Illum previous editions

ILLUM 30 September 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1034186

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

Ħ sieb estrem għaddej minn moħħ bosta osservaturi tax- xena politika Taljana: possibli illi l-Gvern safrani-aħdar li laqqam lilu nnifsu bħala l-Gvern tat-tibdil qed jaġixxi b'mod ixxellerat sabiex l-Italja tispiċċa mkeċċija miż-żona ewro? Meta kien qed jitwaqqaf dan il-Gvern, il-President Taljan Sergio Mattarella uża d-diskrezzjoni mogħtija lilu mill-Kostituzzjoni sabiex ma japprovax l-ħatra tal-ekonomista Paolo Savona li kien ipotizza l-ħruġ tal- Italja miż-żona ewro. Savona eventwalment inħatar ministru tal-affarijiet Ewropej fejn għadu jippromwovi t-teoriji tiegħu u minfloku nħatar professur tal-ekonomija ruman Giovanni Tria li hu rispettat u qabel kien serva bħala konsulent f 'diversi ministeri. Taħt il-ministru tal-intern u kap tal-Lega, Matteo Salvini, l-Italja adottat rettorika xejn produttiva u atteġjament ferm negattiv fir-rigward tal- immigrazzjoni. Bħallikieku l-problemi li għandha l-Italja huma kollha dovuti minħabba l-immigrazzjoni llegali u ġaladarba dina l-immigrazzjoni titwaqqaf, l-Italja ser terġa' ssir ward u żahar. Jinsew Salvini u s-segwaċi tiegħu illi fl-għelieqi Taljani huma l-immigranti illi jaqtgħu t-tadam u l-għeneb. Jinsew illi dawn l-immigranti qegħdin jagħmlu xogħol illi t-Taljani ma jridux jagħmlu minkejja illi suppost għandhom rata għolja ta' qagħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Il-ġimgħa l-oħra kont Puglia u f 'ġurnal lokali qrajt illi l-iskejjel fetħu b'nuqqas kbir ta' għalliema u bidilli. Imma fl-istess ħin qrajt illi Puglia flimkien ma' Sqallija u Kampanja hija fost ir-reġjuni Ewropej bl-ogħla rata ta' żgħażagħ bejn it-18 u l-24 sena, kważi 50%, illi la jaħdmu u l-anqas jistudjaw. U fl-istess Puglia huma s-suwed li jaqtgħu t-tadam. Huwa ċar illi s-suq tax-xogħol Taljan mhux qed jaħdem sew. Il-gvern ta' Renzi kien irriforma l-liġi tal-impjieg biex jagħmilha anqas riġida u għadda mill-Parlament 'l hekk imsejħa Jobs Act. Fost affarijiet oħra, din il-liġi għamlitha aktar faċli illi min iħaddem ikeċċi ħaddiem għax qabel kien prattikament impossibli illi wieħed ikeċċi ħaddiem f 'azjenda li tħaddem aktar minn 60 impjegat jew f 'unità produttiva ta' aktar minn 15-ir ruħ. L-idea wara din ir-riforma kien illi min iħaddem jiġi inkoraġġut jimpjega b'kuntratt indefinit. B'hekk, jonqos 'l hekk imsejjaħ "prekarjat", meta wieħed jitħaddem fuq kuntratt definit li faċilment jista' ma jiġġeddidx. Il-kuntratti għal terminu definit ukoll ġew liberalizzati basta ma jaqbżux tliet snin fit-tul. Il-gvern il-ġdid hu magħmul minn żewġ partiti li għandhom kostitwenza ferm differenti u spiss konfliġġenti imma li ddeċidew illi jingħaqdu ħalli jieħdu l-poter f 'idejhom. Minn banda għandek il-Lega illi suppost hija l-'junior partner' imma qajla li hu hekk bl- attiviżmu ta' Salvini. Il-Lega trid tintroduċi l-hekk imsejħa flat tax biex kulħadd jiġi ntaxxat bl-istess rata rrispettivament minn kemm jaqla'. Miżura li ser tnaqqas drastikament id-dħul tal-Gvern