Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1034186
3 Aħbarijiet Il-Ħadd 30 ta' Settembru2018 | illum Għadu fi 'stadju bikri' l-proċess għar- regolarizzazzjoni tal-gentlemen's clubs Il-President tas-sezzjoni tal-GRTU għas-setturi tat-turiżmu, l-ospitalità u d-Divertiment, Philip Fenech, qal lill-gazzetta ILLUM, li l-proċess għar-regolarizzazzjoni ta' dawk imsejħa 'gentlemen's clubs' għadu fi stajdu bikri. Dan minkejja li fid-19 ta' Frar tal-2016, il-Ministru għat- Turiżmu ta' dak iż-żmien, Edward Zammit Lewis, kien ħabbar li dawn il-clubs, se jkunu qed jiġu rregolati u dan bħala parti minn riforma leġislattiva aktar wiesgħa għas-settur tat-turiżmu u minkejja li s-sena li għaddiet, il- Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi kien reġa' qajjem id- diskussjoni u saħaq li abbozz ta' liġi kellu jitressaq quddiem il-Parlament sa Diċembru tal- 2017. Fenech saħaq li fl-aħħar xhur, il-GRTU kellha numru ta' diskussjonijiet kemm mal- partijiet interessati, inkluż mas-sidien tal-istabbilimenti u anke mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) li hija responsabbli min din ir-riforma. Huwa insista li s-sidien kollha kemm huma jaqblu li l-operat tagħhom għandu jkun irregolat. Insista li wieħed ma jistax jinsa l-fatt li dawn l-istabbilimenti qed joperaw, uħud minnhom għal snin sħaħ u għalhekk saħaq li huwa tajjeb li jkun hemm forma ta' regolarizzazzjoni li tiddefinixxihom. Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM, għamlet ukoll kuntatt ma' żewġ sidien ta' 'gentlemen's clubs' li saħqu li għalkemm huma mhu qed jagħmlu xejn li jmur kontra l-liġi u li min jeddhom jirregolaw lilhom infushom, jaqblu li l-istabbilimenti jkunu 'aktar definiti u rikonoxxuti' u jkun hemm imniżżel iswed fuq l-abjad dak li hu permessibbli u dak li mhuwiex. "Għadna sal-lum ma nafux x'jista' jsir fl-istabbilimenti. Anke jekk jiena naf x'jista' jsir, jekk kollox ikun imniżżel fuq il-karta, ikun ħafna aħjar," saħaq wieħed mis-sidien. Fenech saħansitra qal lil din il-gazzetta li waqt id- diskussjonijiet kien hemm sidien li insistew li anke jekk żgħażagħ ta' 17-il sena (l-età permessibbli għall-konsum tal- alkoħol) jistgħu jidħlu f 'dawn l-istabbilimenti, xorta waħda jippreferu li jitħallew fil-libertà biex jagħżlu minn jeddhom jekk jiddeċiedu li ma jaċċettawx klijenti li għandhom inqas minn 21 sena. Apparti minn hekk, Philip Fenech qal li l-GRTU ltaqgħet ukoll ma' dawk l-entitajiet li għandhom ir-riservi tagħhom dwar 'il-gentlemen's club' biex ikun assigurat li tinstema' l-opinjoni ta' kulħadd u kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed tkun waħda infurmata. Intant, il-gazzetta ILLUM bagħtet ukoll tistaqsi direttament lill-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Gavin Gulia, dwar dan il-proċess, iżda sakemm morna għall-pubblikazzjoni, dawn baqgħu mhux imwieġba. S'issa x'permessi għandhom dawn il-clubs? Preżentament, il-'gentlemen's clubs' jaqgħu taħt il-liċenzja tal- ħwienet fil-kategorija tal-ikel. Il-pjan huwa li jkun hemm liċenzja speċifika għal dawk l-istabbilimenti li joffru divertiment tard bil-lejl, b'sotto kategorija speċifika għad-divertiment tal-adulti, li taħthom ikunu jaqgħu 'l-gentlemen's clubs.' Id-diskussjoni dwar dawn il-clubs reġgħet qamet matul din il-ġimgħa wara li l-Imħallef Edwina Grima saħqet li wasal iż-żmien li 'l-gentlemen's clubs' ikunu rregolati b'leġiżlazzjoni li għandha tistabbilixxi liema hija l-attività li għandha tiġi permessa