Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1060187
17 17 Il-Ħadd 9 ta' Diċembru 2018 | illum Opinjoni J iem tassew imqanqla fir- Renju Unit. Jekk mhux kaotiċi. Nhar it-Tlieta, il- Commons ser jivvutaw biex japprovaw il-ftehim li l-Gvern tar-Renju Unit laħaq mal-UE 27. Minkejja twissijiet kemm min-naħa tal-UE kif ukoll mill-Prim Ministru May u l-ministri tal-kabinett tagħha illi m'hemm l-ebda alternattiva għal dan il- ftehim, jidher f 'dan l-istadju ferm improbabbli illi dan il-ftehim ser jiġi approvat mill-Commons u ferm u ferm anqas mil-Lords. Il-problema kbira li għandha Theresa May hi illi l-ftehim milħuq ma jissodisfa prattikament lil ħadd. Imma minkejja dan xi wħud mill- hekk imsejħin Remainers qegħdin juru illi ser jivvutaw favur dan il-ftehim peress illi ser iżomm lir-Renju Unit f 'orbita fissa mal-UE, il- Brexiteers huma kontra dan il- ftehim għall-istess raġunijiet. Il-Brexiteers ħolmu illi meta r-Renju Unit ser joħroġ mill- UE ser ikollu libertà assoluta li jiżviluppa relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi l-oħra tad-dinja bla xkiel ta' xejn fil- waqt illi jkompli jgawdi minn relazzjonijiet preferenzjali mal-UE. Il-Brexiteers irraġunaw illi kien ser ikun fl-interess tal-Ewropej illi jkomplu jesportaw il-prosecco, ġobnijiet u karozzi tagħhom u minħabba f 'hekk, kienu ser iħalluhom jesportaw lejn l-Ewropa bla xkiel. Il-Brexiteers ikkalkulaw ukoll illi l-Ewropej ma kinux ser iżommu front magħqud u jkunu jistgħu jilagħbu bihom kif iridu. Żbaljaw bl- ikrah għaliex kuntrarjament għal kważi kull ħaġa oħra, l-Ewropej żammew dixxiplina impressjonanti fejn tidħol il-Brexit għax ma riedu bl-ebda mod jimminaw l-inteġrità tas-suq waħdieni. L-Ewropej urew li minkejja d-differenzi inevitabbli u anke ta' natura ideoloġika ta' bejniethom fuq materji bħall-immigrazzjoni jew ir-relazzjonijiet mar-Russja, fejn jidħlu l-valuri essenzjali tal-Unjoni m'hemmx ċajt. U dan b'diżappunt kbir għall- Brittaniċi illi ppruvaw fuq li ppruvaw illi jaqbżu lil Michel Barnier, il-kap negozjatur tal-Kummissjoni u jitkellmu direttament mal-gvernijiet nazzjonali. Ir-risposti tal- gvernijiet nazzjonali dejjem kienu puliti imma ftit li xejn indaħlu fin-negozjati illi Barnier u n-nies tiegħu kien qed jagħmel f 'isimhom u dejjem skont il-linji gwida illi kienu approvaw huma stess. Meta wieħed jara x'kienu l-linji ħomor taż-żewġ naħat, wieħed japprezza kemm il-ftehim milħuq ta' 850 paġna huwa tassew riżultat ta' kompromess bejn iż-żewġ naħat. Kuntrarjament għal dak li qed jaħsbu bosta politiċi Ingliżi kemm fost il-Brexiteers kif ukoll fi ħdan il-partit Laburista, hu ferm diffiċli illi wieħed jista' jikkontempla illi jista' jkun hemm xi ftehim differenti sakemm ir-Renju Unit ma jabbandunax xi waħda jew aktar mil-linji ħomor illi mpona fuqu nnifsu u skont kif naħseb jien, bla ħtieġa. Għaliex kienet Theresa May stess illi apparentement mingħajr lanqas iddiskutiet il-materja fil-kabinett imponiet dawn il-linji ħomor illi r-Renju Unit joħroġ mill-għaqda doganali, joħroġ mis-suq waħdieni illi Thatcher kienet strumentali fl- isvilupp tiegħu u ma jkomplix jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal- Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Dawn il-linji ħomor ma kinux neċessarjament ir-raġunijiet għala l-poplu tar-Renju Unit ivvota b'maġġoranza żgħira sabiex joħroġ mill-UE. Anzi fl-epoka tal-kampanja referendarja, kien intqal minn bosta illi r-Renju Unit xorta ser