Illum previous editions

ILLUM 30 September 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1034186

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 31

7 Aħbarijiet Il-Ħadd 30 ta' Settembru 2018 | illum 'Tajjeb tkun għalliem, għandek tliet xhur b'idejk fuq żaqqek u titlaq id- dar mas-sagħtejn.' Kif iħossuhom l-għalliema meta jisimgħu hekk? MATUL din il-ġimgħa t-tfal irritornaw lura lejn l-iskola wara ftit inqas minn tliet xhur ta' vaganzi u mistrieħ. Bħal nhar l-Erbgħa, l-attenzjoni ddur fuq l-entratura tal-iskola mimlija emozzjonijiet. Tfal jibku għax ma jridux jirritornaw lejn l-iskola, oħrajn ferħana għax se jiltaqgħu mill-ġdid ma' sħabhom u xi ġenitur taqbiżlu xi demgħa għax it-tfal ikunu kibru sena oħra. Iżda donnu l-attenzjoni taqa' biss fuq it-tfal u ftit li xejn nitkellmu dwar l-għalliema li anke għalihom se tibda jew aħjar tkompli sena oħra ta' ħidma. Lura għar-rutina tas- soltu, waqt li ħafna qed jitkellmu fuq il-konġestjoni tat-traffiku, l-iskema l-ġdida tat-trasport u xi policy ġdida fl-iskola, il-gazzetta ILLUM xtaqet tagħti vuċi lill-għalliema, li mingħajrhom l-iskejjel jibqgħu magħluqa. Imma l-għalliema fis-sajf xi jkunu qed jagħmlu...jixxemxu biss? Dwar dan tkellimna ma' żewġ għalliema li wrew id-dispjaċir tagħhom għall-fatt li ħafna jaħsbu li l-għalliema jqattgħu tliet xhur b'idejhom fuq żaqqhom u li din il- professjoni hi waħda 'relax'. "Min jgħid li fis-sajf ma nagħmlu xejn, ikun qed jonqosna mir-rispett' Iż-żewġ għalliema saħqu li għall-kuntrarju ta' dak li jaħsbu ħafna, matul il-vaganzi tas-sajf ikunu għaddejjin bi preparamenti tal-lezzjonijiet għas-sena skolastika ġdida li jieħdu ħafna ħin. Fost dawn, l-għalliema jkunu qed jippreparaw materjal li jinbidel kontinwament u jfasslu noti li jitqassmu lill-istudenti waqt il-lezzjonijiet. Għalliema minnhom saħqet li f 'ċertu suġġetti bħall-Ingliż, fejn hemm nuqqas ta' għalliema, il- pressjoni tinħass aktar u jinġema' ammont akbar ta' xogħol. "Ma jfissirx li ma nistriħux. Imma min jgħid li ma nkunu qed nagħmlu xejn tliet xhur sħaħ, u nitħallsu għalxejn, ikun qed jonqosna mir-rispett," saħqet waħda mill- għalliema. Iżda l-mistrieħ kulħadd ikollu bżonnu u l-għalliem ukoll, għax importanti li jidħol fil-klassi b'moħħu frisk u b'saħħtu biżżejjed biex jiffaċja klassi ta' studenti b'karattri differenti. "Mhux faċli taħdem f 'kamra ma' tfal li ġejjin minn ambjenti differenti u li jġorru problemi varji", saħqet waħda mill-għalliema. "Tfal li jkunu għaddejjin minn problemi d-dar ibiddlu ħafna l-imġiba tagħhom fil-klassi," saħqu t-tnejn li huma li għalkemm każijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu injorati, ir-responsabbiltà fuq l-għalliema tkompli dejjem tiżdied. Iżda x'inhuma l-akbar diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-għalliema? Tkellimna mal-għalliema dwar l-akbar diffikultajiet li jiffaċjaw wara l-bibien magħluqa tal-klassi. "Ikun hemm studenti li juru interess u oħrajn mhux daqstant...dawn tal- aħħar mhux biss itellfu lil sħabhom imma anke lilna," qalet waħda mill-għalliema. It-tfal li jitkellmu ma' xulxin ta' spiss