Illum previous editions

ILLUM 30 September 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1034186

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 31

12 Aħbarijiet illum | Il-Ħadd 30 ta' Settembru 2018 Il-kaċċaturi u l-pensjonanti jistaqsu 1. Sondaġġi qed juru distakk ta' aktar minn 50,000 vot bejn il-partiti. Ma taħsibx li din is-sitwazzjoni mhijiex tajba għal pajjiż demokratiku? Pajjiżna dejjem sab lill-Partit Nazzjonalista fil-mument tal-bżonn, u se jsibna hemm kif il-poplu jiddeċiedi li jafdana mill-ġdid. It-triq hija twila u mwiegħra, iżda aħna għandna ġilda ħoxna u determinazzjoni tal-ħadid, li nkunu l-vuċi tan-nies, li nitkellmu għalihom u nipproponu triq differenti, triq aktar responsabbli, triq aktar iggalbata u aktar solidari għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. 2. Tidħol għand familja. Jgħidulek 'żvilupp kullimkien. Dejjem bl- istorbju! Imma l-PN, mur ara... X'tistgħu tagħmlu?' Nibdew biex, l-iżvilupp urban huwa dritt tal- propjetarji u neċessità għal popolazzjoni dejjem tikber. Il-problema mhux l-iżilupp iżda jekk dan isir mingħajr qafas ta' sostenibilità ġenerali tal-pajjiż u tal-lokalitajiet inkwistjoni u jekk isir fl- indifferenza tad-drittijiet ta' ħaddieħor. Irridu ndaħħlu ftit aktar mentalità li l-libertajiet ta' wieħed jispiċċaw fejn jibdew il-libertajiet tal-ieħor. 3. Familja Nazzjonalista Slimiża jgħidulek li ma jridux jivvutaw għax Adrian Delia ma għandux ikun Kap, kif kienet tgħid Daphne Caruana Galizia. Kif se tikkonvinċihom? Ngħidilhom li lil Daphne segwejtha meta kienet ħajja u onorajtha wara l-mewt traġika tagħha. Ngħidilhom li jekk iridu l-bidla f 'dan il-pajjiż imbierek tagħna hemm triq waħda biss – it-triq tal-Partit Nazzjonalista. Kwalunke ħaġa oħra tkun qed issaħħaħ l-eċċessi tal-Partit Laburista. Ngħidilhom li jekk iridu verament il-bidla jeħtieġ li jagħtu daqqa ta' id u jkunu parti minna. Ngħidilhom li jekk jisimgħu lil Delia jirrealizzaw li huwa wieħed minnhom, u jindunaw li ħafna drabi qed jiġi pinġut mod ieħor minn dak li verament hu – Demokristjan, Malti, Nazzjonalist, Patrijott li ddeċieda li jitlaq kollox u jagħti kontribut importanti lill-pajjiż. Finalment nemmen li kulħadd għandu d-dritt li jagħmel għażliet politiċi, anke jekk lilna jidhrulna infeliċi. Bħala Maltin ta' rieda tajba għandna iżda l-obbligu li nisimgħu u nwieżnu l-għażliet differenti. Għalhekk nitlob lil dawn in-nies li jiddubitawna, biex l-ewwel jisimgħuna u wara jiżnuna. 4. Tidħol f 'dar fil-Ħamrun u jgħidulek li xebgħu. Kullimkien barranin u m'għadhomx iħossuhom siguri. X'tista' tagħmel differenti?' Kif twieġeb? Is-sigurtà u s-sens ta' wens li kienet toffri s-soċjetà Maltija mhux 'bonus' imma dritt essenzjali ta' kulħadd. Mhux sewwa li ċerta żoni ta' Malta jbatu l-konsegwenzi ta' immigrazzjoni bla kontroll u bla pjan. Jeħtieġ qabel kollox nagħmlu distinzjonijiet importanti dwar tliet tipi ta' persuni li jistgħu jaqsmu dal-gżejjer magħna u nindirizzaw