Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1006799
7 Il-Ħadd 22 ta' Lulju 2018 | illum Aħbarijiet Minn Yendrick Cioffi IDDEPUTAT Prim Ministru Taljan, Matteo Salvini, għażel li ma jweġibx mistoqsijiet mibgħuta mill-gazzetta ILLUM dwar jekk hux lest jew hemmx pjanijiet li jiltaqa' mal- Gvern Malti biex jiddiskutu flimkien l-immigrazzjoni, tema li jidher li se tkun l-aktar waħda taħraq matul dan is-sajf. Din il-gazzetta bagħtet sett ta' mistoqsijiet lil Salvini fil-11 ta' Ġunju li għadda, ftit sigħat wara li ħarġet l-aħbar li l-Gvern Taljan kien għalaq il-portijiet Taljani għall-bastiment Lifeline, li kien għadu kemm salva 629 immigrant. Din kienet l-ewwel azzjoni ta' Salvini wara li ħa l-ġurament bħala Ministru għall-Intern. Minkejja dan, minn dakinhar, il-gazzetta ILLUM baqgħet qatt ma rċeviet tweġiba u minkejja li ċemplet diversi drabi lill-Ministeru għall-Intern Taljan, dejjem ingħatat l-istess tweġiba, jiġifieri li l-mistoqsijiet "jinsabu għall-valutazzjoni." F'telefonata minnhom, kelliema għall-Ministeru saħanistra qalet lil din il-gazzetta li l-mistoqsijiet jinsabu f 'idejn is-Segretarju tal-Ministru, madanakollu sa nhar l-Erbgħa li għadda, l-istess kelliema dejjem saħqu li ma jafux meta l-mistoqsijiet se jkunu mwieġba. L-ILLUM staqsiet ukoll lid-Deputat Prim Ministru Taljan jekk jaħsibx li l-Italja u Malta jistgħux jistabbilixxu politika komuni dwar il-migrazzjoni, kif kien hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvernijiet ta' Matteo Renzi u Paolo Gentiloni. Ġaladarba Salvini kien għadu kemm ħa l-ġurament, staqsietu wkoll jekk jafx b'xi ftehim li seta' kien hemm u li dwaru sa issa kien hawn biss spekulazzjonijiet, bejn il-Gvern Malti u dak Taljan. Bħall-bqija tal-mistoqsijiet, Matteo Salvini għażel li ma jweġibx. Minkejja li fl-aħħar xahar l-Italja u Malta daħlu f 'battibekk wieħed wara l-ieħor fuq xejn inqas minn erba' bastimenti bl- immigranti, minn kemm ilu li ġie ffurmat il-Gvern immexxi minn Giuseppe Conte, għadha qatt ma saret laqgħa uffiċjali la bejn iż- żewġ Prim Ministri u lanqas bejn il-Ministri responsabbli mill-Intern jew l-Affarijiet Barranin. L-uniku drabi li l-Prim Ministru Taljan u dak Malti ltaqgħu kienu waqt iż-żewġ summits li saru fl-Unjoni Ewropea, li minnhom mhux talli ma ħareġ xejn ġdid iżda talli kien hemm minn saħansitra saħaq li l-Unjoni Ewropea marret pass lura, kif għamlet, f 'intervista ma' din il- gazzetta, l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli. Ara wkoll paġni 8 u 9 Salvini lest jiltaqa' ma' Muscat? Ma jridx jgħidilna Għal aktar minn xahar, id-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini injora mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM dwar l- immigrazzjoni u r-relazzjoni bejn Malta u l-Italja • Malli f 'Diċembru li għadda xolja l-Parlament Taljan, Matteo Salvini (Lega Nord) u Luigi di Maio (Moviment Cinque Stelle) mill-ewwel joħorġu l-aktar b'saħħithom fis-sondaġġi. • Salvini jibda jibbaża l-kampanja tiegħu fuq l-immigrazzjoni u jisħaq li l-Italja ma tistax tibqa' taċċetta l-immigranti 'kollha.' • Hawn tibda tiżżeffen Malta, mhux biss minn Salvini, imma anke mir- rivali tiegħu Luigi di Maio u minn sieħbu fil-koalizzjoni taċ-Centro Desta, l-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi. • Iberraq għal Malta. Il-koalizzjoni ta' Salvini u l-partit ta' Di Maio jġibu l-akbar ammont ta' voti...imma ħadd minnhom ma jġib maġġoranza biex jiggverna. • 88 ġurnata wara l-elezzjoni, dawk li kienu għedewwa jiffurmaw Gvern ta' koalizzjoni. • Fl-1 ta' Ġunju 2018. Salvini jieħu l-ġurament bħala Ministru għall- Intern. • Fl-10 ta' Ġunju. Salvini jagħlaq il-portijiet Taljani għal 600 immigrant abbord il-bastiment Aquarius u jgħid li l-immigranti għandhom jidħlu Malta. • Malta ma ċċeddix u Spanja tieħu l-immigranti. • Di Maio, waqt intervista fuq Porta a Porta jiddeċiedi li jżeffen fin- nofs l-interconnector (bejn Malta u Sqallija) waqt intervista fuq l-immigrazzjoni. • Jfeġġ bastiment ieħor, din id-darba l-Lifeline b'234 immigrant abbord. • Għal ħamest ijiem sħaħ dan il-bastiment jinqabad f 'nofs battibekk bejn Malta u l-Italja. • Din id-darba, il-Gvern Malti jaċċetta li l-bastiment jidħol f 'Malta, bl- Italja u tmien pajjiżi oħra jiddeċiedu li jieħdu xi wħud mill-immigranti. • Malta u l-Italja jaqblu f 'xi ħaġa! Jiġi arrestat il-kaptan tal-bastiment u jakkużawh li kiser liġijiet internazzjoni. • Malta, bħall-Italja, tagħlaq il-portijiet għall-bastimenti tal-NGOs li jsalvaw l-immigranti • Il-mexxejja jiltaqgħu f 'summit li minkejja li minnu ma ħareġ xejn ġdid jagħti xi ftit ta' tama lir-relazzjoni bejn Malta u l-Italja. • 14 ta' Lulju. Erġajna fejn konna! Salvini jgħid li Malta għandha tieħu bastiment b'450 immigrant. • 18 ta' Lulju. Malta, l-Italja u t-Tuneżija jagħlqu l-portijiet għal 40 immigrant . • L-istorja tkompli... Salvini u Malta...ma tantx imorru flimkien!