Taljan. Dan barra r-rettorika li semmejna kontra l-immigrazzjoni klandestina illi hija mpinġija bħala l-għerq tal- problemi kollha Taljani. Mill-banda l-oħra dik illi suppost hija s-'senior partner' fil-Gvern Taljan, il-Moviment Cinque Stelle għandu interessi differenti. Ġabar ħafna kunsens għax wiegħed "dħul għaċ- ċittadini" li jingħata lil kull min m'għandhux impjieg stabbli. B'hekk kull min ma jaħdimx jista' jieħu benefiċċju statali li qed jiġi kkalkulat li ser ikun ta' €780 fix-xahar. Ma tridx tkun xi xjenzat kbir sabiex tinduna illi ż-żewġ miżuri fundamentali tal-Lega u l-M5S huma kontradittorji u ser jiswew ħafna flus. Flus li l-Italja ma taffordjax għax diġà hija mdejna sa ruħ ommha. Għandha dejn pubbliku ta' €2.2t jiġifieri 132% tal-PGD jew € 37,000 għal kull Taljan. L-Italja għandha l-akbar dejn fiż-żona ewro u bħala perċentwali ta' PGD, id-dejn Taljan jinqabeż biss mill-Greċja. Għaldaqstant, l-Italja qajla taffordja tirrilassa r-rigur fiskali illi bdieh il- Gvern teknokratiku ta' Monti u segwieh il-gvernijiet immexxija mill-partit Demokratiku taħt professur ieħor Pier Carlo Padoan. Il-ministeru tal-finanzi Taljan taħt Padoan kien ftiehem mal-Kummissjoni Ewropea illi d-defiċit għas-sena d-dieħla ma jaqbiżx 1.6% tal-PGD. Imma kemm il-Lega u speċjalment l-M5S assedjaw lis-suċċessur ta' Padoan, Tria u l-konsulenti tiegħu u riedu jżidu d-defiċit proġettat. Wara jiem sħaħ ta' tensjoni li fihom Tria ma jridx iċedi wara li ddikjara illi hu ħa l-ġurament sabiex iservi lil ħadd partikolari imma lin-nazzjon, il-kabinett Taljan approva dokument li qed jipproġetta defiċit ta' 2.4% tal-PGD. B'hekk il-Lega tkun tista' tibda tintroduċi l-flat tax u l-M5S jibda jagħti d-"dħul taċ-ċittadin" lil min mhux qed jaħdem. Jew hekk jiddikjara. Għax bosta, inkluż sostenituri tal-Lega, jinkwetaw illi dan il-benefiċċju ser jieħdu anke min qed jaħdem bla ktieb tax-xogħol. Il-ministri tal-M5S ħarġu jiċċelebraw mill-gallerija ta' Palazzo Chigi u ddikjaraw illi ħadd mit-Taljani mhu ser jibqa' fqir. Imma jew insew jew riedu jinjoraw lis-swieq finanzjarji li l-għada stess ġabuhom f 'senshihom. Id-differenzjal bejn it-titoli tal-istat taljan għal għaxar snin u l-bund Ġermaniż, l-hekk imsejjaħ 'spread', żdied b'40 punt bażi u l-imgħaxx fuq it-titoli ta' sentejn qabeż it-3%. Kemm ilu dan il-Gvern fil-poter, l-imgħaxx fuq id-dejn Taljan irdoppja. Ħaġa li ser tfisser biljuni ta' ewro aktar fis- sena sabiex jitħallas l-imgħaxx u li ser tiekol sew mid-defiċit ogħla illi l-Gvern Taljan qed jimmira għalih. Fil-fatt, il- Quirinale illi żamm lil Tria milli jirriżenja jidher illi hu inkwetat illi ż-żieda fl-ispread ser tkompli taggrava l-finanzi prekarji Taljani. U ma rridux ninsew li meta l-ispread żdied b'rata allarmanti Berlusconi kellu jirriżenja taħt il-pressjoni tal- president Napolitano illi għadda r-riedni f 'idejn il-professur Monti. M'hemm xejn xi jżomm illi l-istorja tirrepeti ruħha. Dan anke minħabba miżuri oħra li qed jieħu dan il-Gvern: irid jirriforma l-liġi Fornero sabiex xi 400,000 ruħ ikunu jistgħu jieħdu l-pensjoni qabel iż-żmien. Ħaġa li ser tipperikola