il-problema b'mod attent u studjat. Parti żgħira tal-barranin ġejjin minn pajjiżi tal- Unjoni Ewropea. Dawn m'għandhomx bżonn permessi. Dawn għandhom kulturi differenti iżda affini ferm għalina. Dawn rari joħolqu problemi u għandhom tendenza jintegraw fis-soċjetà Maltija. Għandek imbagħad il- barranin li jiġu bil-permess tax-xogħol u residenza li jagħtihom il-Gvern. Dawn jiġu minn varjetà ta' kulturi, uħud minnhom anqas affini mal-kultura tagħna. Ġaladarba l-Gvern qed jiddeċiedi li jiftaħ beraħ il-bibien għal dawn in- nies huwa obbligat li jara li dawn ikollhom il-minimu ta' preparazzjoni u taħriġ biex fil-fatt jirispettaw u jifhmu l-kultura Maltija. Ma nippretendix li mmur restorant u l-wejter ikellimni bil-Malti perfett iżda nippretendi li jieħu interess fil-lingwa tiegħi u li fuq tul ta' żmien jipprova tabilħaqq jifhem imqar il-menù u tislijiet bażiċi bil-Malti. Fl-aħħar għandek ukoll barranin li jkun magħna involontarjament, jiġu b'modi illegali, joħolmu b'Londra imma jispiċċaw Malta. Jeħtieġ ngħinu lil dawk li jkollhom dritt li jkunu fostna, għax jikkwalifkaw għall- ażil. Jeħtieġ inħarrġuhom biex jagħtu kontribut lill- ekonomija u s-soċjetà. Hemm oħrajn li ma jkollhomx dritt li jibqgħu Malta, għax ikunu ġew biss bil-ħsieb tal-gwadann ekonomiku u bla ebda permess. Ma' dawn jeħtieġ li nkunu retti u naraw li jintbagħtu lura fil-pajjiżi tagħhom. Dan huwa essenzjali jekk irridu nkunu ġusti ma' dawk li jkun verament ħaqqhom l-għajnuna. 5. Tidħol għand familja Nazzjonalista biż-żewġ membri jkunu nisa, li issa grazzi għall-bidliet li daħħal dan il-Gvern se jkollhom ċans isiru ġenituri. Kif se tikkonvinċihom li l-PN għamel sew li vvota kontra? Il-PN ivvota favur mhux kontra. Ivvota favur il-ħajja, għax il-proposta tal-Gvern tipproponi l-iffriżar tal- embrijuni, possibilment ħamsa kull darba, u tiżra s-sistema fejn ser nispiċċaw bi 'stock' ta' embrijuni jiżdied tul iż-żmien. Dan qed isir b'periklu evidenti għad-dinjità tal-ħajja tal-bniedem li aħna nemmnu tibda effettivament mill-konċepiment. Lil din il-koppja ngħidilhom li jiena nemmen li fil-każ ta' kull koppja għandha ssir analiżi bħalma ssir fl- adozzjoni u ċioè li jara jekk il-konċepiment tat-tfal hux kunsiljabbli meta wieħed iqis l-aħjar interess tat-tfal. 6. Tidħol għand familja u jgħidulek li n-negozju sejjer tajjeb u qed jikru appartament, b'kirja tajba ħafna. Komdi, iktar milli kienu. Għaliex għandhom jappoġġjaw lill-PN? Għandhom jappoġġjaw lill-PN mhux biss għax huwa l-partit li firex it-tapit l-aħmar biex ikollna l-ekonomija li għandna llum iżda fuq kollox għax il-PN ser ikun il-Partit li jerġa' jdaħħal tmexxija aktar għaqlija fuq bażi sostenibbli u ppjanata. L-ekonomija tagħna bħalissa sejra tajjeb iżda hija vulnerabbli għax isserraħ fuq diversi fatturi volatili bħalma huma setturi tal-ekonomija soġġetti għal pressjoni esterna, reputazzjoni li qed tmur lura u l-influss ta' barranin dejjem jikber bil-popolazzjoni tespandi iżda l-infrastruttura baqgħet li kienet. 