Illum previous editions

ILLUM 9 December 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1060187

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 9 ta' Diċembru 2018 20 Rakkont Anke jien L ilha biss bqajt inħobb. Amelia. Għalkemm kienu għaddew ħmistax- il sena mill-aħħar li kont rajtha, kont għadni niftakar kollox fuqha. Ir-riħa tfuħ ta' xagħarha. Dawk l-għajnejn kbar ileqqu. Ħaddejn ruxxana meta konna ninħabbu. Leħinha. Anke l-forma ta' subgħajha delikati u puliti kont għadni niftakar. Għalija kienet id-dinja. Għalkemm meta ltqajna kont għadni daqxejn ta' ġuvni baħnan, moħħi fix-xalar u d-divertiment, malli bdejt noħroġ magħha ħassejtni ninbidel. Ħassejt li ridtha tkun marti għal dejjem. Tiegħi. Tiegħi biss. "Inħobbok Amelia," kont ngħidilha kull filgħaxija qabel ninfirdu u naraha dieħla fid-daħla tar-rixtellu tad-dar il-kbira fejn kienet tgħammar flimkien mal-familja tagħha. U hekk kif kienet tagħmel dejjem, kienet tieqaf bilwieqfa, iddur tħares lejha u f 'dik il-ħemda tat-triq mudlama..."anke jien.." kienet tlissen. Titbissem. U titlaq tiġri. Perfett. Dak il-ħin, għalija kien ikun perfett. Ma kontx nagħti kas jekk kien ikun il-bard, ir-riħ, ix- xita... Amelia kienet tħobbni. U dak biss kien jimporta. Dak il-Milied kont tajtha l-isbaħ rigal li qatt kienet qalgħet. Ifhem, hi hekk kienet qaltli, waqt li bdiet iżżomm il-kaxxa żgħira f 'idejha jirtogħdu, tiftaħ b'ġentilezza l-karta kkulurita li kien hemm madwarha u tħares lejn il- fossa kbira li kien hemm fuq il-wiċċ taċ-ċurkett. Fossa bajda. Djamant. Ma kontx għidtilha dakinhar. Ma kontx għidtilha li biex nixtrilha dak il-ġojjell, kont ksirtha għal ftit żmien ma' missieri għax kont begħt xi għodda li kelli fil-garaxx. "Qalbi..." kienet qaltli. U peress li kienet toqgħod maġenb tagħna, kont erġajt wassaltha lejn darha bil-mixi. "Inħobbok..." erġajt lissint minn taħt. "Anke jien, Jason..." weġbitni, leħinha qisu balzmu fiż-żiffa ta' dik il-lejla xitwija. Imma l-affarijiet mhux dejjem imorru kif inkunu ppjanajnihom. Fil-ħajja, tippjana mod u ġieli jiġri l-oppost. Meta saru jafu bir-relazzjoni tagħna, il-ġenituri tagħha xejn ma kienu ħadu pjaċir. "Inħobbok, Amelia..." għidtilha dakinhar, eżatt malli erġajna wasalna quddiem ir-rixtellu. U dakinhar, fetħitu b'idejha tirtogħod, għamlet pass 'il ġewwa u waqfet għal ftit mingħajr ma kellmitni. Kont indunajt li dik il-lejla, Amelia ma kinitx bħas- soltu. Is-soltu konna nidħqu. Niċċajtaw flimkien. Tħabbilli xagħri iswed, innukklat u folt. Iżda dakinhar kont innutajt li Amelia kienet differenti. Kwieta wisq. "Se jkolli nitlaq," qaltli dak il-ħin, mingħajr ma daret tħares lejja. Kieku għaddiet karozza riħ, laqtitni u sabtitni mal-faċċata tad-dar opposta ma kontx inħoss l-istess uġigħ li kont ħassejt dak il-ħin. "X'inti tgħid, Amelia?" Għal mument xtaqt li kont smajt ħażin. "Ommi u missieri bagħtuni kulleġġ barra minn Malta." Ħassejt nifsi jinqata'. U Amelia baqgħet ma daritx tħares lejha. Kont naf li kienet qiegħda tibki. Smajt leħinha miksur, rajt saqajha jirtogħdu. U dak il-ħin, rajt il-fossa taċ-ċurkett li kont xtrajtilha jien ileqq mad-dawl oranġjo tat-triq. "Meta? U meta tiġi lura?" "Ħames snin tal-inqas..." "Niġi miegħek...niġi narak, noqgħod hemm. Niġi. Toqgħodx tinkwieta..." "Jason," qaltli bilkemm tinstema'. "Se jkollna nieqfu. Daqshekk." U dak il-ħin, ħassejt l-art tiblagħni u tkaxkarni fl- abbissi fittizji ta' moħħi. "X'inti tgħid? Għax qed tgħidli hekk?" staqsejtha b'għoqla fi griżmejja. "Għax ma jridunix miegħek. Ser jibagħtuni minħabba fik," qaltli. "Imma inti xorta waħda... jien inħobbok..." għidtilha, inħoss il-kesħa f 'ġismi kollu, hekk f 'salt wieħed. "Ma nistax nibqa' miegħek, Jason!" qaltli. U dak il-ħin daret tħares lejja. Inħsadt. Wiċċha kien jidher deċiż. Kienet iddeċidiet li titlaqni! "Amelia" "Nibqa' nħobbok, Jason. Imma bejnietna spiċċa kollox. Tittamax fija." "Nibqa' nistennik! Naħliflek!" għidtilha u tant kemm għafast snieni ma' xulxin li ħassejt il-ħanek juġgħani. "Għix ħajtek. Mingħajri." "Kif