jibqa' fl-għaqda doganali u fis-suq waħdieni. Imma Theresa May mhux hekk interpretat il-vot popolari imma interpretatu b'mod u manjiera li poġġa lir-Renju Unit fi sqaq kbir. Min-naħa tagħha l-UE wkoll kellha l-linji ħomor tagħha. Għall-UE, mhux aċċettabli illi r-Renju Unit iżomm il- benefiċċji tas-sħubija meta joħroġ mill-Unjoni u ma jistax ikun hemm arranġament aħjar mis-sħubija. L-integrità tas-suq waħdieni riedet tiġi preservata akkost ta' kollox. Għall-UE dan hu divorzju doloruż imma li jrid jiġi ġestit bl-akbar serjetà u dixxiplina. Il-ftehim tat-tluq ta' 585 paġna u 107,000 kelma hu frott ta' kompromess kostruttiv li ntlaħaq miż-żewġ naħat. Hu tassew ftehim ta' separazzjoni imma jwitti t-triq għar-relazzjoni futura bejn iż-żewġ naħat u dana speċjalment fid-dikjarazzjoni politika illi takkumpanja dan il-ftehim. Wara d-29 ta' Marzu 2019, hemm perjodu ta' tranżizzjoni sal-aħħar tal-2020 illi matulu r-Renju Unit ser jibqa' jirrispetta l-istess obbligi tas-sħubija, inkluż l-ħlas li tagħmel u tibqa' tapplika t-Tariffa Esterna Komuni. Ir-Renju Unit għandu wkoll id-dritt illi sal-aħħar ta' Ġunju 2020 jitlob darba illi jestendi dan il-perjodu ta' tranżizzjoni u dana għall-perjodu ta' sena jew sentejn. Madankollu, wara d-29 ta' Marzu 2019, ir-Renju Unit ma jkollux dritt jipparteċipa aktar fl-organi komunitarji. Effettivament, ir-Renju Unit hu mistenni illi jħallas somma ta' bejn €45 u €50bn għall-impenji tal-passat u għall-perjodu ta' tranżizzjoni sal-aħħar ta' 2020. Fir-rigward taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-UE u ċ-ċittadini tal-UE fir- Renju Unit, il-ftehim jaħseb illi dawn iżommu d-drittijiet tagħhom ta' sigurtà soċjali u residenza. Kull min kien jirrisjedi fl-istess pajjiż għal ħames snin għandu d-dritt japplika għal residenza permanenti. Madankollu mhux ċar jekk iċ-ċittadini tar-Renju Unit humiex ser ikomplu jgawdu mil-libertà tal-moviment fi ħdan l-UE. Waħda mill-akbar problemi li tfaċċaw waqt dawn in- negozjati kienet il-kwistjoni Irlandiża. Ir-Repubblika Irlandiża għandha fruntiera ta' 399 km mal-Irlanda ta' Fuq li matulha hemm mijiet ta' postijiet fejn wieħed jista' jaqsam min-naħa għall-oħra. Wara l-ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira li difen darba għal dejjem l-inkwiet settarju li kien ħakem l-Irlanda ta' Fuq li kien ikkawża l-mewt ta' mijiet, din il-fruntiera sparixxiet. L-ekonomiji taż-żewġ naħat hija ferm integrata u f 'ħafna aspetti l-gżira Irlandiża qiegħda ssir territorju ekonomiku uniku. Dawn l-iżviluppi ġew megħjunin mhux ftit mill-fatt illi ż-żewġ pajjiżi huma membri tal- UE, qegħdin fl-istess għaqda doganali u fis-suq waħdieni. Issa illi r-Renju Unit ser joħroġ u ser jabbanduna l-għaqda doganali u s-suq waħdieni, ser jinħolqu problemi għax bilfors irid ikun hemm kontrolli doganali, minimi kemm huma minimi, fuq l-merċa li tmur min-naħa għall-oħra, ħaġa li ħadd ma jridha. Għaldaqstant, il-ftehim jikkontempla illi jekk ftehim ta' kummerċ ħieles ma jintlaħaqx sakemm jispiċċa l-perjodu ta' tranżizzjoni, jidħol fis-seħħ l-hekk imsejjaħ "backstop". Dan ifisser illi jkun hemm "territorju doganali wieħed bejn l-UE u r-Renju Unit" biex ma jkunx hemm fruntiera fl-Irlanda. Barra minn hekk, l-Irlanda ta' Fuq ser tibqa' f 'relazzjoni doganali aktar fil-qrib mal-UE u tkun aktar alinejata mas- Suq Waħdieni. Dan huwa l-aktar illi rrabja lill-Unjonisti Demokratiċi tal-Irlanda ta' Fuq li għalkemm isostnu l-Gvern ta' May iddikjaraw illi ser jivvutaw