s-sostenibilità tas- sistema pensjonistika Taljana. Intant, il-Gvern Taljan qed juri inkompetenza kbira bil-mod kif qed jiġġestixxi d-diżastru tal- pont Morandi f 'Genova. Din il- ġimgħa, 44 jum wara l-inċident, ġie promulgat id-digriet tal-Gvern illi jiffissa l-għajnuna finanzjarja sabiex tagħmel tajjeb għal din l-emerġenza. Dan fost it-tgergir tal-politiċi u l-poplu ta' Genova. Fost dawk li spiċċaw bla dar kien hemm min anke hedded illi ser imur jipprotesta wara d-dar ta' Ġenoviż DOC, Beppe Grillo li kif ilkoll jafu hu l-fundatur tal-M5S. Meta d-digriet mar għand ir-Ragioneria di Stato sabiex din tiċċertifika skont il-Kostituzzjoni illi hemm kopertura finanzjarja, instab illi d-digriet kien nieqes mill- informazzjoni meħtieġa nkluż il-figuri ta' spiża antiċipata. L-Italja mhix il-Greċja: jekk is-swieq finanzjarji jitilfu fiduċja fl-Italja, ser ikun ferm diffiċli illi jitnieda pjan ta' salvataġġ kbir biżżejjed sabiex isalva lill-Italja mid-default. Dan bħalma ġara din il-ġimgħa meta l-Fond Monetarju Internazzjonali sellef $ 57bn lill-Arġentina, pajjiż illi regolarment jispiċċa f 'inkwiet finanzjarju u li inċidentalment għandu parti kbira tal- popolazzjoni ta' oriġini Taljana. U għaldaqstant kien ikun ferm għaqli illi l-Gvern il-ġdid Taljan jipproċedi b'kawtela kbira qabel ma jibda jimplimenta l-wegħdiet elettorali tiegħu. Minflok ma għamlu hekk, il-komponenti tal-Gvern Taljan warrbu kwalunkwe kawtela u ġew jaqgħu u jqumu mir-reazjoni tas-swieq internazzjonali għall-miżuri li ħabbru. Hija tassew ħasra illi l-Gvern il-ġdid Taljan flok ma jimxi fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħu u jikkonsolida l-kisbiet li wetqu, jipprova jreġġa' l-arloġġ lura u jarmi l-progress li sar ħalli jpoġġi sew min qed jappoġġjah. Dan hu li jfisser il-populiżmu: meta wieħed jinsa l-ġid nazzjonali sabiex jintgħoġob ma' kostitwenzi partikolari rrispettivament mill- konsegwenzi tal-fatt li wieħed jagħmel hekk. U għalhekk hemm min qed jidħollu dubju illi l-inkompetenza u n-nuqqas ta' kawtela li qed juri dan il-Gvern hija l-frott tad-disinn sigriet ta' bosta fi ħdanu illi jemmnu illi l-Italja marret lura wara li adottat l-ewro u jixtiequ illi terġa' tmur lura għal-lira. Dawn it-talin ma jirrealizzawx illi l-mument li jiġri hekk, il-munita l-ġdida ser tiżvaluta ruħha drastikament u l-livell ta' għixien Taljan ser jonqos bil-kbir. Qed jinsew illi dak li għandha bżonn l-Italja huma riformi strutturali illi introduċew pajjżi oħra bħal Ġermanja u li l-Italja dejjem sabitha diffiċli tadotta. Riformi li l-Gvern il-ġdid bl-ebda mod ma jrid jintroduċi u m'għandu l-ebda viżjoni sabiex iwettaq. Ix-xenarju politiku Taljan hu tassew deprimenti u l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni Taljana hi l-akbar theddida għall-istabbilità taż-żona ewro. Wieħed jawgura illi f 'xi ħin jew ieħor min qed imexxi jadotta politika aktar realista u dan qabel ma ssir aktar ħsara li jkun ferm diffiċli illi titreġġa' lura. illum | Il-Ħadd 30 ta' Settembru 2018 20 JOE ELLIS Opinjoni Qagħda allarmanti

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 September 2018