja. U nħsadt. Ġismi qam xewk, xewk. Ħsibt li donni erġajt smajt leħinha. Qisha kienet hemm maġenbi bilqiegħda fil-karozza tħares lejha, b'dawk l-għajnejn kbar skuri. Neħħejt dawn il-fantażiji fittizji mill-moħħ fjakk li kelli. Dan l-aħħar kont sirt dgħajjef wisq. Iż-żmien kien qed jitgerbeb u ma kontx għadni tifel żgħir. U wasalt. Eżatt taħt is-sur. Ħarist 'il fuq biex nara jekk kienx hemm xi ħadd. Iżda ma rajt lil ħadd. Ipparkjajt il-karozza l-aktar viċin tal-baħar li stajt, ħriġt ġisem marti u bdejt nagħmel dak li kont ippjanajt. Tfajtha l-baħar u għalkemm kien id-dlam, bid-dawl tal-qamar felli li kien qed jirrifletti fuq l-ilma, stajt naraha nieżla fid-dlamijiet tal-ilma bil-mod. Bil-mod. Bil-mod. Sa xħin fil-wiċċ kien għadu jidher xagħarha biss. Sa xħin kienet niżlet għalkollox fl-abbissi t'hemm isfel. U iva, biex inkun onest, inżilt bilqiegħda fuq il-blat, għidt talba żgħira għal ruħha u għal mument inkeddejt ftit li kont wasalt s'hemm. Iżda mbagħad rajt wiċċ Rosey u ftakart f 'li kien hemm jistennieni. "Jien inħobbok għal dejjem." Inħsadt erġajt. Dawwart rasi 'l hawn u 'l hemm biex nara jekk kontx smajt sew. Leħinha donnu kien qed jidwi madwar is-sur, idur mal- akkwati, fuq ir-riħ tal-baħar, mad-dellijiet ta' dawl il-qamar, mar-rifessjonijiet tal-mewġ mal-plajja, fis-skiet notturn li kien qed jippatroċinja fl- inħawi. Bla ma qgħadt naħsibha, tlaqt niġri lejn il-karozza u soqt malajr kemm jista' jkun lejn id-dar. Dak il-lejl ma rqadtx. Ittawwalt inħares lejn ibni, aċċertajt li kien għadu qed joħlom fuq il-futur tiegħu, u naddaft kull ma kien hemm. Ir-riħa qawwija ta' demm frisk ma stajt inneħħiha b'xejn minn mal-art, mal-ħitan u kull post fejn kien tar. Naddaft bi bramel sħaħ ta' diżinfettant. Imsaħt kullimkien. Armejt is-sikkina ġo kaxxa u dfintha, flimkien mal-ħwejjeġ li kelli fuqi f 'ħofra mħejjija apposta fil- ġnien. U hekk malli qam it-tifel, beda l-bużillis. X'kont ser naqbad ngħidlu? Ridt nilgħab il-parti tajba. Inkella Terence kien ser jeħodha bi kbira ħafna. "Bonġu..." għidtlu hekk kif lestejtlu l-kolazzjon li kienet is-soltu tagħmillu ommu. Bdejt inlaqlaq. Bdejt ngħidlu xi ħaġa minn taħt imma lanqas fhimt lili nnifsi. Imbagħad dak il-ħin iddeċidejt li ma ngħidlu xejn u nħalli lilu jsaqsini għal ommu. Kont lest li nwasslu l-iskola u mmur għalih ukoll. Imqar illum biss sakemm iderri mingħajr Bekka. "Xħin tkun lest inwasslek," għidtlu. Rajtu jħares lejja b'mod stramb. Donnu jiċċassa jħares lejja. Ridt insaqsik għala imma bżajt. Tgħid kien jaf? Tgħid kien jaf li kont qtiltlu lil ommu? L-għażiża ommu? Għal mument, ħassejtu jiddispjaċini. Wassaltu l-iskola. Mort għalih. Imma ma semmejtlu xejn. Imma kien qed iħares lejja b'mod stramb. Jiċċassa. Ma jkellimnix. Imbagħad, filgħaxija, wara li kont għallejt żewġ għaġiniet u konna bilqiegħda qegħdin nieklu, ma flaħtx inkompli sejjer hekk fis-skiet. "Terence, il-mamà..." bdejt ngħidlu. Kompla jħares lejja b'għajnejh kbar, eżatt bħal ta' ommu. "Ma staqsejtnix għall- mamà..." "Iva, pa veru," qalli b'leħen baxx. Donnu ma riedx jinstema' ħafna. "Ridt insaqsik pa." Ħassejt għoqla fl-istonku. Tgħid kien jaf? "Għidli ibni... x'ridt issaqsini?" "Għalfejn il-mamà għandha wiċċha abjad ħafna u qiegħda fuq dahrek il-ħin kollu?" staqsieh Terence. "X'inhu?" "U qaltli li tħobbok. Tħobbok għal dejjem.... avolja għandha d-demm." 20 Rakkont Sharon Calleja Jien inħobbok għal dejjem

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 22 July 2018