7. Tidħol f 'dar ta' kaċċatur jew nassab u jgħidlek 'jien x'nivvota nagħmel jekk il-kaċċa dejjem taħt attakk mill-UE?' X'se tgħidlu? Il-kaċċa fir-rebbiegħa ġiet deċiża f 'referendum. Jien se niddefendi dak ir-riżultat. Sintendi jeħtieġ nieħdu kont tan-natura – u nadattaw skont il-popolazzjoni tal-ispeċi. Jeħtieġ inkunu ħafna aktar serji fuq dan, mhux bħalma għamel il-Gvern li nqabad fuq sieq waħda bi statistika repetuta u mhux aġġornata minn sena għal oħra. Lill-kaċċatur niġbidlu l-attenzjoni li l-klassi kollha tiegħu jeħtieġ jiġbdu ħabel wieħed biex ikun hemm infurzar effiċjenti u rispett tal-legalità għax dawn huma garanziji li jibqa' jitgawda dan id-delizzju. Lin-nassaba ngħidilhom li l-Gvern tmellaħ bihom għax wettaq sistema li għalkemm kellha elementi tajbin, ġiet amministrata bi traskuraġni kbira. Kien evidenti li l-Kummissjoni Ewropea kellha l-argumenti kollha biex tattakka l-istaġun tal-insib għax il-Gvern ma ħax il- prekawzjonijiet li jikkonsulta qabel u li jara li jimplimenta s-sistema b'ċerta serjetà. Nemmen li hemm fil- fatt possibilità li wieħed jipproponi nsib sostenibbli aċċettabli fid-Direttiva tal- Għasafar. Dan ma nistgħux nagħmluh minn wara dar il-Kummissjoni Ewropea iżda b'konsultazzjoni magħha. Id- Direttiva tħalli possibilitajiet li sa issa ma ġewx esplorati bis-serjetà. Aħna lesti nesplorawhom wara konsultazzjoni fid-dettall mal-organizzazzjonijiet konċernati. 8. Tidħol għand koppja pensjonanti u jgħidulek 'inti trid tkun elett MEP biex issir sinjurun u tgħix fil-lussu'. X'tgħidilhom? Ilni 16-il sena fl- istituzzjonijiet. Stajt faċilment nimmira għal pożizzjonijiet b' kundizzjonijiet aħjar minn ta' MEP. Dan il-pass qed nagħmlu għax inħobb lill-pajjiżi. Meta tħares lejn il-ħidma ta' wħud mill-MEPs tirrealizza li hemm min ikun ħaqqu ferm aktar mill-pakkett finanzjarju eżistenti, li wara kollox ma jiġix deċiż mill- MEPs iżda huwa kkalkulat bħala perċentwal tal-paga ta' Mħallef tal-Qorti Ewropea. Hemm oħrajn li ma jagħmlux b'sold xogħol. Għaldaqstant lil dawn ngħidilhom li jqisu li jtellgħu lil xi ħadd li fil-fatt iġib xi ħaġa lura lejn Malta. MEP jista' jġib ħafna lejn Malta jekk jagħraf kif jaħdem mal-oħrajn u jkun jaf minn fejn għandu jgħaddi. Bl- esperjenza tiegħi fil-Kunsill tal-Ministri u fil-Parlament Ewropew fl-ogħla livelli naħseb li nista' nkun waħda mill-aħjar għażliet, flimkien ma' sħabi tal-Partit Nazzjonalista, biex tabilħaqq inġibu lejn Malta aktar benefiċċji mill-Ewropa u niftħu l-istaġun tar-rebbiegħa li jmiss. Il-gazzetta ILLUM tkompli tlaqqagħkom ma' kandidati li qed jaspiraw li jirrappreżentawkom l-Parlament Ewropew. Din il-ġimgħa, il-ġurnalist Yendrick Cio jistaqsi lil Felix Busuttil, kandidat tal-Partit Laburista u lil Peter Agius, kandidat tal-Partit Nazzjonalista, il-mistoqsijiet li intom il-qarrejja se tistaqsuhom jekk jiġu jħabbtu l-bieb tad-dar tagħkom. Peter Agius

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 September 2018