Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1034186
illum | Il-Ħadd 30 ta' Settembru 2018 Aħbarijiet Għadu mhux magħruf meta se jitressaq l-Abbozz ta' Liġi dwar il-maternità surrogata Il-Ministeru jisħaq mal-gazzetta ILLUM li għadu għaddej il-proċess preparatorju għal qafas regolatorju dwar din il-liġi Minn Yendrick Cioffi HEKK kif għada t-Tnejn il-Parlament jerġa' jiftaħ il- bibien tiegħu biex jirritorna għar-rutina u jkomplu jiġu diskussi liġijiet ġodda, għadu mhux magħruf meta se jkun qed jitressaq l-abbozz ta' liġi dwar il-maternità surrogata. Għall-mistoqsijiet mibgħuta mill-gazzetta ILLUM, dwar fiex wasal ix-xogħol fuq dan l-abbozz ta' liġi, kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet biss li għadu għaddej il-"proċess preparatorju għal qafas regolatorju għal-liġi dwar il- maternità surrogata." Madanakollu, il-Ministeru ma weġibx dwar meta qed jippjana li jressaq dan l-abbozz ta' liġi quddiem il-Parlament, anke jekk hu mifhum li ħafna mix-xogħol diġà lest, ġaladarba l-maternità surrogata oriġinarjament kienet inkluża fl-emendi għal-liġi tal-IVF, approvati f 'Ġunju li għadda (ara aktar 'l isfel). Fil-fatt, nhar l-1 ta' Lulju, il-Ministeru kien ikkonferma mal-ILLUM li ftit jiem wara li ġew approvati l-emendi fil-liġi tal-IVF, kien diġà beda x-xogħol biex jitħejja abbozz ta' liġi dwar il-maternità surrogata, anke għax id-diskussjoni dwarha kienet bdiet waqt li kienu qed jiġu diskussi dawn l-emendi. Qabel l-Abbozz jittieħed quddiem il-Parlament, il- Ministru kien qal li se jniedi konsultazzjoni pubblika, madanakollu, il-kelliema tal- Ministeru ma setgħetx tindika lanqas meta se tkun qed tinfetaħ din il-konsultazzjoni. Xi tfisser eżatt il-maternità surrogata? Il-maternità surrogata tippermetti li permezz tal- proċedura tal-IVF mara tkun tista' ġġorr f 'ġufha tarbija ta' koppja oħra. Dan ifisser li l-introduzzjoni tal-maternità surrogata f 'Malta mhux biss se tiftaħ aktar il-bibien għal dawk il-koppji li ma jkunux jistgħu jkollhom tfal b'mod naturali, iżda anke tippermetti li koppji 'gay' ikollhom it-tfal tagħhom permezz tal-proċedura tal-IVF u mhux jaddottaw biss. Fil-fatt, permezz tal-liġi tal-IVF, huma l-koppji liżbjani li jistgħu jibbenefikaw mill- proċedura tal-IVF kif emendata. Permezz tad-donazzjoni tal-gamiti, il-bajd ta' waħda minn dawn in-nisa jkunu ffertilizzati mal-isperma li tkun ġiet mogħtija b'donazzjoni, minn donatur li ma jistax ikun magħruf. Iżda bil-maternità surrogata, anke koppji 'gay' se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill- proċedura tal-IVF. F'dan il-każ, l-isperma ta' wieħed mill-irġiel f 'koppja 'gay' tista' tintuża għall- fertilizzazzjoni tal-bajd ta' mara. L-embrijun maħluq ikun jista' mbagħad jinġarr minn dik li mara li toffri l-ġuf tagħha. Anke jekk il-maternità surrogata ma ssir l-ebda referenza għaliha fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Gvern wiegħed proċedura tal-IVF li 'tirrifletti aħjar l-avvanzi li saru fit-teknoloġija' u li 'minnha aktar koppji jibbenefikaw.' Ġaladarba jonqos biss il- maternità surrogata biex kemm koppji eterosesswali u dawk omosesswali jkunu jistgħu 'jibbenefikaw' mill-proċedura tal-IVF, hu mifhum li l-Gvern kien qed jirreferi b'mod indirett għall-maternità surrogata wkoll meta għamel din il-wegħda. X'kien propost? Oriġinarjament, il-Ministru Fearne kien ippropona l-introduzzjoni tal-maternità surrogata fil-proposti tiegħu biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni (il- liġi tal-IVF). Madanakollu, meta kien ħabbar bidliet għall-emendi kif oriġinarjament imressqa, wara li dwarhom tqajmu diversi dubji, inkluż mill-President, kien qal li l-maternità surrogata se tkun qed titressaq f 'liġi separata u esklussiva għaliha. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien iddikjara li l-maternità surrogata (jekk tkun approvata mill-Parlament) se tkun introdotta f 'Malta b'mod altruwistiku, ġeneralment fost membri tal-familja. Dan ifisser li l-maternità surrogata tkun permessibbli biss f 'każi bħal pereżempju meta oħt ir-raġel tiddeċiedi minn jeddha biex toffri ġufha biex twelled hi iben jew bint għal ħuha. Il-Ministeru ma weġibx lil din il-gazzetta meta mistoqsi jekk dan l-abbozz ta' liġi hux se jkun jinkludi proposti differenti minn dawk li kienu saru diġà meta l-maternità surrogata kienet għadha parti mill-emendi mressqa għal-liġi tal-IVF. X'kien intqal? Dwar dan is-suġġett kien hawn diskussjoni sħiħa. Fost dawn, 100 akkademiku minn diversi fakultajiet fi ħdan l-Università ta' Malta kienu ngħaqdu f 'dokument li fih urew it-tħassib tagħhom dwar il-liġi l-ġdida tal-IVF u l-maternità surrogata. Minħabba l-fatt li l-mara li ġġorr lit-tarbija tintalab tirrinunzja kull responsabbilità li trabbi l-wild bħala tagħha, l-akkademiċi kienu saħqu li dan se jfisser li t-tarbija ma tingħatax iċ-ċans li tkun ikkonċeputa, żviluppata, imwielda u mrobbija mill-istess omm li ġabitha fid-dinja. "Dan huwa mod ieħor kif il-ġisem tal-mara jitqies bħala oġġett," kienu saħqu l-akkademiċi waqt li insistew li din il-proċedura tnaqqas ukoll mill-importanza tal-ġenituri fil-ħajja tat-tfal. Kienu wkoll ħeġġew lill- Gvern biex anke jekk studji li saru dwar din il-proċedura ma pprovdew l-ebda evidenza ta' ħsara fuq it-tfal, jasal għall- konklużjonijiet b'kawtela u jsiru aktar studji qabel tittieħed deċiżjoni għax fi kliemhom, ir- riċerka li saret sa issa għandha ħafna limitazzjonijiet.