ukoll joffru sfida mhux ħażin. Mhux biżżejjed tagħmel sitt sigħat tgħid, imma talli jkollok toqgħod tirrepeti wkoll. "Xi kultant qisek qed titkellem mal-ħajt," tisħaq magħna waħda mill- għalliema filwaqt li żżid tgħid li kemm jista' jkun tipprova tagħmel il-lezzjoni interessanti permezz ta' logħob bħal kwiżż, li jgħinu l-istudenti jżommu l-interess waqt il-lezzjoni, anke lil min mhux is-soltu joqgħod attent. Ix-xogħol ikompli wara li jitilqu t-tfal... U għal dawk li jaħsbu li x-xogħol jintemm malli ddoqq il-qanpiena, l-għalliema jisħqu li x-xogħol ikompli wara wkoll. Il-korrezzjonijiet iridu jsiru. "Mhux l-ewwel darba li domt sas-siegħa ta' filgħodu biex nipprepara għal-lezzjonijiet u nikkoreġi x-xogħol... In-nies dik li ma jarawx, li aħna ma naħdmux biss meta nkunu l-iskola. Ħafna mix-xogħol ikollu jsir mid- dar." "Mhux hekk biss, iżda għax-xogħol li nagħmlu d-dar u li ħafna drabi jaqbeż l-40 siegħa fil- ġimgħa, mhux se nitħallsu." It-teknoloġija u l-iskola... It-teknoloġija saret ukoll parti essenzjali mit- tagħlim. L-ILLUM staqsiet lill-għalliema dwar kif it-teknoloġija tgħinhom u jekk ittelifhomx. L-għalliema saħqu li l-użu tat-teknoloġija bħal interactive whiteboards, powerpoints u attivitajiet onljan jagħmlu l-lezzjoni aktar interessanti u jżidu l-parteċipazzjoni fil-klassi. Iżda llum it-tfal draw fit-teknoloġija u għalhekk jisħqu li xi ftit jew wisq, l-effett li t-teknoloġija kellha qabel, bit-tfal jaffaxxinaw ruħhom, naqset xi ftit. F'ċertu każijiet it-teknoloġija ttellef ukoll. Għalliema tirrakkonta esperjenza li kellha ma' student partikolari li kien imur l-iskola dejjem għajjien. X'kienet ir-raġuni? Kien qed jorqod tard għax kien jilgħab il-playstation sas-sigħat bikrin ta' filgħodu. 'Il-ġenituri għandhom jimxu id f 'id magħna' Kien hawn li l-għalliema saħqu li l-edukazzjoni u l-iskola ma tiqafx mal- għalliema. Il-ġenituri għandhom ikollhom sehem dirett fl-edukazzjoni formali ta' wliedhom. Hawn tkellmu magħna dwar in-nuqqas ta' rispett li xi drabi jiffaċjaw mingħand l-istudenti u tkun ġejja għax ma jafux mod ieħor. F'dawn il-każijiet fid-dar, id-dixxiplina tkun minima. Saħqu fuq il-bżonn li l-ġenituri jimxu id f 'id mal-għalliema hekk kif iż-żewġ naħat għandhom ikollhom fl-interess tagħhom l-edukazzjoni tat- tfal. Ħeġġew lill- ġenituri biex ma jiddejqux jitkellmu mal- għalliema u jistaqsuhom dwar il- progress ta' wliedhom. "Mhux se jdejquna...anzi hekk irridu.' Din is-sena, skont ċifri ppubblikati mill-Ministeru tal- Edukazzjoni joħroġ li f 'din is-sena skolastika kien hemm total ta' 8,731 student f 'kindergarten, 25,860 student fil-primarja, 20,939 fi skejjel medji u sekondarji u 3,691 fi skejjel post sekondarji. It-total ta' għalliema fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex għal din is-sena skolastika, jammontaw għal 5,574. It-tim tal-gazzetta ILLUM jixtieq jawgura kull suċċess lill-istudenti, l-għalliema u l-edukaturi kollha għal din is-sena skolastika! Sarah Debattista Sarah 'Nagħmlu ħafna xogħol li għalih ma nitħallsux'

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 September 2018