u liema għandha tkun sanzjonata. Hija saħqet dan waqt li kienet qed tippresjedi l-Qorti tal-Appell li bidlet is-sentenza mogħtija lil Raymond u Vincent Micallef. Din ħelsithom mill- akkużi li kienu qed imexxu burdell iżda sabithom ħatja li kienu qed jimpjegaw tfajliet barranin mingħajr ma kellhom liċenzja jew ktieb tax-xogħol. L-akkużati kienu ġew arrestati wara li kienu wettqu rejd fl- istabbiliment u sabu għadd ta' tfajliet, nofshom imneżża', jiżfnu mal-poles u mal-klijenti. Fl-appell tagħha, l-Imħallef Grima saħqet li għandu jkun stabbilit iswed fuq l-abjad dak li hu permessibbli li jsir f 'dawn l-istabbilimenti, x'mhuwiex u min jista' jidħol u min ma jistax. Insistiet ukoll li n-nisa u t-tfajliet li jaħdmu fihom għandhom ikunu protetti mill- esplojtazzjoni. ycioffi@mediatoday.com.mt Yendrick Cio …dan minkejja li r-regolarizzazzjoni ta' dawn il-clubs tħabbret sentejn u nofs ilu u sal-aħħar tas-sena li għaddiet kellu jitressaq abbozz ta' liġi quddiem il-Parlament X'se jkun permessibbli u x'mhux se jkun? Sas-sena li għaddiet, kien qed jiġi mħejji abbozz li kellu jitressaq quddiem il-Parlament sa Diċembru tal-2017. Il-konsulent fil-Ministeru għat-Turiżmu George Micallef, kien spjega li dan l-abbozz se jkun jinkludi regoli li fost oħrajn jipprojbixxu l-użu tal-kmamar privati u jagħmel ukoll distinzjoni bejn l-imġiba u dak li jilbsu ż-żeffiena fuq il-palk u dawk li jiżfnu fuq l-imwejjed, ġaladarba dawn ikollhom kuntatt mal-klijenti. Il-gazzetta oħt MaltaToday kienet saħansitra rrappurtat li s-sidien se jkunu obbligati jassiguraw li kwalunkwe 'pole dancers' għarwiena ma jitħallewx jiżfnu jekk mhux fuq il-palk. Kmamar privati, anke jekk ħafna mis-sidien jisħqu li ma għandhomx, mhux se jkunu aktar permessibbli. Ir-regoli l-ġodda kellhom ukoll ipoġġu restrizzjoni fuq in-nisa li ġeneralment jidhru quddiem dawn l-istabbilmenti biex iħajru l-klijenti biex jidħlu. Dan apparti restrizzjonijiet oħra fuq ir-reklamar barra mill-istabbiliment u anke jkunu limitati ż-żoni fejn dawn jistgħu jiftħu, biex pereżempju ma jkunux viċin skejjel. Biżżejjed li jiġu rregolati? Anke jekk il-Ministru għat-Turiżnu Konrad Mizzi saħaq li r-regolarizzazzjoni ta' dawn il-clubs hija neċessarja, għax bħalissa s-sistema hija miftuħa għal kulħadd, għadd ta' għaqdiet tan-nisa xorta waħda ma tantx huma kuntenti, anzi kienu akkużaw lill-Ministru li qed ipoġġi lilu nnifsu fuq in-naħa tas-sidien. Il-Konfederazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet tan- Nisa dejjem saħqet li: • dawn l-istabbilimenti għandhom jingħalqu u mhux jiġu rregolarizzati. • r-riċerka turi li hemm rabta qawwija bejn dawn il- clubs għall-adulti u l-kriminalità, il-protituzzjoni u traffikar tan-nisa. • għalkemm is-sidien jippruvaw jagħmlu differenza bejn 'gentlemen's clubs' u 's-strip clubs,' il-fatt jibqa' li f 'dawn in-negozji, in-nisa jkunu ffastidjati sesswalment. • 'ma hemm xejn 'gentlemen' fil-gentlemen's clubs.' • il-Gvern għandu biex jieħu l-istess pożizzjoni tal- Iżlanda li kienet ipprojbixxiet dawn il-clubs. Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Renee Laiviera kienet qalet ukoll li anke jekk jiġu dawn il-clubs ikunu rregolarizzati, ma jbiddilx il-fatt li fihom il-mara xorta waħda tibqa' meqjusa biss bħala oġġett sesswali." Din il-ġimgħa, fuq Facebook kiteb ukoll id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo li saħaq li kemm "il- 'gentlemen's clubs' u anke 'l-massage parlours' tal-isem," għandhom jingħalqu.