tista' tgħid hekk?" staqsejtha. "Jien ma nista' nħobb lil ħadd iżjed! Kull mara li ser niltaqa' magħha, ser infittex lilek fiha! U int mhux ser tkun hemm!" "Inħobbok, Jason!" bkiet tal-aħħar. U telqet. Ma ridtx nemmen. Filli kelli l-isbaħ fjura f 'ħajti. U filli xejn. Dlam. Skiet. Vojt. Uġigħ. Amelia kienet siefret l-għada stess. Kienet ħalliet sal-aħħar ġurnata biex tgħidli. U għalkemm kont fittixtha u ppruvajt nibagħtilha kemm- il darba, qatt ma kienet weġbitni lura. Qatt. U maż-żmien inqata' kull kuntatt. Mhux għax kont insejtha. Mhux għax ma kontx għadni nħobbha. Mhux għax ma kontx erġajt mort kemm- il darba quddiem dak l-imbierek rixtellu. Imma għax kont naf li kien aħjar hekk. Għaliha. U għalija. Kien għadda wisq żmien. Amelia żgur ma kinitx għadha tiftakar fija. Imma jien bqajt waħdi. Għalkemm kienu għaddew ħafna snin minn dakinhar, qatt ma ħassejtni norbot qalbi ma' ħadd. Bqajt niftakar dik ir-riħa tfuħ ta' xagħarha, dik it- tbissima, dak il-leħen sabiħ. U kont inħossni waħdi. Kbirt. Sibt xogħol tajjeb. Kont stajt nixtri appartament sabiħ f 'wieħed mill-isbaħ lokalitajiet ta' Malta. Kelli ħafna ħbieb. Flus kemm irrid. Imma ma kellix lilha. Ma kellix lil Amelia. U hekk, bħal sajjetta fil- bnazzi, ġara dak li kont ilni nibża' minnu għal żmien twil. Kont qiegħed bilwieqfa fil-karozza tal-linja li kienet teħodni lura d-dar mix- xogħol, nippjana dak li kont ser insajjar dik il-lejla, elf ħsieb kulinarju f 'moħħi, xħin qalbi għamlet tikk. Rajtha. Ħassejt nifsi jinqata'. Saqajja jogħtru, hekk kif kont qed inżomm mal-ħadida tas-sedil ħalli nżomm bilanċ. Amelia kienet bilqiegħda fil- karozza tal-linja! Kienu għaddew ħafna snin imma kienet tidher għadha l-istess. U iva, forsi kellha xi linja żejda fuq moħħha, forsi xagħarha kien xi ftit iqsar, kienet xi ftit aktar mibruma mill-aħħar darba li kont rajtha. Kienet għadha sabiħa. Amelia. Għal mument, kont ser nintilef u mmur niġri lejha, niġbidha u ngħannaqha b'passjoni kbira. Passjoni li kont ilni nżomm mistura ġewwa fija għal dan it-tul ta' żmien kollu. "Amelia!" ridt ngħajjat...iżda gdimt ilsieni ħalli nżomm ruħi kompost. Ħarist lejn il-ħġieġ tal- karozza tal-linja u rranġajt ftit xagħri. Ridt nidher tajjeb. Iddeċidejt li mmur inkellimha. Iżda dak il-ħin, ħassejt kollox idur bija. Xufftejja qalu isimha bilmod. Ħadd ma semagħni. Amelia kienet qiegħda żżomm labranzetta lil wieħed li kien qiegħed maġenbha bilqegħda! U f 'idejha kellha ċurkett tat-tieġ! Kienet iżżewġitli! Bla ma kont naf kif, x'fatta u xiex, qbadt daqqejt il- qanpiena tal-karozza tal-linja u saqajja ġrew bija lejn l-art, għal ftit ma waqajtx għax il-karozza kienet għadha ma waqfitx għalkollox xħin ħriġt niġri 'l barra minnha. Qalbi maqsuma. U ħarist lejn il-karozza tal- linja li kienet sejra 'l bogħod minni, ġo fiha, l-imħabba ta' ħajti. U ġara dak li qatt ma stennejt. Aċċident. Ħabta kerha. Żewġ vetturi u l-karozza tal- linja. Eżatt quddiemi. Kienet tidher ħabta verament kerha! "Amelia!" werżaqt! Amelia kienet fil-karozza tal-linja! U ġrejt. Ġrejt b'kemm kienu jagħtuni saqajja! Ħaffift minn ġor-riħa ta' demm, riħa ta' brejkijiet maqtugħa, biki u għajjat! Dħalt niġri fil-karozza tal- linja. Mort niġri lejha! Hi u dak ta' maġenbha kienu jidhru feruti sew! In-nies l-oħra, li parti minnhom kienu mejta u oħrajn kienu mweġġa' serjament, bilkemm stajt narahom! Qabadni paniku kbir! "Amelia," għidtilha, naqbadha minn spallejha mingħajr ma nċaqlaqha għax kont smajt li mhux suppost tagħmel hekk. U r-raġel li kien hemm maġenbha, ħares lejja b'għajnejh mimlija uġigħ. "Ħudli ħsiebha..." qalli. "Ħudli ħsiebha Jason." "Int..." għidtlu jien. Dan fejn kien jafni? "Jien Teddy...ħuha ż-żgħir. Insejtni?" U f 'dik il-ferneżija, qbadtilha idha u ħarist lejn iċ-ċurkett. Iċ-ċurkett. Iċ-ċurkett li kont tajtha jien stess. Ħafna snin ilu. Il-fossa tiegħu kienet daret lejn in-naħa t'isfel ta' jdejha. "Jason" qaltli hekk kif fetħet għajnejha. "Anke jien." Sharon Calleja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 December 2018