kontra l-Ftehim tat-Tluq. Ironikament, il- mexxejja tagħhom, Arlette Foster, iddikjarat illi qiegħda tikkunsidra l-hekk imsejħa għażla Norveġiża li żżomm ir-Renju Unit lineata fil- qrib mal-UE u hija l-aktar Brexit ratba possibbli. Li hu mportanti għall-Unjonisti Demokratiċi mhux kif ir- Renju Unit joħroġ mill-UE imma illi l-Irlanda ta' Fuq ma tkunx ittrattata differenti mill- kumplament tar-Renju Unit. Hu l-backstop illi l-aktar li qed joħloq uġigħ ta' ras lil May peress illi r-Renju Unit ma jistax joħroġ minnu unilateralment. Effettivament kif irrimarka Dominic Raab fl-ittra ta' riżenja tiegħu minn segretarju għal Brexit, il- ftehim għandu elementi kemm ta' għaqda doganali kif ukoll ta' sħubija fis-suq waħdieni. F'ċertu aspetti jixbah il-ftehim illi l-UE għandha mat-Turkija (għalkemm skont dak li ġie rrappurtat li qalet id-deputat kap negozjatur tal-UE, Sabine Weyand, hu agħar mill-ftehim Tork) kif ukoll il-ftehim illi l-EU għandha mal-pajjiżi tal-EFTA. jiġifieri n-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein. Raab qal ukoll fl-ittra tiegħu illi hu ma jistax jappoġja arranġament ta' backstop indefinit illi minnu r-Renju Unit ma jistax joħroġ minn jeddu. Skont Raab, l-ebda nazzjon demokratiku qatt ma aċċetta illi jaqa' taħt reġim daqshekk estensiv u impost esternament bla kontroll demokratiku fuq il-liġijiet illi ser jiġu applikati u mingħajr ma jkollu d-dritt li joħroġ minnu. Tassew ħafna jibżgħu illi r-Renju Unit ser jibqa' maqbud fil-backstop għal dejjem u ma jkunx jista' qatt jinnegozja ftehim ta' kummerċ ħieles ma' pajjiżi terzi. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni politika tagħmilha ċara illi r-Renju Unit irid jibqa' lineat fil-qrib mal-UE f 'bosta aspetti regulatorji bħall-ambjent u fir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u dana sabiex ir-Renju Unit ma jkollux vantaġġ kompetittiv fuq il-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-vantaġġ li wieħed joħroġ mill-UE ser jonqos aktar u aktar. Aktar ma jgħaddi żmien aktar nies qed jirrealizzaw illi bl-arranġamenti proposti, ir-Renju Unit ser effettivament isir kolonja tal-UE. Madankollu, jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE bla ftehim, il-konsegwenzi ekonomiċi huma ferm kbar u potenzjalment diżastrużi. Il-kwistjoni hi x'ser isir jekk il-Ftehim tat-Tluq ma jiġix aċċettat mill-Parlament tar- Renju Unit nhar it-Tlieta. May ser ikollha tirriżenja? Il-Gvern ser jiġi sfiduċjat ? Ser ikun hemm elezzjoni ġdida jew ser isir referendum ġdid kif bosta jridu issa? Huma bosta politiċi illi qegħdin isejħu għall-ftehim li jsejħula NorveġjaPlus bir-Renju Unit jerġa' jidħol fl-E.F.T.A. Madankollu, in-Norveġja qed tagħmilha ċara illi hija ma tridx illi dan iseħħ. U fi kwalunkwe każ, tali arranġament ifisser illi r-Renju Unit ikollu jaċċetta l-leġislazzjoni komunitarja mingħajr ma jkollha dritt fit-tfassil tagħha. Ċertament mhux dak li jixtiequ l-Brexiteers. Rari illi r-Renju Unit kien fi kriżi bħalma jinsab fil- preżent u mingħajr ħadd ma jaf kif ser jirnexxielu joħroġ minnha. -unika triq li hemm hi ripensament tad-deċiżjoni tar-referendum ta' sentejn ilu imma wieħed irid jara jekk il- pajjiż jasalx biex joħodha. ellisjoseph@gmail.com Jiem imqanqla fir-Renju Unit JOE ELLIS Rari illi r-Renju Unit kien fi kriżi bħalma jinsab fil-preżent u mingħajr ħadd ma jaf kif ser jirnexxielu joħroġ minnha. -unika triq li hemm hi ripensament tad- deċiżjoni tar- referendum ta' sentejn ilu